Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kariga ta’ Library Officer — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għaċ-ċirkolari HR 29/2015 rigward kariga ta’ Library Officer, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-applikazzjonijiet huma miftuħa għal dawk li diġà qegħdin fis-servizz pubbliku u eskluda lil nies oħra minn barra? Jista’ jgħid kemm applikaw nies għal dan il-post?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li peress li fis-Servizz Pubbliku jeżisti l-grad ta’ Library Assistant, il-mili ta’ vakanzi fil-grad ta’ Library Officer hu meqjus bħala rotta li permezz tagħha wieħed ikollu aċċess għal promozzjoni. Għal din is-sejħa applikaw 12-il applikant.

Tas-Sliema – Triq it-Torri — karozzi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17455, jista’ l-Ministru jara s-sitwazzjoni ta’ dawk it-tmien karozzi ipparkjati bit-tires fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema (bejn Triq il-Kulleġġ u l-Kunvent tal-Patrijiet tal-Balluta, eżatt ħdejn l-iSpeedy Pit Stop Petrol Station) peress li dawn ilhom żmien hemm għad-detriment tar-residenti u żgur li huma ta’ periklu kbir, peress li huma ta’ inflammable materials u peress li huma abbuż ta’ parkeġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport qed nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-parkeġġ ta’ vetturi privati f’angolu għal ġol-pompa tal-petrol bl-isem ta’ Pit Stop. F’din id-daħla tal-pompa hemm single yellow line li ma jippermettix li jsir parkeġġ. Għaldaqstant trid tittieħed azzjoni ta’ infurzar jew mill-pulizija jew inkelli mill-gwardjani lokali sabiex dan il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku jigi ndirizzat.
Leg 12 PQ #17598 Sitting 288 2015-07-13 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-bidu tas-sena sar xi ħlas lill-Air Malta mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu? Jista’ jgħid jekk hux minnu li ċ-ċifra tiżboq il-miljun ewro? Hemm spjegazzjoni għal dan?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħal ma dejjem irrispondejt jien u rrispondew il-Ministri ta’ qabli, nerġa’ ntenni li nformazzjoni relatata ma’ deċiżjonijiet u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-linji tal-ajru, kif ukoll ma’ kumpaniji privati li joperaw fil-qasam turistiku u li għandhom relazzjonijiet kummerċjali mal-MTA, hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Madanakollu, l- Onor Interpellant għandu jiġi nformat illi l-MTA għandha obbligi legali skont il-liġi li tippubblika l-i statements finanzjarji tagħha, kif ukoll l-Air Malta li hija public liability company li skont il-liġi tagħna dan jimporta ċertu obbligi finanzjarji min-naħa tagħha.

Tas-Sliema – Triq it-Torri — karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jara s-sitwazzjoni ta’ dawk it-tmien karozzi ipparkjati bit-tires fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema peress li dawn ilhom żmien hemm għad-detriment tar-residenti u żgur li huma ta’ periklu kbir, peress li huma ta’ inflammable materials u peress li huma abbuż ta’ parkeġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu sabiex Transport Malta tkun tista’ tinvestiga dan l-ilment.

Tas-Sliema – ħsejjes ta’ mużika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jirregola l-ħsejjes tal-mużika esaġerata li jkun hemm fix-xhur tas-sajf f’Tas-Sliema?

Response (BRINCAT, LEO)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għar-raġuni sempliċi li fil-preżent il-Ministeru tiegħi m’għandu l-ebda setgħat regolatorji.
Leg 12 PQ #17171 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – Cruise liners

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm cruise liner li kellu jidħol Għawdex f’dawn l-aħħar għaxart ijiem u ma daħalx? Jekk hu vera, x’raġuni kien hemm għal dan? Kemm hu previst li se jidħlu cruise liners f’Għawdex din is-sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed mill-vapuri tal-passiġġieri li kellu jidħol Għawdex f’Ġunju, ma żarx il-gzira minħabba tibdil fl-itinerarju tal-Mediterran, mill-operatur barrani. Skont il-lista uffiċjali aġġornata minn Transport Malta, il-vapuri li nkludew lil Għawdex fl-itinerarju tagħhom għall-2015, huma tnejn u għoxrin.

Buskers barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tittieħed biex buskers barranin ma jkomplux jokkupaw postijiet minn kmieni filgħodu u lanqas jaħdmu xogħol li suppost ikun tal-artiġjanat fil-post?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Buskers huma regolati min regolamenti dwar il-liċenzi tal-kummerċ LS 441.07. Din il-liġi ma tiddistingwix bejn nies ta' nazzjonalità Maltija jew barranija u ċioe jekk wieħed għandu permess biex jaħdem Malta dan jista' japplika bħala busker. Il-liġi titlob illi x-xogħol għandu jsir fuq il-post u li l-liċenzjat jipproduċi u jbigħ fuq il-post oġġetti tal-arti . L-infurzar tar-regolamenti jaqa' taħt ir-responsabbilità tal-Pulizija.
Leg 12 PQ #16697 Sitting 273 2015-06-08 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Finanzi

Vat refund fuq karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi part payment ieħor tar-refund tal-VAT fuq il-karazzi peress li f'Mejju li għadda kien hemm xi €100 li ngħataw?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

L-Imsida — Triq J. Borg - dwal

Question

Jista' l-Ministru jara li jiżdied id-dawl jew inkela jsir id-dawl fit-Triq J Borg, l-Imsida, biswit l-MCAST peress li hemm id-dlam f'din it-triq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta plc irċeviet applikazzjoni biex jiżdied id-dawl f’din iż-żona, liema applikazzjoni qed tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali biex jiġi identifikat eżatt fejn irid jingħata dan is-servizz.

L-Imsida — parkeġġ ħdejn l-MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-inħawi tal-MCAST, l-Imsida, jistax isir xi tip ta' parking għar-residenti, peress li fetħu ħafna negozji u affarijiet fl-inħawi u hemm ftit parkeġġi għar-residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta mhux qed tipproċessa talbiet ġodda għal skemi ta’ parkeġġ ikkontrollat bil-ħin.

L-Imsida – Triq is-Snajja — tarmak

Question

Peress li Triq is-Snajja, l-Imsida, għandha bżonn it-tarmak u peress li issa ċerti żviluppi tlestew, jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni hija diġà nkluża mal-lista ta’ toroq li għandhom jingħataw l-asfalt għall-ewwel darba minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Programm IIP — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15896, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn huma dawk it-13-il applikant li ġew aċċettati? Kemm ħallsu dawn it-tlettax-il applikant u lil min ħallsu? Liema bank intuża għal dawn il-pagamenti? Kemm tħallsu kummissjonijiet fuq dawn it-13-il applikant? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn it-13-il applikant ġewx wara roadshows mill-Prim Ministru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li tista' tingħata skont il-liġi, se tingħata fil-mument opportun.

Id-9 u l-10 Distrett –toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15897, jista’ l-Ministru jgħid x’hemm maħsub bħala priorità ta’ xogħol ta’ toroq fid-9 u fl-10 distrett elettorali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid ma dak li diġà ingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15897.

Programm IIP — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew aċċettati applikazzjonijiet mill-573 applikazzjoni li saru? Dawk li ma ġewx aċċetati, x’kienet ir-raġuni li ġew rifjutati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanti li kkonkludew l-proċess tal-IIP u ħadu ċ-ċittadinanza Maltija kien hemm 13.

Id-9 u l-10 Distrett –toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq se jsiru, jekk se jsiru, fil-lokalitajiet tad-9 u l-10 distrett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Leg 12 PQ #15313 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14273 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14946 datata 11 ta’ Marzu 2015.
Leg 12 PQ #15465 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċċji tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu se jiġu rilokati? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser isir dan, u fejn ser ikunu l-uffiċini l-ġodda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġja’ ingħad pubblikament mill-Gvern li l-uffiċċju tal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser jiġu rilokati. Il-Gvern ġja’ iddikjara li għandu pjanijiet oħra għall-edifiċċju tal-Auberge d’Italie in linea mal-inizjattivi li l-Gvern qed jieħu għall-Belt Valletta. L-MTA ħarġet l-espressjoni ta’ interess sabiex issib uffiċini ġodda.
Leg 12 PQ #15466 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – cashflow

Question

Peress illi qiegħed jingħad illi l-Airmalta għandha diffikultà ta’ cashflow u anka jista’ jkun li qed taħseb biex tnaqqas il-flotta tagħha, jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’inhi s-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Jien ċert li l-Onorevoli Nterpellant, li ġej mill-qasam tan-negozju, jifhem li meta kumpanija tal-ajru tgħaddi minn proċess ta’ ristrutturar, dan iġib sfidi kbar mhux biss fuq il-cashflow u l-effiċjenza tal-flotta, imma fuq kull parti tan-negozju tagħha. Pero’, nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li s-sitwazzjoni hija eżattament dik li ilna ngħidu f'dawn l-aħħar xhur, fkull PQ li għamel hu u l-kollegi tiegħu ta’ l-Oppozizjoni. Jiġifieri hija sitwazzjoni ta’ kumpanija li fil-passat għamlet snin twal f’letarġija, bla strategija u tant kienet f'sitwazzjoni ħażina li spiċċat kellha tidħol f' Restructuring Plan mal-Unjoni Ewropeja. Illum is-sitwazzjoni hija ta kumpanija li waslet fl-ahhar sena ta' l-imsemmi Restructuring Plan u bil-management tal-Air Malta u l-Gvern, bħala shareholder, kommessi li l-Airline ssir kommerċjalment vijabbli sa l-2016.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14267 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14833 (erbatax-il elf, tminn mija, tlieta u tletin).