Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru ilmenti fuq il-bar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, f’dawn l-aħħar sentejn, fuq l-istorbju, fuq il-klijenti li jimblokkaw id-dħul u l-ħruġ tar-residenti, fuq il-ħinijiet tal-ftuħ tal-bar, li normalment idum sas-1:00am bl-għajjat u lis-storbju, użu pubbliku ta’ latrina, użu ta’ droga u ammont ta’ fliexken u żibel fl-art? X’passi ħadu l-pulizija u x’passi konkreti bi ħsiebhom jieħdu l-pulizija biex dawn l-affarijiet jispiċċaw darba għal dejjem u r-residenti jkunu jistgħu jgħixu fil-kwiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Peress li l-bar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jikkawża ħafna skumdità lir-residenti, anzjani, morda, ħaddiema bis-shift u tfal, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan għandux lok f’housing estate? X’passi lesti li jittieħdu biex ir-residenti jirritornaw jgħixu fil-kwiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħanut li qed issir referenza għalih, mhuwiex proprjetà tal-Awtorità tad-Djar.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li, ġaladarba l-parking f’parti minn Rue d’Argens tneħħa, almenu jkun hemm loading u unloading bay biex jintużaw kemm mill-ħwienet kif ukoll mir-residenti, peress li ħafna mir-residenti huma anzjani?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-un/loading bay li kien hemm fi Triq Rue D’Argens, Msida ġiet imressqa fi Triq it-Tabib Robert Naudi, Msida kantuniera ma’ Triq Rue D’Argens, Msida.
Peress li infurmat li m'hemm l-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa li jiġbor eko kontribuzzjoni meta studenti u/jew barranin joqogħdu ġo familja Maltija (jiġifieri host families) bħala btala u bħala parti minn xi vaganza ta' studju, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26445?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, m’hemm l-ebda konnessjoni bejn x’jaghmlu pajjizi ohrajn fl-Ewropa u host families Maltin. Madanakollu, id-definizzjoni ta’ turist hekk kif inhi stabbilita mill-UNWTO, ma tiddistingwix student minn tip ta’ turisti ohra. Kieku kien hekk, kien ikun hemm bzonn li dawn jigu ezentati anke meta jaghzlu li joqghodu go stabbilimenti li m’humiex host families bhal hostels, guests houses, ecc. Jekk studenti li joqoghdu ma’ familji jigu ezentati mill-eko kontribuzzjoni, inkunu qed naghmlu diskriminazzjoni ma’ dawk l-istudenti li ma joqghodux ma’ familja. Ghaldaqstant, tali ezenzjonijiet joholqu konfuzjoni u unlevel playing field fis-suq.
Wiehed irid ukoll jikkonsidra li fi zmien qarib, kif gie imhabbar fl-abbozz tal-legislazzjoni l-gdida dwar it-turizmu, ser jigi introdott il-licenzjar ta’ BB Residences fejn sidien ta’ residenzi ser jkunu licenzjati biex jospitaw turisti, fosthom studenti varji u mhux biss dawk li jigu biex jistudjaw l-Ingliz.
Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant illi l-persentagg ta’ studenti ta’ 18-il sena u li jaghzlu li joqghodu ma’
host families
huwa biss 28% filwaqt illi persuni taht it-18-il sena huma ezentati mill-gbir tal-eko kontribuzzjoni – kemm jekk izuru pajjizna ghal btala kif ukoll biex jistudjaw.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il host family kien hemm reġistrati u liċenzjati f’Lulju 2015 u kemm-il host family hemm reġistrati fil-21 ta’ Ġunju 2016?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi host families reġistrati mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sal-31 ta’ Lulju 2015, jammonta għal 1,044 filwaqt li dawk reġistrati sal-21 ta’ Ġunju 2016 jammonta għal 1,097.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi pajjiż ieħor fl-Ewropa li l-Gvern tiegħu jobbliga lill-istudenti biex iħallsu l-eco-tax meta dawn joqogħdu mal-familji Maltin?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant sabiex qabel nagħti risposta, jikkjarifika x’irid ifisser bl-aħħar parti tad-domanda tiegħu u jekk hux qed jimplika li hemm xi pajjiż ieħor għajr Malta li qed jesenta lill-istudenti tiegħu li ma jħallsux Eko kontribuzzjoni meta dawn joqgħodu ma’ familji Maltin. Meta titneħħa tali ambigwita’ mill-Interpellant, il-Ministru jkun jista’ jwieġeb b’mod car.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni taċ-ċitadinanza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha sentejn tistenna u t-tifel tagħha diġà huwa Malti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza jeżiġu pproċessar rigoruż illi jsir primarjament mill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Identity Malta. L-applikanta tista’ tagħmel kuntatt mal-Unit taċ-Ċittadinanza billi tibgħat e-mail fuq citizenship@gov.mt jew billi ċċempel fuq 25904168/69 u tagħmel il-mistoqsijiet tagħha lill-uffiċjali responsabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid x’jedd għandhom il-kumpaniji lokali kollha tal-cruises Maltin, speċjalment dawk li jieħdu t-turisti mal-portijiet, li jieħdu bankijiet, u biċċiet tal-promenade tul San Ġiljan u Tas-Sliema? Dawn ħarġu b’tender? Jekk iva, kemm qed iħallsu għal dan il-privileġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tittollera dawn il-kumpaniji tal-Harbour Cruises, li jieħdu parti mill-promenade ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar, u jimlew il-bankijiet li jpoġġu fuqhom it-turisti u l-Maltin, bil-billboard, u l-umbrellel? Ma jaħsibx li dawn qed idejjqu lin-nies peress li jwaqqfu lil kulħadd anke għal darbtejn/tlieta? X’passi se jieħu l-Ministeru?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-fenomenu li ilu għaddej snin twal ġie nnutat u nvestigat, u bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn il-varji dipartimenti kkonċernati sabiex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni.
Minn naħa tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu saru diga’ proposti leġislattivi sabiex rappreżentanti ta’ kumpaniji li jkunu qed jippromovu prodotti turistiċi, jkunu marbuta jseġwu normi ġodda.
Wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema bagħat kopja tas-survey dwar il-parking f Tas Sliema lill-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi għandhom jittieħdu fid-dawl ta’ dan biex Tas-Sliema tkun ikkalkolata bħall-bliet oħra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-istatus tal-PA 05333/07, li hija applikazzjoni kontroversjali f’Wied il-Għomor? X’impatt għandhom it-tliet kunsilli lokali li pprotestaw fuq dan l-iżvilupp? Jaħsibx il-Prim Ministru li wied bħal dan għandu jiġi konservat u mogħti lill-pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-applikazzjoni PA5333/07 li qed tipproponi "Rehabilitation of Wied Ghomor Quarry (No 11) and proposed after use into retirement home and ancillary facilities, including public garden and belvedere", ġiet ipproċessata mid-Direttorat ta' l-Ippjanar u tinsab fuq l-agenda tal-5 ta' Mejju 2016 għas-smiegħ quddiem il-Bord ta' l-Ippjanar. Ninsab informat ukoll mill-Awtorita tal-Ippjanar illi l-applikazzjoni titlob li 8% tas-sit tigi żviluppata għal Dar tal-Anzjani. Il-partijiet l-oħra tal-barriera in kwistjoni huwa stabbilit li jiġu rijabilitati għall-istat naturali / rurali originali għal użu agrikolu.
L-uniku Kunsill Lokali li wera interess f'din l-applikazzjoni huwa l-Kunsill Lokali tas-Swieqi. Bis-saħħa ta' l-Artiklu 63(2)(h) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Izvilupp, membru magħżul mill-Kunsill Lokali, li fil-konfini tiegħu jkun hemm applikazzjoni għal proġett kbir, għandu jiġi kkunsidrat bħala membru tal-Bord ta' l-Ippjanar u jkun jista jippartecipa b'mod dirett fid-deċizjoni ta' din l-applikazzjoni. F'dan il-kaz jien informat li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi gie informat bis-smiegħ ta' din l-applikazzjoni sabiex jagħzel membru biex jigi ikkunsidrat bħala membru tal-Bord ta' l-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru, jindaga l-kaġun tal-problema għal dawk ir-residenti li joqogħdu fl-inħawi tal-Għargħur u Birkirkara peress li qed jilmentaw li s-solar panels mhux iservuhom kif suppost u jingħadd li hi problema min-naħa tal-Enemalta?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta plc għandha bżonn tagħrif aktar speċifiku dwar il-klijenti li għamlu dawn l-ilmenti sabiex tkun tista’ tqis kull każ u toffri l-għajnuna meħtieġa lil dawn il-klijenti. Dawn jistgħu jikkuntattjaw lit-tim tal-Customer Care fuq 80072224 (24 siegħa kuljum).
Applikazzjoni għal ċittadinanza – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jindaga l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ applikazzjoni għaċ-ċittadinanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza jeżiġu pproċessar rigoruż u ninsab infurmat illi l-applikazzjoni in kwistjoni waslet fl-istadju finali ta’ dan l-ipproċessar. Eventwalment, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza jinforma lill-applikant dwar l-eżitu ta’ din l-applikazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kull entità fid-dekasteru tiegħi għandha persuna b’diżabilità taħdem magħha, għal diversi raġunijiet fosthom in-numru limitat ta’ impjegati f’uħud mill-entitajiet. Madankollu, infurmat ukoll li r-rata ta’ impjegati b’diżabilità f’dawn l-entitajiet tlaħħaq il-medja tat-threshold relattiva.
Ġaladarba t-taħditiet ma’ Turkish Airways fallew, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li reġgħu bdew taħditiet mal-Etihad Airways allavolja l-kundizzjonijiet huma iebsa?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dak li hu qed jagħmel hu li jeċċella fl-ispekulazzjoni. F’kull każ però, ċertament, tali informazzjoni hija waħda f’dan l-istadju ta’ natura mill-aktar kummerċjalment sensittiva u per konsegwenza mhux se tiġi mwieġba. Madanakollu, fil-mument opportun u jekk ikun il-każ, se jkun qed nagħti l-informazzjoni lil din il-Kamra u lill-pubbliku.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-unika entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru ma għandna lill-ebda persuni li huma reġistrati mal-ETC li għandhom diżabilità. Dan ma jeskludix il-fatt li hemm persuni b’diżabilità li jaħdmu mal-Ministeru li m’humiex reġistrati hekk mal-ETC, allura ma tistax tingħata ċifra eżatta għal-fini ta’ din id-Domanda
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab informat li bħalissa fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħi hemm jaħdmu 25 persuna b’diżabilità.
Mis-sena 2012, l-aħħar sena sħiħa tal-gvern preċedenti, kien hemm żieda ta’ 8 persuni b’diżabilita’ li jaħdmu f’xi entita jew dipartiment tal-Ministeru tiegħi.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha numru ta’ impjegati li huma reġistrati bħala persuni b’diżabilita’. Fil-fatt, ninsab infurmat li Transport Malta għandha iktar impjegati b’diżabilita’ mill-kwota ta’ 2% hekk kif stabbilit bil-liġi. Il-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha minn tal-inqas persuna waħda li hija meqjusa b’ diżabilita’.
Jista’ jikkonferma jekk il-kriterju tat-tul għall-applikazzjoni għad-dħul fil-Korp ta-Pulizija hijiex fis-seħħ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rekwi¿it tat-tul għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija huwa dak indikat fis-sejħa għal-applikazzjonijiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-16 ta’ Frar, 2016, li jaqra: “tul fil-każ tal-irġiel mhux inqas minn 1.68 metru u fil-każ tan-nisa, mhux anqas minn 1.58 meta jitkejlu ħafjin.