Jista' l-Ministru u l-Awtorita' dwar it-Trasport jikkunsidraw li t-triq jew telgħa Bay Junction li llum saret traffikuża minħabba l-ftuħ ta' hotel kbira, tiġi one way minflok two way bħalma qiegħda llum peress li ħafna karozzi jibblukkaw lil xulxin f'din it-triq? Hemm mod kif wieħed jista' jitla' minn din it-triq u jinżel minn Birkirkara Hill?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku talbet lil l-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kopja tat-Traffic Impact Assessment tal-hotel li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Dan intalab sabiex it-taqsima tkun infurmata bl-istudji li kienu saru dwar l-impatt ta’ tali hotel fuq l-inħawi w il-miżuri li kienu gew rakkomandati/deċiżi sabiex jilqgħu għal dan l-impatt fuq Bay Junction u l-inħawi.
It-taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku qed tistenna li tirċievi kopja ta’ dan it-
Traffic Impact Assessment
mingħand l-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru dak li qed jgħid il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li m'għandux flus mill-gvern ċentrali biex inaddaf it-toroq fil-Kappara? Jekk fl-affermattiv, x'jista' jagħmel wieħed biex dawn it-toroq jitnaddfu? Peress li l-ġnien Camilleri għadu fi stat ħażin, jista' jgħid jekk dan huwiex minħabba nuqqas ta' flus ukoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-formola ta' finanzjament tal-Kunsilli Lokali tieħu in konsiderazzjoni il-funzjonijiet statutorji kif ukoll l-assi tagħhom.
Għar-rigward il-Kunsilli Lokali ta' San Ġwann ninsab infurmat illi, għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha (i.e. 2007 - 2008), il-Kunsill ingħata ammont ta' Lm7,272 biex jieħu ħsieb il-ġonna fil-lokalita' tiegħu. Għal ġnien G.M.Camilleri in partikolari ġiet allokata s-somma ta' Lm2,106.
Fejn jirrigwardja knis u qtugħ ta' ħaxix, il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann din is-sena ġie allokat is-somma ta' Lm30,797. Minn dawn, Lm7,374 huma allokati għall-Kappara.
Peress li r-residenti ta' St Mary Street, Sliema ilhom għal 99 ġurnata bla rqad, kawża ta' tappieri li qegħdin jagħmlu ħoss kbir minħabba xogħol ħażin li sar minn kuntrattur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadem it-triq u li l-pedamenti ta' dawn it-tappieri sar ħażin jew ma sarx, jista' l-Ministru jara li l-ħsarat jitranġaw minnufih mill-istess kuntrattur u forsi jekk hemm xi retention money dan jintuża biex ix-xogħol isir sew? F'każ negattiv, min hu responsabbli għal dan ix-xogħol u min allura suppost jirranġa dawn in-nuqqasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-kelma "droga" li hemm miktuba fuq bieb ta' fond fil-Gżira li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, titneħħa peress li qed iddejjaq kemm lir-residenti u anke lil min jgħaddi minn hemm?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani bl-għotjiet kollha li għamel il-kunsill lokali ta' Pembroke li mhux koperti bis-skeda? Jekk jirriżulta li hemm xi ħlasijiet li m'humiex koperti x'għamel id-dipartiment f'kull każ? Jekk fl-affermattiv, dawn il-flus ġew imnaqqsa milll-kontribuzzjoni tal-gvern jew ġew mitluba lura mill-entijiet li ħadu dawn il-flus?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali innota illi l-Kunsill Lokali Pembroke għamel pagamenti li m'humiex meqjusa li saru skond il-liġi. Dawn il-pagamenti saru lil Pembroke Athleta FC u lil Perla Hotels Ltd. Dawn il-pagamenti kienu jammontaw għal Lm175. Il-Kunsill ġie mitlub jispjega għal xiex kien għamel dawn il-pagamenti u wara li d-Dipartiment evalwa t-tweġiba tal-Kunsill, iddeċieda illi dawn il-pagamenti ma kienux ġustifikati. Għaldaqstant dan l-ammont ġie mnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill.
F'kull każ li d-Dipartiment jirriżultalu li xi Kunsill ta xi għotjiet mhux skond il-liġi, ammont ekwivalenti jitnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja ta' l-istess Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-crash barrier li qegħed f'post strateġiku bejn Mrabat Street u n-niżla ta' Old College Street, Sliema jistax jiġi rranġat minħabba li dan ilu kważi sentejn inkisser u huwa ta' periklu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saret speżżjoni fuq l-post. It-tiswija meħtiega ser issir mill-aktar fis possibli.
Tista' l-Airmalta tikkunsidra li ssellef tennis court li hemm Pembroke, proprejta' tagħha u li tinstab fi stat tal-biki, lill-assoċjazzjoni tat-tennis tal-lokal biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu minnu, minbarra li jitnaddaf u jinżamm fi stat bħan-nies? Naturalment kemm-il darba l-Airmalta jkollha użu għalih, allura din l-assoċjazzjoni toħroġ 'l barra. Dan jgħin l-isport u l-ħajja soċjali f'dawn l-akwati.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ġaladarba wara 6 xhur il-ġnien G. Camilleri f'San Gwann baqa' fi stat dilapidat u l-kunsill lokali ta' San Gwann mhux qed jinfunzjona kif suppost, jista' l-Gvern ċentrali jieħu lura dan il-ġnien bil-flus allokati biex ir-residenti tal-inħawi jistgħu jerġgħu jgawdu l-ġnien kif suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b'referenza għall-istat ta' l-imsemmi ġnien, uffiċjali tal-Field Services Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali reġgħu spezzjonaw dan il-ġnien fit-22 ta' Mejju 2007 u r-rimarki huma kif indikat fir-rapport li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Abbażi kemm tal-Mistoqsija Parlamentari mill-Onor. Interpellant kif ukoll mir-rapport ta' spezzjoni, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali beħsiebu jiltaqa' mal-Kunsill Lokali San Ġwann biex jiddiskuti kif il-Kunsill jista' jtejjeb il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward.
Dwar il-fatt li l-Kunsill Lokali San Ġwann "mhux qed jiffunzjoni kif suppost", dan il-Ministeru hu konxju mill-fatt li l-imsemmi Kunsill ilu mingħajr Segretarju Eżekuttiv sa mill-4 ta' Mejju 2007 meta l-istess Segretarju Eżekuttiv irriżenja mill-kariga. Peress li l-Kunsill ma setax jaħtar Deputat Segretarju Eżekuttiv (għaliex il-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv kienet vakanti u għalhekk ma setgħetx issir laqgħa tal-Kunsill), inħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv biex jassumi din il-kariga sakemm timtela l-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda f'Malta u Għawdex, u kemm beħsiebu jagħmel iżjed matul is-sena 2007?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li għalkemm il-Bus Shelters jaqaw taħt il-kompetenza tal-Kunsilli Lokali, preżentament l-ADT tefgħat 50 applikazzjoni mall-MEPA għat-twaħħil tal-bus shelters.
Jien infurmat ukoll li l-ADT waħħlet żewġ bus shelters ħdejn l-Universtia' minbarra bus shelters oħrajn li ġew imwaħħla mill-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinvestiga kif tħallew jitwaħħlu bollards fissi fi Trejqa Gennaro Camilleri, Sliema trejqa li tagħti fuq Triq il-Kbira, Triq Borg Olivier, carpark u lukanda, u li ġo fiha hemm residenti, liema bollardstwaħħlu bla permess u issa qegħdin ostaklu għal xi tip ta' emerġenza bħal ambulanza jew nar? Ġaladarba twaħħlu bla permess, ma jaħsibx li dawn għandhom jitneħħew minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li m’hemm ebda approvazzjoni għall-bollards li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Iżda l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta għandha ġuriżdizzjoni biss fuq toroq pubbliċi għaldaqstant it-taqsima talbet lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet informazzjoni eżatta dwar it-titlu legali ta’ Trejqa Gennaro Camilleri sabiex ikun f’pożizzjoni li nieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħarrafni jekk parti żgħira ta' Triq Madonna tal-Ġebla fil-Gżira se tkun inkluża f'xi programm ta' toroq residenzjali, ġaladarba hemm knisja, hemm nies joqogħdu fiha u l-istat tat-triq huwa ħażin ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi parti minn Triq il-Madonna tal-Ġebla hija nkulża fil-programm ta' Toroq Residenzjali għall-perijodu 2006-2008 u li għandha titlesta sas-sena 2008.
In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24923 li t-Triq Dun Gennaro Camilleri mhix sqaq, tinfed minn Triq il-Kbira min-naħa u għal carpark u l-hotel Victoria min-naħa l-oħra, u ġaladarba mhix proprjeta' tal-gvern u dawn il-bollards ġew imwaħħla bla permess, jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex dawn il-bollards jitneħħew minnufih, u r-residenti jkollhom is-serħan tal-moħħ li meta jkollhom bżonn ta' emerġenza, dan l-impediment ma jibqax hemm?
Response (BORG, TONIO)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24923 li tgħid illi t-trejqa Dun Gennaro Camilleri hija sqaq li ma jinfidx u m'hijiex proprjeta' tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jinformani jekk il-linji sofor li hemm fi Triq Alfred Gauci, San Ġiljan humiex bil-permess ta' l-ADT peress li qegħdin jagħtu fastidju kbir lir-residenti? Hemm xi tip ta' arranġament li jista' isir biex ir-residenti jkunu jistgħu jgħixu aħjar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li m'hemm l-ebda approvazzjoni għall-yellow lines li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. It-Taqsima kienet infurmat lil Kunsill Lokali San Ġiljan li tali yellow lines m’għandhomx approvazzjoni fid-19 ta’ Jannar.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24356 u jinformani kemm waqa' lura l-proġett tal-MIDI, vis-a-vis il-kuntratt li l-klabb ta' Tas-Sliema għandu mal-gvern, biex jerġa' jieħu pussess tal-ground? Jista' jara l-possibbilta' li l-grounds ta' l-Universita' li jinsabu fi stat ħażin ħafna kawża tad-dewmien, jiġu rranġati kemm għat-tfal ta' Tas-Sliema kif ukoll għal studenti universitarji?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li titranġa s-sitwazzjoni ta' min qed jikri lil terzi u dawn it-terzi jmorru r-residenza San Vincenz de Paule bir-riżultat li d-dar tkun vojta? Tista' id-dar terġa' iddur fuq is-sid proprja, ġaladarba dawn in-nies issa għandhom akkomodazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li każijiet bħal dawn jiġu deċiżi mit-Tribunal tal-Kera skond il-liġi.
Is-sindku ta' Pembroke iddikjara li l-gvern dam seba' xhur biex japprova self lill-kunsill lokali ta' Pembroke għar-refurbishment, meta kunsilli oħrajn damu xahrejn biex l-istess talba tintlaqa'. Jekk dan huwa minnu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern dam daqshekk? Hemm xi raġuni partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta Kunsill Lokali jitlob biex jieħu self mill-Bank, hemm proċess li ikun irid isir. Dan jinvolvi li l-Kunsill ikun irid jibgħat għadd ta' dokumentazzjoni kif ukoll dettalji lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan huwa importanti biex id-Dipartiment, qabel ma jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu ikun jista' jagħmel evalwazzjoni serja ta' l-applikazzjoni u kif dan is-self propost ikun ser jimpatta fuq l-operat finanzjarju tal-Kunsill. Dan il-proċess jinkludi ukoll, konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali Pembroke, għalkemm it-talba oriġinali kienet saret f'Settembru 2005, il-Kunsill ma kienx bagħat id-dokumentazzjoni u dettalji kollha fil-pront. Lanqas kien għadu deċiż dwar l-ammont ta' kemm ried jissellef mill-Bank. Fil-fatt il-Kunsill bidel tlett darbiet l-ammont li kien indika li xtaq jissellef. L-ewwel kien indika ammont ta' mhux aktar minn Lm25,000. Imbagħad kien tella' t-talba tiegħu għall-Lm35,000 u fl-aħħar kien talab li jissellef Lm45,000.
Minn meta l-Kunsill bagħat id-dokumenti u dettalji finali f'Novembru 2006 sa meta ħarġet l-Ittra ta' Awtorizzazzjoni f'Marzu 2007, għaddew erba' xhur. Dan huwa tul ta' perijodu normali li proċess bħal dan jieħu.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hux minnu li l-Enemalta se jkollha ċentru ta' distribuzzjoni f'Pembroke, fl-inħawi ta' l-isports club? Jekk huwa minnu, meta se jinfetaħ? Peress li ġie allegat minn xi nies li dan jista' jkun ta' ħsara għas-saħħa tar-residenti li jgħixu ħdejn ċentru bħal dan, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu? U jekk fin-negattiv, jista' jispjega u jassigura li m'hemmx ħsara għas-saħħa tar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19603, l-Enemalta qed tippjana li tibni Ċentri tad-Distribuzzjoni f'Pembroke. Dan iċ-Ċentru diġa' għandu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, u dan ser ikun viċin l-'sports club' imsemmija.
Dan iċ-ċentru ta' Distribuzzjoni mistenni jibda jopera sa l-aħħar tas-sena 2009.
L-Enemalta tikkonferma li l-allegazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija mill-Onor. Interpellant, m'humiex fondati. Fil-fatt, l-istudji kollha li saru kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, juru li m'hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-bollards li hemm fi Triq Dun Gennaro Camilleri, f'Tas-Sliema, humiex koperti minn permess mill-ADT? Jekk fin-negattiv, jistgħux jitneħħew minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għat-trejqa Dun Gennaro Camilleri, Sliema, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani jekk il-bollards li reġgħu tpoġġew xi xhur ilu humiex koperti mil-liġi? Fuq liema kriterju twaħħlu, ġaladarba inkwilini ġo appartamenti għandhom bi proprjeta' nofs it-trejqa? Jekk dawn il-bollards mhux koperti minn xi permess, u diġa kienu tneħħew mill-kunsill u mill-pulizija, għalfejn reġgħu ġew imwaħħlin u dan għad-disturb tal-paċi tar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-trejqa Dun Gennaro Camilleri f'tas-Sliema hija sqaq li ma jinfidx u m'hijiex proprjeta' tal-Gvern.