Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pembroke — Toroq li ser isiru

Question

Jista' l-Ministru jelenka t-toroq li se jsiru f'Pembroke bejn Ottubru 2007 u tul is-sena 2008, bin-nefqa ta' kull triq, d-data maħsuba li se ssir, u kemm hu l-kontribut tal-kunsill lokali ta' Pembroke?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-ġimgħat li għaddew diġa saru numru ta’ toroq ġewwa Pembroke. Dawn kienu Triq il-Kurunell Cocks (p/o), Triq Dun Gorg Preca, Triq S Castaldi u għall-ammont ta’ madwar LM64,000. Bħalissa qed isiru ukoll Triq D’Armenia u T/G fi Triq D’Armenia għall-ammont stmat ta’ madwar LM33,000. Għaldaqstant, skond il-programm ta’ toroq maħrug mill-Awtorita’ Dwar it-Trasport, it-toroq kollha ġewwa Pembroke ġew mibnija minbarra p/o Triq Burma li skond l-istess programm għandha titlestha mill-Gvern Ċentrali sas-sena 2008.

Talba għal benefiċċju

Question

Tista' l-Ministru tara jekk dan il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistax jikkwalifika għall-benefiċċju hekk kif imsemmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna b’diżabilita’ tibbenefika mis-Servizz ta’ Eżenzjoni mill-Ħlas tar-Reġistrazzjoni fuq Karozzi, wieħed mill-kriterji bażiċi ta’ eliġibilita’ hu li trid issir applikazzjoni għal dan l-iskop qabel ma tkun tħallset din it-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat għal din l-eżenzjoni fl-24 ta’ Lulju 2007, filwaqt li l-karozza inxtrat f’Ġunju 2006 u t-taxxa tar-reġistrazzjoni kienet diġa’ tħallset. Għal din ir-raġuni l-applikazzjoni ġiet rifjutata u l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar dan.

Msida — Triq il-Ġostra

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani fuq il-qagħda ta' Triq il-Ġostra, Msida fejn it-triq donnha nofsha lesta? Jista' jgħid x'diffikulta' hemm u jekk kemmx xi data ta' meta se titlesta t-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi p/o Triq il-Ġostra tifforma parti mill-programm ta’ toroq li jridu jinbnew sa l-aħħar tas-sena 2008.

Sliema — Skema tal-galleriji

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li f'Tas-Sliema l-iskema tal-galleriji tkun valida għar-residenzi li hemm f'Tas-Sliema kollha? Meta se tibda u jekk min għamel ix-xogħol fuq dawn il-galleriji matul 2007, ikunx intitulat għal għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn din l-iskema se jibbenifikaw residenzi li jinsabu f'żoni ta' Konservazzjoni Urbana (CA, Urban Conservation Areas) u bini skedat fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex. Mhux eskluż li eventwalment din il-miżura tkun estiża f'żoni oħra. L-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jinġabru mill-kunsilli lokali kollha ukoll mill-15 ta' Ottubru 2007. Nimmaġina li l-Onorevoli Interpellant japrezza li t-talba għax-xogħol trid tiġi eżaminata qabel ma tiġi awtorizzata. Xogħlijiet diġà lesti ma jiġux finanzjati.

Pembroke — Storbju bil-lejl

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex r-residenti ta' Pembroke jistgħu jgħixu bil-kwiet u dan minħabba n-nuqqas ta' liġi u enforcement fil-Sprachcaffe fejn hemm campus ta' l-istudenti u saħansitra studenti jiġġerru fit-triqat fis-sakra sal-5.00 am?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi rigward infurzar ta' liġi dwar użu mhux skond il-liġi ta' blokk bini mill-Isprachecaffe, il-Pulizija għaddiet rapport lill-Awtoritajiet kompetenti, ċioe' lill-MEPA u l-MTA. Rigward storbju minn żgħażagħ matul il-lejl f'żoni residenzjali ġo Pembroke, ninstab infurmat illi l-Pulizija tirrispondi għal complaints li jsirulha mir-residenti u barra minn hekk, tagħmel rondi ġo Pembroke skond l-esiġenzi tal-lokal. Rigward studenti li jiġġerrew barra sas-siegħat bikrin ta' filgħodu, wieħed irid japprezza li dan ma jikkostitwix ksur ta' liġi u għaldaqstant il-pulizija tillimita ruħha sabiex trazzan il-ksur tal-buon ordni u l-paċi pubblika u tagħmel l-almu tagħha sabiex tissalvagwardja l-mistrieħ tar-residenti tal-lokal. Ir-rondi f'Pembroke ser ikomplu bħal dejjem.

Swieqi — Triq Josef Calleja

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx pjanijiet li ssir Triq Josef Calleja fi Swieqi? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill Onorevoli Nterpellant illi Triq J Calleja fis-Swieqi hija waħda mit-toroq li tinsab fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru sas-sena 2008. Fil-ġimgħat li ġejjien ser jibda xogħol fuq il-bankini. Sadattant għaddej ukoll il-proċess ta’ esproprijazzjoni biex din it-triq tkun tista’ tingħaqad ma’ Triq il-Mensija skond il-pjan lokali.

Scengen visas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma d-data ta' bidu ta' scengen visas, is-sistema li se tintuza u l-proċeduri, biex kull tour operator li diġa' jaħdem lejn Malta jkun avżat minn issa?

Response (BORG, TONIO)

Il-ħsieb hu li l-pajjiżi li jiġu ċċertifikati li għandhom kollox lest biex isiru parti mix-Scengen, ikunu jistgħu joħorġu Scengen Visas sa l-aħħar ta’ din is-sena. Id-dħul ta’ dawn il-pajjiżi fis-Scengen irid jiġi approvat mill-Kunsill tal-Ministri.

Kappara — Ġnien Camilleri

Question

Wara xhur fejn il-Kappara reġgħet ġiet minsija mil-lat ta' ġnien Camilleri, toroq bil-ħmieġ, ħaxix ħażin ma' kullimkiern, plots miftuħin u periklu ta' saħħa minn dubbien, u ma ngħataw l-ebda risposti mill-kunsill lokali, jista' l- Viċi Prim Ministru l-ewwel jagħmel enfasi fuq il-kunsill li l-flus tal-gvern ċentrali qegħdin imorru verament lejn il-Kappara? Jaħsibx li verament wasal iż-żmien għal kunsill tal-Kappara apparti, ġaladarba hemm tant differenza bejn San Ġwann u l-Kappara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa l-istat ta' effiċjenza fis-servizzi mogħtija mill-Kunsill Lokali San Ġwann ġewwa l-Kappara. Flimkien ma' dan, qed ikun mistħarreġ xi flus ġew allokati mill-Kunsill Lokali San Ġwann speċifikament għar-raħal żgħir (hamlet) tal-Kappara u l-mod kif intefqu dawn il-flus, sabiex jiġi assigurat li l-hamlet tal-Kappara tingħata l-attenzjoni li jixirqilha. Risposta dettaljata tingħata f'xi seduta oħra wara li jkun sar l-eżerċizzju msemmi hawn fuq.

Tappieri

Question

Peress li r-residenti ta' St Mary Street, Sliema ilhom għal 99 ġurnata bla rqad, kawża ta' tappieri li qegħdin jagħmlu ħoss kbir minħabba xogħol ħażin li sar minn kuntrattur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadem it-triq u li l-pedamenti ta' dawn it-tappieri sar ħażin jew ma sarx, jista' l-Ministru jara li l-ħsarat jitranġaw minnufih mill-istess kuntrattur u forsi jekk hemm xi retention money dan jintuża biex ix-xogħol isir sew? F'każ negattiv, min hu responsabbli għal dan ix-xogħol u min allura suppost jirranġa dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma tikkonferma illi l-problema fit-tappiera inkwestjoni kienet ikkawżata mill-fatt li kienet ċediet l-manhole chamber. Il-Korporazzjoni talbet verbalment lill-kuntrattur li għamel ix-xogħol oriġinali biex jagħmel it-tiswijiet neċessarji u din it-talba ġiet ikkonfermata bil-miktub filwaqt li l-kuntrattur ingħata sas-17 ta' Lulju 2007 biex jagħmel ix-xogħol rimedjali. Il-kuntrattur naqas milli jagħmel dan u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlet dan ix-xogħol meħtieġ permezz ta' kuntrattur ieħor u ser tnaqqas il-valur ta’ dan ix-xogħol mir-retention money dovut lill-kuntrattur.

Konsulent legali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm hemm kunsilli lokali f'Malta u Għawdex li qablu lill-avukat, li ismu qed jintbagħat separtament, bħala konsulent legali? Jista' jgħid kemm kull kunsill qiegħed jonfoq f'dawn il-konsulenzi kull sena ta' kull kunsill?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, ser tingħata tweġiba f'xi Seduta oħra.

Tas-Sliema — Triq Mrabat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt ftit tax-xhur ilu, jista' l-ministru jara għaliex il-barrier fi Triq Mrabat, Sliema għadha ma saritx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din il-barrier qed tiġi rranġata din il-ġimgħa mill-Koperattiva tat-Tabelli u Sinjali.

Sliema — Bollards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif il-pulizjia ta' Tas-Sliema qatt ma rrispondiet dwar il-kwestjoni tal-bollards fit-Trejqa Dun Gennaro Camilleri, liema bollards huma ta' tfixkil, u anke hemm katnazzi fuq il-bollards u dan b'ostaklu għar-residenti? M'hemm ħadd li hu responsabbli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija rrispondiet lill-Onor Interpellant f'ittra li ġġib id-data tal-5 ta' Awissu 2007.

Kappara/Gżira — Nuqqas ta' crash barriers

Question

B'referenza għar-roundabout tal-Kappara/Gżira fejn ir-residenti qegħdin jilmentaw għan-nuqqas ta' crash barriers u wisq iżjed nuqqas ta' faċilitajiet biex ikunu jistgħu jaqsmu sakemm tiġi rranġata Triq Sliema, jista' l-Ministru jara li l-ADT tikkonsidra azzjonijiet biex ir-residenti kemm tal-Kappara u kemm tal-Gżira jkunu jistgħu jaqsmu bla riskju għalihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT hija konxja tal-problemi msemmija. Tant hu hekk li soluzzjoni aħħarija, permezz ta' subways apposta, huma nkorporati fid-dizin tal-Grade separated junction li trid issir fir-roundabout tal-Kappara bħala parti mix-xogħlijiet ta-Ten-T network. Bħala solużżjoni temporanja kienu kunsidrati Pelican lights u "Elevated Walkway" b'din ta' l-aħħar tkun preferuta minħabba limpatt negattiv li jkollhom pelican light fuq it-traffiku. L-ADT ġa ħadet il-miżuri neċessarji sabiex dan l-"Elevated Walkway" tkun nstallata fl-iqsar żmien possibli.

Pembroke — Kunsill Lokali

Question

Jista' l -Viċi Prim Ministru jivverifika jekk il-kunsill lokali ta' Pembroke huwiex jagħti l-uffiċini tiegħu, kif jidhru minn fuq website, għall-kiri ta' skola ta' l-Ingliż? Din l-iskola għandha permess biex topera? Kemm qed idaħħal flus il-kunsill? Saru xi tenders? Dan huwa skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma jirriżultax illi l-Kunsill Lokali Pembroke qed jikri l-uffiċini tiegħu għal skola ta' l-Ingliż. Pero' jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni partikolari, jgħaddihieli.

Sliema — Triq Gennaro Camilleri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex ittra li ntbagħtet l-għassa ta' Tas-Sliema fuq bollards mwaħħlin mingħajr ebda permess fi Trejqa Gennaro Camilleri tibqa' bla risposta? Għaliex dawn il-bollards bla permess ta' kull awtorita' għadhom hemm? Min waħħal dawn il-bollards u x'passi se jittieħdu kontra din il-persuna? Jistgħu jitneħħew dawn il-bollards, ġaladarba huma ta' periklu u jżommu d-dħul ta' ambulanza jew fire engine f'din it-trejqa, li tagħti fuq żewġ toroq prinċipali u hija aċċess għal car park taħt l-art ta' lukandi fuq żewġ naħat?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li għaddejt l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-awtoritajiet tal-Pulizija sabiex tingħata risposta kemm jista' jkun malajr għall-ittra msemmija, nirreferi ukoll lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jiena tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24923 u 25546.

ADT — Sinjali tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministrtu flimkien ma' l-ADT jara jekk quddiem garaxx bil-marka no parking ikun hemm mhux biss sinjali sofor, iżda wkoll il-kliem "keep clear" biex kulħadd ikun jaf bl-iktar mod ċar u għax hemm sidien ta' garaxxijiet li ma jkunux jistgħu jidħlu u joħorġu mill-garaxx tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond il-proviżjoni tal-liġi, garaxx li fih hemm vetturi bil-muturi jrid ikollu "garage in use" miktuba fuqu sabiex ma jsirlux ostaklu ta' aċċess liberu. It-talba ta' l-Onor Interpellant li jkun hemm kaxxa safra quddiem garaxx mhux rakkomandabbli minħabba li, skond il- Motor Vehicle Regulations , kaxxa safra tindika kaxxa normali ta' parkeġġ ezatt bħal kaxxa bajda. Kaxxa li tindika " Keep Clear" tintuża għal skopijiet ta' sigurta' u mhux għar-raġuni ndikata f'din il-mistoqsija parlamentari.

MEPA — Spezzjoni fuq sit f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jara li l-enforcement officers tal-MEPA jiċċekkjaw lill-kuntrattur tas-sit tal-Galaxy f'Tas-Sliema peress li kull nhar ta' Ħadd ikun hemm il-ħaddiema jaħdmu bla ebda kopertura fuq il-faċċata u minħabba f'hekk ir-residenti qegħdin jgħixu fi trab kontinwu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li saru ¿ewġ spezzjonijiet il-bieraħ, 15 ta’ Lulju 2007, bejn is-7.30 u t-8.00 u bejn l-10.00 u l-10.30 ta’ filgħodu. Ma ġew innutati l-ebda xogħlijiet fuq is-sit. Is-sit in kwistjoni se jibqa’ taħt sorveljanza. Sadanittant tajjeb wieħed ifakkar li l-pubbliku jista’ jċempel fuq in-numru ta' emergenza ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), Malta 9926 9926 u Għawdex 9924 9924, anke nhar ta' Ħadd, biex jirraporta allegat ksur fil-kundizzjonijiet ta' permess.

San Ġiljan — Ristorant fi Triq Mensija

Question

Jista' l-Ministru jivverifika kif il-MEPA laqgħet talba - applikazzjoni MEPA 02588/07 - għal ristorant class 6 fi Triq Mensija, San Ġiljan, meta dan il-fond huwa mdawwar minn djar ta' residenti li għandhom dritt jgħixu fil-kwiet? Jista' jgħidli jekk hemmx oġġezzjonijiet minn nies, residenti u l-kunsill lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Iżda sadanittant tajjeb li l-Onorevoli Interpellant jinnota li mis-sit elettroniku pubbliku (website) ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wieħed jista’ josserva li din l-applikazzjoni PA 2588/07 fil-fatt għadha qed tkun ipproċessata. S’issa daħlu żewġ oġġezzjonijiet minn terzi persuni.

San Gwann — Triq l-Istefanotis

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Wasteserv tpoġġi x'imkien ieħor il-bins li hemm fi Triq l-Istefanotis, f'San Gwann peress li din hija triq prinċipali u huwa ta' periklu li vetturi jieqfu hemm? Jista' jara li dawn il-bins jitqiegħdu f'post alternattiv kantuniera 'l bogħod jew jitqiegħdu iżjed 'il ġewwa, isir passaġġ u jitgħattew bis-siġar ħalli b'hekk jitneħħa l-periklu u titnaqqas il-kruha?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.