Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mal-MHRA, ġaladarba dan il-proġett se jkollu eluf ta’ sodod fuq is-suq għall-istudenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li saru diversi laqgħat ma' korpi kostitwiti inkluż mal-MHRA. Nixtieq niċċara illi l-akkomodazzjoni li ser ikun hemm on site ser isservi esklussivament bħala university residence għal madwar kwart tal-popolazzjoni studenteska ta' dan il-proġett.
San Ġiljan u Tas-Sliema – advertising boards mal-bankini
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ħarġux xi tenders għal dawk l-advertising boards mal-ġnub tal-bankini f’diversi lokalitajiet, fosthom San Ġiljan u Tas-Sliema? Jekk ħarġu tenders, minn min intrebħu? Il-kunsilli għandhom xi sehem minnhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Il-Gżira – Triq il-Kubrit – parkeġġ għar-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-possibilità li jkun hemm parking għar-residenti ta’ Triq il-Kubrit, il-Gżira?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta' parkeġġ ikkontrollat fi Triq il-Kubrit kienet intalbet mill-Kunsill Lokali tal-Gżira u din ġiet approvata f'Novembru 2012 għal perjodu ta' prova ta' tlett xhur. Din l-iskema ma ġietx implimentata mill-kunsill lokali.
Jista’ l-Ministru jara li l-parkeġġ li hemm fi Triq Ċensu Farrugia fl-Imsida isir għar-residenti biss peress li qed ikun hemm ħafna karozzi bi pjanċi barranin?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20192.
L-Imsida – Triq Ċensu Farrugia – embellishment ta’ art
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tal-Kunsill Lokali jara li dik l-art li hemm fi Triq Ċensu Farrugia fl-Imsida, tkun embellished kif suppost għall-ġid tar-residenti billi jara li l-passaġġ ikun adegwat u l-wires jitneħħew?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imsida li l-Kunsill flimkien mad-Dipartiment tax-Xoghlijiet u Infrastruttura, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, waslu fi stadju avvanzat tat-tħejjijiet meħtieġa bil-għan li jinbdew ix-xogħolijiet skont il-permessi tal-MEPA bir-referenza PA2956/14. Fil-preżent, il-wires qed iservu ta’ reċint biex ikun evitat il-periklu għall-pedestrians.
L-Imsida – Triq Ċensu Farrugia – embellishment ta’ art
Question
B’referenza għall-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Prim Ministru jara li jsir embellishment tal-art li hemm fi Triq Ċensu Farrugia fl-Imsida? X’hemm maħsub u meta hu maħsub li jsir dan l-embellishment? X’konsultazzjoni kien hemm mal-Kunsill Lokali tal-Imsida u mar-residenti li joqogħdu biswit din l-art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Embellishment ta’ art fi Triq Censu Farrugia fl-Imsida kif elenkat fl-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġie propost mill-Kunsill Lokali Msida. Id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern jista’ jagħti biss permess biex dan ix-xogħol isir u fil-fatt il-Kunsill ġie mitlub biex jibgħat id-dokumenti neċessarji biex jinħareġ il-permess. Peress li dan huwa proġett tal-Kunsill Lokali Msida, nitlob lil Onorevoli Interpellant biex iressaq il-kumplament tad-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasletir-Residential Parking Scheme f’Tas-Sliema? Jista’ jgħid għaliex f’dan il-qasam Tas-Sliema ma ġietx ikkalkulata bħala bliet u rħula oħra ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ Parkeġġ għar-Residenti f’tas-Sliema m’għadhiex koperta bl-Avviż Legali. Dan minħabba li tali skema kienet ġiet inkluża fl-Avviż Legali mingħajr ma sar perjodu ta’ prova skont il-prassi ta’ Transport Malta kif isir għal kull belt u raħal ieħor.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19600 u 18340, peress li skont ir-ritratt li qed jingħata separatament fejn hemm ittra tan-notice tad-duty tal-fixed point policeman, u peress li din qed turi mod ieħor ta’ kif jien ġejt imwieġeb, jista’ l-Ministru jgħid liema waħda hi l-veritiera?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ebda mument ma’ ngħatat verzjoni differenti dwar dik li hi proċedura u dover tal-Uffiċċjal tal-Pulizija li jkun għassa fil-lokalita in kwistjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm spiċċaw gwidi liċenzjati f’dawn l-aħħar tliet snin jew għax irtiraw jew għal xi raġuni oħra? Kemm laħqu gwidi mill-Istitut għas-Servizzi Turistiċi fl-istess żmien? F’liema lingwi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fuq il-Kappara Junction? Kemm hu mistenni li jdum? Hemm pjanijiet għal rotot alternattivi? Saru konsultazzjoni mar-residenti u l-kunsilli lokali se jkunu affetwati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fil-junction tal-Kappara għandhom jibdew matul il-bidu tas-sena d-dieħla. Ir-rotot li minnhom se jkun qed jgħaddi t-traffiku ġew identifikati u Transport Malta se tibda xogħlijiet ta' upgrading u manutenzjoni fuq dawn ir-rotot qabel ma jibdew ix-xogħlijiet attwali fuq il-junction.
Transport Malta kienet żammet laqgħa ta’ konsultazzjoni fl-iskola tal-Gżira partikolarment dwar dan il-proġett, liema laqgħa kienet miftuħa għall-pubbliku nkluż il-Kunsilli. Laqgħat mal-Kunsilli li se jkunu affettwati b’dan il-proġett partikolarment il-Kunsilli tal-Gżira u ta’ San Ġwann se jkunu miżmuma eżatt qabel ma jibdew il-proġett u anke tul il-proġett, skont il-ħtieġa.
Jista’ l-Ministru jara meta se titlesta kompletament Triq Birkirkara u Triq San Ġiljan li anke tagħti għall-Isptar Mater Dei?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Birkirkara, San Ġwann huma maqsumin f’żewġ fażijiet. Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi kienu tal-Korporazżjoni tal-Ilma. Ix-xogħlijiet fit-tieni fażi huma mmexija minn Transport Malta u se jinkludu t-tibdil tal-kumplament tas-servizzi, inkluż id-drenaġġ, u l-asfaltar ta’ din it-triq. Ta’ min isemmi li it-tieni fażi hija parti mix-xogħlijiet tal-Proġett tal-Junction tal-Kappara li jinkludu xogħol estensiv fuq numru ta’ devjazzjonnijiet inkluż l-imsemmija triq. Il-kordinazzjoni tat-tieni fażi għadha għaddejja.
Rigward ix-xogħlijiet fuq Triq San Ġiljan nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18340, peress li r-residenti ma jaqblu xejn fir-rigward li pulizija jkun fuq fixed point duty biss, jista’ l-Ministru jara u jgħid jekk hux possibli li dan il-pulizija jkun inkarigat ukoll mill-ġnien li huwa 10 metri ‘l bogħod biss??
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mal-mistoqsija parlamentari 18340.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm inċidenti fuq ix-xarabank fuq ir-Rotta 21 fit-8 ta’ Awwissu fit-8.30pm fuq l-istage ħdejn l-għassa tal-pulizija tal-Imsida, meta d-driver saq bla ma ħalla n-nies jpoġġu u b’hekk ikkaġuna inċident fejn mara anzjana ġiet feruta? Jista’ jgħid jekk dan l-inċident kienx imniżżel x’imkien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miksuba mingħand l-operatur tat-trasport pubbliku, jirriżulta li ma kien irrappurtat l-ebda inċident hekk kif deskritt f’din il-Mistoqsija.
Madanakollu, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jekk għandu xi informazzjoni addizzjonali fuq dan il-każ, jieħu ħsieb jghaddiha sabiex Transport Malta tkun tista’ tinvestiga dan il-każ f’aktar dettall.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ix-xarabank fuq ir-Rotta 225 li suppost tgħaddi mill-pjazza tal-Għargħur mhijiex tgħaddi iżjed minn hemm? Hemm xi ċans li dan jerġa’ jservi lir-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi ir-rotta 225 kienet ġiet introdotta f’Mejju tas-sena 2012, liema rotta kienet ħadet post ir-rotta 23. Infurmat ukoll illi din ir-rotta qatt ma’ serviet il-pjazza tal-Għargħur.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waqt konsultazzjonijiet li kienu saru mall-Kunsilli Lokali fl-2013 ma kien hemm l-ebda talba mill-kunsill lokali tal-lokalita’ sabiex din ir-rotta tibda isservi l-Għargħur.
Jista’ l-Ministru jara l-byelaw tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, fejn hawker irid iħallas ‘l fuq minn €400 kuljum, liema byelaw kienet maħsuba għall attivitajiet kbar u li qegħda teskludi lil ħafna?
Response (BONNICI, OWEN)
Se ninkariga lid-Direttur għall-Gvern Lokali jidħol fil-kwistjoni u jistudja attentivament din il-bye law li kienet għaddiet fi żmien amministrazzjoni oħra tal-Kunsill.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-terminu tal-Bord tal-Koperattivi għalaq fil-31 ta’ Mejju? Jekk iva, jista’ jgħid jekk ġiex kostitwit bord ġdid? Jekk fl-affermattiv, meta ġie kostitwit u min huma l-membri l-ġodda tal-bord?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew emendi għall-approvazzjoni għall-istatut tal-koperattivi? Kemm approva minnhom il-bord,?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi rċieva dawn l-emendi għall-approvazzjoni ghall-istatut tal-koperattivi:
1. 5 emendi minn Marzu 2013 sa Dicembru 2013
2. 12-il emenda fis-sena 2014
3. emenda minn Jannar 2015 sal-lum.
Dawn l-emendi kollha ġew approvati mill-Bord.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni neċessarja fuq ilment minn residenti tal-Kappara li għandhom ir-residenza tagħhom biswit l-Ambaxxata Russa u Chiswick House peress li qed ikun hemm ħafna coaches ipparkjati quddiem id-djar u l-garaxxijiet tagħhom u anke qed isir ħasil tal-coaches hemm?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li uffiċjali tal-infurzar minn Transport Malta qed jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post li għalih qed jirreferi l-Onor Interpellant. Dawn l-ispezzjonijiet se jibqgħu jsiru b’mod regolari fix-xhur li ġejjin issa li beda l-istaġun tal-iskejjel. F’dawn l-ispezzjonijet qed tittieħed azzjoni meta u kif meħtieġ immedjatament fuq il-post.
Jista’ l-Ministru jieħu passi dwar ilment minn residenti li joqogħdu biswit l-iskola, ħdejn l-Ambaxxata Russa fil-Kappara rigward ipparkjar ta’ coaches quddiem id-djar u l-garaxxijiet tagħhom? Il-Gvern biħsiebu jagħmel xi arranġamenti biex itaffi jew ineħħi dan l-inkonvenjent?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-immaniġġjar ta’ traffiku viċin l-iskejjel ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Education Regulatory Compliance Section (ERCS) fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.
Peress li fil-Kappara, ħdejn l-Ambaxxata Russa, hemm pulizija li huwa fuq fixed point duty , jista’ l-Ministru jara li l-pulizija jissorvelja wkoll ġnien pubbliku li qiegħed xi 10 metri ‘l bogħod - fir-rigward ta’ droga, għajat estrem, użu tal-ġnien bħala toilet, xorb esaġerat u affarijiet oħra li qed jikkawża inkonvenjent lir-residenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija li hemm fixed point mal-Ambaxxata Russa għandu d-dover li jissorvelja dan il-post biex jassigura is-sigurta tal-Ambaxxata. Ma hux permess u lanqas possibli li dan jabbanduna dan il-lok biex imur fil-ġnien għar-raġunijiet ovvji. Madanakollu jekk jinnota xi ksur ta’ liġi, dan jista jsejjaħ Pulizija oħra għal assistenza u tittiehed l-azzjoni necessarja. Barra min dan it-Taqsima ta’ Kontra Drogi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija regularment tagħmel sorveljanza fil-post imsemmi.