Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann — Sliema Road

Question

B'riferenza għall-mistoqsja parlamentari 23685 fuq xogħolijiet fi Sliema Road San Ġwann, jista' l-Ministru jagħti data ndikativa meta se jibda x-xogħol fuq din it-triq, kif kienu ppjanati li jibdew fl-2008?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proġett għall-bini ta’ ‘fly over’ fil-Kappara waqa’ lura minħabba li OPERATIONAL PROGRAMM 1 ma kienx approvat fil-bidu ta’ 2007 u b’hekk l-applikazzjoni lill-UE ma setgħetx tiġi sottomessa qabel, din id-data. Għalhekk il-programm għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti kellu jiġi revedut. Huwa pjanat li din l-applikazzjoni tiġi sottomessa lill-UE lejn l-aħħar ta’ Marzu 2008, u s-sejħa għall-offerti tiġi ppublikata tul 2008 biex il-proġett jitwettaq fl-2009.

Ta' Xbiex

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fi Triq Sir Ugo Mifsud, Ta' Xbiex hemm ħanut li kien qiegħed jintuża għal skopijiet ta' prostituzzjoni u issa qiegħed għal permess ta' studio flats? Għal finijiet fejn il-gvern għamel ħafna affarijiet biex il-post jitnaddaf, jista' jara li dawn il-flats ma jibqgħux jintużaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni organizzata u r-residenti jkunu jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali f'darhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija ma jirriżultax illi l-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jintuża għall skop ta' prostituzzjoni.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jinfurmani jekk il-miżura mħabbra fil-budget tal-pensjonijiet, cioe' dwar dawk li jirċievu żewġ pensjonijiet u allura kien ikollhom xi tnaqqis, tinkludix l-pensjoni lokali tal-pulizija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-miżura mħabbra fil-Budget għal din is-sena, fejn ser jiġu njorati €465.87 mill-pensjoni tas-servizz fil-kalkolu tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali, tapplika wkoll għall-pensjonijiet tas-servizz mħallsa lill-ex pulizija.

Fondi ta' ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx xi fondi ta' ristrutturar mill-Unjoni Ewropea għall-industrija ta' mastrudaxxi żgħar? Jekk hemm, kemm hemm fis-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sal-ġurnata ta' llum għadhom ma ħarġux proġetti b’finanzjament taħt il-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2007-2013 minn xi entita' Governattiva għal ristrutturar fl-industrija ta’ mastrudaxxi zgħar. Madankollu hemm proġetti ta’ taħriġ ta’ ħaddiema taħt il-Leonardo da Vinci, titjib ta' l-ambjent tal-fabbrika u ħarsien ta’ saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol. Informazzjoni fuq dawn il-progetti tista tinkiseb mill-Ministeri kkoncernati.

Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani xi benefiċċji hemm maħsuba għal studenti Maltin li jistudjaw barra minn Malta? Hemm xi korsijiet partikolari fejn hemm l-għajnuna? Studenti tal-ballet jidħlu f'dawn l-iskemi?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi joffri żewġ skemi ta` boroż ta` studju: 1. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Postgraduate Studies. Taħt din l-iskema, l-studenti jkunu jistgħu japplikaw biex ikomplu l-istudji tagħhom f’livell ta’ Master u Ph.D fl-Universita` ta` Malta jew f’universita` barra minn Malta. F’din l-iskema, l-istudenti jibbenifikaw minn forma ta` għajnuna għall-ħlas ta` tuition fees. Fil-kaz ta studenti li jmorru l-Universita’ ta’ Malta, il-borza taghti grant lil-Universita u grant lil-istudent. 2. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Undergraduate Studies. Din l-iskema hi miftuħa għal studenti li jagħżlu li jistudjaw f’istituzzjonijiet privati lokali li joffru korsijiet f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri. L-istudenti li jibbenefikaw minn din l-iskema jingħataw għotja li jistghu juzaw sew biex jithallsu il-mizati jew ghal manteniment. Għaldaqstant fil-preżent, l-iskema tal-istudji postgraduate hi l-unika skema li toffri għajnuna lil studenti Maltin li jkomplu jistudjaw barra minn Malta. Dawn il-boroż ta` studju jingħataw għal studji f’oqsma li jkunu importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż. Hemm mahsub li skemi ghal studju barra min Malta f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri, jkollom access ghal l-istess skema tal-istudji Undergraduate li hemm illum. Rigward il-korsijiet tal-ballet, il-Kunsill Malti ghall-Kwalifiki għaddej minn proċess ta` konsultazzjoni dwar l-kwalifiki vokazzjonali sabiex fl-2008 iniedi eżerċizzju ta` mapping li jpoġġi l-kwalifiki vokazzjonali skond il-Qafas tal-Kwalifiki Nazzjonali. La darba jitlesta dan l-eżerċizzju, ikun possibli issir reviżjoni tal-eliġibilita` tal-kwalifiki ghall-benefiċji ta l-istudenti.

MFA — Għoli ta' prezzijiet

Question

Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru li taħtu jaqa' l-isports u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, li l-MFA la tablet u lanqas ikkonsultat ruħha mal-Ministeru dwar iż-żjieda fil-prezzijiet.

San Giljan — Triq Alessio Xuereb

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx xi pjanijiet biex fi Triq Alessio Xuereb f'San Giljan biswit Triq Reġjonali t-traffiku jkun kontrollat aħjar minħabba li f'din it-triq diġa' kien hemm inċidenti traġiċi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 2005 rigward Triq Dun Guzepp Xerri rriżulta li ġej: · Ma kien hemm l-ebda talba mill-kunsill lokali, mill-pubbliku jew mill-puliżija għal miżuri ta’ sigurta’ f’din it-triq. · Ma kien hemm l-ebda inċident traġiku tat-traffiku f’din it-triq.

Bolol b'cents Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-bolol bi prezz ta' cents Maltin hux se jkunu biss validi sa l-aħħar ta' Jannar 2008? Jekk fl-affermattiv, jistgħu jsiru arranġamenti biex dawn il-bolol jissarrfu f'bolol bi prezz ta' ewro cents?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jara huwiex possibbli li l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Tas-Sliema u jwasslu għall-iSptar Mater Dei jibdew ikunu iżjed frekwenti minflok iż-żewġ vjaġġi bil-ħin li jsiru bħalissa? Jista' jara wkoll jekk fl-Imsida jistax isir stagegħall-istess skop għall-konvenjenza tal-Msidjani?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li preżentament il-ħinijiet tal-karozzi tal-linja li jitilqu minn St. Andrews u jmorru l-Isptar Mater Dei via Tas-Sliema huma bil-frekwenza ta’ kull siegħa u jibdew mis-6.00 ta’ filgħodu u jkomplu sat-8.00 ta’ filgħaxija. Fir-rigward ta’ Bus Stop fl-Imsida, jien infurmat li ser jitwaħħal Bus Stop quddiem it-Tikams għall-konvenjenza tal-Msidjani.

San Gwann — Zebra crossing

Question

B'referenza għal mistoqsijiet parlamentari li diġa' saru fuq zebra crossing pjuttost perikoluża fi Vjal ir-Rhan, San Gwann, li hemm talbiet biex isir pelican lights fiz-zebra crossing, ir-residenti jistaqsu x'sar minnu dan il-ħsieb? Jekk se jsir, meta? Jekk mhux se jsir, l-informazzjoni li ngħatajt mir-residenti huwa għaliex hemm xi persuna li ma tridx dan il-pelican lights sabiex jdur komdu. Jista' l-Ministru jinfurmani biex ir-residenti jkollhom risposta ċara tal-pożizzjoni tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-talba għall-pelican lights fi Vjal ir-Rihan ġiet aċċettata. L-istima tax-xogħol imsemmi saret u qegħda attwalment tistenna l-approvażżjoni neċessarja.

Msida — Appartamenti

Question

Peress li l-Imsida hemm żewġ blokki appartamenti magħrufa mill-MEPA fejn il-permessi inizjali ta' appartamenti ġew mibdula u issa hemm gzuz ta' mini appartamenti mikrija lill-barranin, u peress li dan biddel kemm il-kuntratt ta' bejgħ ta' appartamenti lill-Maltin u anke l-ġeneru ta' xogħol għaliex issa hemm mijiet joqogħdu f'dawn l-appartamenti kollha bi ħlas, u peress li nafu li l-MEPA kienet indikat dati fejn is-sidien kellhom jirranġaw il-pożizzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn din id-data sal-lum? Hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiddeskrivi aħjar għal-liema sit qiegħed jirreferi, idejalment permezz ta' site plan.

Sliema — Bus stops

Question

Jista' l-Ministru javza lill-ADT biex ineħħu bus stop fix-xatt ta' Tas-Sliema li qiegħed mal-baħar, ikrah u qadim u jpoġġu wieħed bħall-oħrajn? Jista' l-bus stop ta' quddiem l-Preluna jitpoġġilu bank biex ipoġġu n-nies bil-qegħda għax dan il-bank ilu nieqes xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita ser tieħu ħsieb twaħħal bank fil-Bus Shelter ta’ quddiem il-Preluna Hotel. Fir-rigward tal-Bus Shelter tax-Xatt ta’ Tas-Sliema, jien infurmat li dan il-Bus Shelter diġa huwa ordnat sabiex jinbidel.

Ta Xbiex — Tlajjar

Question

Ċertu triqat f'Ta' Xbiex għadhom ikunu frekwentati minn nisa għal tlajjar, jista' l-Ministru jinfurmani l-miżuri li ttieħdu biex dawn ir-residenti jkunu jistgħu jgħixu bil-kwiet, f'ambjent normali u jistgħu joħorġu bil-familji tagħhom? Jistgħu jkun hemm rondi minn pulizija minn barra d-distrett u użu tal-mobile police station f'dawn l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll ta' l-Iskwadra ta' kontra l-vizzji, regolarment jagħmlu spezzjonijiet fl-inħawi msemmija u kull fejn jirriżulta li jkun hemm xi abbuż jittieħdu dawk il-passi kollha skond il-liġi. Infurmat ukoll illi b'riżultat ta' dawn l-ispezzjonijiet matul din is-sena il-pulizija ħarġet 122 akkuża quddiem il-Qorti fuq tlajjar għall-prostituzzjoni fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Ħaddiema ta' l-ITS

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni tal-ħaddiema fil-ITS li huma fuq kuntratt ta' tlett xhur jew iżjed li jiġġedded, jew li m'għandhomx job description? Xi ħsibijiet hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern qed jieħu l-passi biex il-ħaddiema b'kuntratt fl-ITS ikollhom post fuq bazi indefinita fis-settur pubbliku. Il-ħaddiema konċernati ser jiġu informati bid-dettalji fi zmien qasir.

Applikazzjoni

Question

B'referenza għall-applikazzjoni nru PA 05324/07 mill-ADT lill-MEPA, jista' l-Ministru jwaqqaf tali applikazzjoni minnufih għan-nom tar-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-applikażżjoni PA 05324/07 tinkwadra l-proposti għat-tregija tat-traffiku u l-bini ta' toroq ġodda fil-peninsula ta' Tigne. Għalhekk wieħed jista iqisha bħala li tgħaqqad numru ta' proposti li l-implementażżjoni tagħhom issir f'diversi laqqiet. L-Awtorita' tibqa impenjata li tirfna l-iskema anki waqt l-implementażżjoni jekk jirriżultalha li dan ikun fl-aħjar interess tar-residenti, visitaturi u l-kommunita kummerċjali.

Bollards

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27989 fejn fiha nixtieq inżid li possibbli li f'din l-art m'hemm ħadd li hu responsabbli għat-twaħħil ta' dawn il-bollards, u ġaladarba ħadd ma ta xi permess li dawn isiru, allura illegali, xi ħadd jagħti l-ordni beix dawn jitneħħew mill-pulizija? Naħseb li wara sena ta' ġiri f'kull dipartiment, ir-residenti għandhom dritt ta' risposta ċara u tonda. L-artikolu 213 tal-Kodiċi Ċivili Maltija Kapitlu 13 jitkellem fuq każi bħal dawn. La huwa daqshekk ċar, dawn il-bollards jistgħu jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28552.

Djar li twaqqgħu

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kif applikazzjoni PA 02764/06 ġiet rifjutata mill-MEPA, meta fit-triq in kwestjoni jiġifieri Triq Windsor, Sliema hemm diversi djar li waqgħu u saru binjiet ta' 4 sulari fost oħrajn numri 49, 58 u 61 li trasformaw ruħhom f'blokok ta' appartamenti? Tista' l-awtorita' tiġġudika din l-applikazzjoni bl-istess mod ta' l-oħrajn u ma jkunx hemm deċiżjonijiet differenti fl-istess triq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rifjut għall-iżvilupp propost fl-applikazzjoni PA 2764/06 ġie bbażat fuq il-Pjan Lokali għal Tas-Sliema hekk kif ġie approvat f'Lulju 2006. L-Pjan Lokali kkonferma li s-sit ta' l-iżvilupp jaqa' f'arja ta' Konservazzjoni Urbana b'għoli massimu ta' żewġ sulari. Din l-appikazzjoni issa qegħda fi stadju ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell għall-Ippjanar. Ta' min jgħid li l-Bord ta' l-Appell jieħu konjizzjoni ta' kull sottomissjoni li titressaq, inkluż kull permess jew bini fil-viċinanzi tas-sit. Ta' min isemmi ukoll li Triq Windsor hija triq pjuttost twila fejn hemm bini li seta' ingħata permessi taħt diversi liġijiet u policies ta' dak iż-żmien meta nħarġu l-permessi. Qabel is-sena 1997, Tas-Sliema ma kienx hemm arja ta' Konservazzjoni Urbana u din iddaħlet b' Avviż Legali 459/97. Din iż-żona ta' konservazzjoni urbana ġiet ikkonfermata fil-Pjan Lokali għajr xi tibdil żgħir fil-konfini tagħha.

Port ta' l-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk l-MMA hux se tittrasferixxi l-port ta' l-Imgarr lill-Gozo Channel? Jekk fl-affermativ, meta hu maħsub li jsir dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li huwa l-ħsieb tal-Gvern li l-immaniġġjar tal-faċilitajiet portwali tal-Imġarr, Għawdex u taċ-Ċirkewwa jiġu mgħoddija mill-Awtorita` Marittima ta’ Malta lill-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd. Bħalissa qed jiġi finalizzat il-ftehim aħħari. It-terminu ta’ dan il-ftehim ikun l-istess żmien u data meta jintemm il- Public Service Obligation Contract li l-Gvern kien għamel ma’ l-istess kumpanija għat-trasport ta’ passiġġieri, vejikoli u merkanzija bejn Malta u Għawdex. Dan il-kuntratt mistenni li jiġi konkluż fil-gimgħat li ġejjin.