Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28048 u jinfurmani jekk huwiex veru li l-kumpless Sprachcaffe f'Pembroke qiegħed ibiddel xi strutturi biex jakkomoda iżjed studenti? Jekk dan huwiex kopert mill-permess ġaladarba dan il-bini jista' jkun skedat u jekk il-block huwiex intenzjonat ukoll għal struttar biex jakkomoda iżjed u iżjed studenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Huwa veru li l-kumpless Sprachcaffe f'Pembroke għamel xogħlijiet fuq żewġ blokki separati li huma Blokk E u Blokk D. Fir- rigward ta' blokk E sar biss xogħol ta' manutenzjoni li fin-natura ma jirrikjedi l-ebda permess u għaldaqstant l-użu għall-akkomodazzjoni ta' studenti f'din il-blokka huwa kopert bil-permessi eżistenti tal-Malta Tourism Authority.
Fir-rigward ta' blokk D ix-xogħlijiet strutturali li hemm għaddejjin bħalissa huma koperti bil-permess ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li jġib referenza PA 288/05 maħruġ fid-29 ta' Novembru 2005. Dan il-permess ikopri ukoll l-użu ta' din il-blokka għal uffiċini. Għalhekk dan il-blokk ma jistax jintuża għal akkomodazzjoni ta' studenti.
Jista' l-Vici Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27989 u jinfurmani jekk l-Uffiċċju ta' l-Attorney General rrispondiex lill-puliżija fuq il-kwestjoni ta' bollards illegali fi Trejqa Dun Gennaro Camilleri, Sliema, liema trejqa tagħti fuq żewġ triqat prinċipali? F'każ li rrispondew, jista' jinfurmani x'kien l-eżitu u fil-kaz li m'hemmx risposta, meta jaħsbu li jistgħu jirrispondu? Dan fl-isfond tal-fatt li m'hemm ebda awtorita' li ħadet ir-responsabbilta' għat-twaħħil ta' dawn il-bollards illegali.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali ta lill-Pulizija il-pariri li ġie mitlub. Il-Pulizija qegħdha issa teżamina x'passi ulterjuri tista' tieħu.
Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru tiegħu u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din mhix materja li tispetta lill-Ministeru tiegħi.
Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru li taħtu jaqa' l-isports u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?
Jista' l-Ministru jikkonsidra serjament li jiġi rtirat il-każ b'applikazzjoni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema applikazzjoni ġiet sottomessa mill-ADT bi pjanta proposta ta' traffic flow fix-xatt ta' Qui-Si- Sana mill-perit li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28000, il-parti msemmija ta' Rue D'Argens hija biswit showroom, dik il-parti ta' fuq fejn titla' b'rampa u tiġi fi triq ma tinfidx li hija wżata mir-residenti biss. Din it-triq fl-Imsida hija post ideali għall-parkeġġ għar-residenti biss. Għaldaqstant tista' l-ADT tikkunsidra li dan il-post isir parkeġġ għar-residenti biss?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku tifhem li t-triq li għaliha tagħmel referenza din il-mistoqsija parlamentari jisimgħa ‘Upper Rue D’Argens Street’.
It-Taqsima ma tapprovax li jkun hemm toroq fejn isir parkeġġ mir-residenti biss iżda t-taqsima tikkunsidra talbiet għal ‘
Controlled Residential Parking Schemes’
.
Minn riċerka li saret fir-
records
tat-taqsima rriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-kunsill lokali Msida għal ‘
Controlled Residential Parking’
f’din it-triq.
Jista' l-Ministru jagħti data meta se jibda x-xogħol fuq l-istorm water culvert fi Triq Madre M. Debrincat, Triq il-Kurunell Cocks u Triq G Henin, f'Pembroke għax dan jista' jsolvi l-problema ta' l-għargħar li hemm fl-inħawi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi il-proġett ta’ l-istorm water culvert f’Pembroke huwa wieħed minn numru ta’ proġetti għal kontra l-għargħar li qed ikun evalwat sabiex jiġi inkluż fil-program ta’ xogħol relatat ma' prevenzjoni ta' l-għargħar.
Jista' l-Ministru jieħu konjizzjoni ta' petition li qed tintbagħat separatament fuq Triq Josef Kalleya, Swieqi, liema residenti huma mħassbin fuq ċerti punti, u li jistgħu jkunu mplimentati waqt ix-xogħol fuq l-istess triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol fuq din it-triq nbeda f’dawn il-ġranet u x-xogħol mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jara li l-garages li hemm fit-Triq Għar u Casa, Mellieħa jibqgħu tali? Mid-dehra din it-triq hi ppjanata biex tkun mgħollija u s-sidien ta' dawn il-postijiet miġbura fil-petizzjoni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se jiġu mċaħħda mill-garages tagħhom, għalhekk dawn qed jitolbu l-ħarsien tagħhom u li l-livell tat-triq tibqa' li hi.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li responsabbilta’ tal-livelli u l-linji ta’ toroq bħal dawn hija f’idejn il-MEPA.
Sadattant ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew saru diversi laqgħat fuq is-sit imsemmi bejn ir-residenti, l-kuntratturi u rappreżentanti ta’ l-ADT. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi diffikultajiet imqajma mir-residenti u saru proposti biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti ta’ dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx data biex jibda x-xogħol fuq il-famuża slipway f'Pembroke? Jekk iva, meta beħsiebu jibda x-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet bejn il-MEPA u t-Taqsima tax-xoghlijiet għadhom għaddejjin. Hekk kif jinħarġu l-permessi, l-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jibni l-imsemmija slipway.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx pjanijiet għal kumpless White Rocks f'Pembroke? Jekk iva, xi pjanijiet hemm u jekk tistax issir xi ħaġa biex il-post jitnaddaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani meta se jibda ix-xogħol fuq l-iskola ta' Pembroke, hekk kif ġiet mħabbar dan il-proġett? Kemm se jiswa lill-gvern ċentrali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jonqos li formalita' minn naħa tal-MEPA biex ikun jista' jibda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-kawża li l-gvern fetaħ kontra l-Malta Labour Party dwar il-proprjeta' ta' l-Australia Hall u l-ex Raffles f'Pembroke? X'azzjoni qiegħda tittieħed biex jiġi żgurat li ma ssirx aktar ħsara f'dawn il-binijiet li huma skedati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma fetħet l-ebda kawża kontra l-Malta Labour Party dwar il-proprjeta' ta' l-Australia Hall u l-ex Raffles f'Pembroke. Rigward l-aħħar parti tad-domanda ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proprjeta' in kwestjoni hija mogħtija b'ċens perpetwu u għaldaqstant kwalunkwe ħsara hija r-responsabilita' ta' l-utilista.
Billi għaddej il-bini tal-bridge ta' Regional Road u billi jaqa' ħafna ilma lejn il-pjazza ta' San Ġiljan, Spinola taħt il-bridge, jista' l-Ministru jara li jsiru xi water culverts b'ċertu mod biex dan l-ilma ma jibqax jiġi b'tali kwantita' u b'hekk insolvu problema kbira?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li suġġeriment tiegħu qed ikun investigat mill-ADT bil-ħsieb li tinstab solużżjoni għall-problema msemmija.
Jista' l-Ministru jara li l-ADT tikkonsidra li l-parti ta' fuq ta' Rue D'Argens, Msida li m'għandha l-ebda sbokk issir parkeġġ għar-residenti biss, dan ġaladarba ġot-triq hemm karozzi għall-bejgħ, ħafna minnhom bla liċenzja u dawn qed jieħdu post ta' parkeġġ għar-residenti? Ir-resideni jkunu grati għal konsiderazzjoni ta' din it-talba.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’referenża għal din il-mistoqsija parlamentari huwa ferm appreżżat li l-Onor Interpellant jispeċifika f’aktar dettal il-parti ta’ Rue D’Argens li għaliha qed jirreferi sabiex l-Awtorita’ Dwar it-Trasport tkun f’pożiżżjoni li tati l-informażżjoni meħtiega.
Kif ġie referit, il-Malta Football Association se żżid il-prezzijiet tad-dħul għal-logħbiet tal-League Malti mill-1 ta' Jannar u dan bla ebda raġuni valida, jista' l-Ministru jivverifika dan? Jista' jgħid jekk l-MFA talbitx permess u jekk dan ġiex aċċettat? Jekk le, jista' jwaqqaf tali żieda fil-prezz?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-ilmenti kontinwi ta' residenti fuq blokk bini ġdid fi Triq C. De Brockdorff, Msida fejn hemm ħafna barranin jgħixu u dawn qegħdin joħorġu ż-żibel filgħaxija jew fil-weekend, u dan bi ħsara għall-post u għar-residenti stess? Jista' jivverifika għal kemm hemm permess ta' nies li jistgħu jabitaw f'dan il-blokk, u jekk dawn ġewx xi darba immultati għal dan ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, għaddejt l-ilment lill-Pulizija, għalkemm tali kontravenzjoni hija wkoll skrutinabbli mill-Ispetturi tas-Saħħa. Fir-rigward tal-kumplament tal-Mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob tali tagħrif mingħand il-Ministru kkonċernat.
Għal dak li jirrigwardja l-Kunsill Lokali, bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Tista' l-Airmalta tikkunsidra li ssellef tennis court li hemm Pembroke, proprejta' tagħha u li tinstab fi stat tal-biki, lill-assoċjazzjoni tat-tennis tal-lokal biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu minnu, minbarra li jitnaddaf u jinżamm fi stat bħan-nies? Naturalment kemm-il darba l-Airmalta jkollha użu għalih, allura din l-assoċjazzjoni toħroġ 'l barra. Dan jgħin l-isport u l-ħajja soċjali f'dawn l-akwati.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fit-2 ta' Lulju 2007, ġie iffirmat ftehim bejn l-Air Malta u l-Pembroke Rackets Tennis Club biex dan it-tennis court jinkera lill-club.