Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitkompla l-retaining wall fi Triq Karlu Vella bħal ma sar fi Triq l-Awrat Kalkara fejn dawn it-tnejn iħarsu fuq green area, wieħed fuq ground u l-ieħor fuq playiong field?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi wara verifika li għamel id-Direttorat għat-Toroq mal-Kunsill, ma hemmx triq jisimha Karlu Vella ġewwa l-Kalkara.
Jista' l-Viċi Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33265, cioe`: jgħid liema kienu dawk l-azjendi u fabbriki li għalqu jew taw is-sensji lill-ħaddiema mll-1999 sal-lum? Kemm kien in-numru tal-ħaddiema li spiċċaw barra ssensjati f'kull azjenda jew fabbrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn Marzu l999 u Marzu 2002 (tlett snin) kien hemm total ta' 7,799 sensji lil ħaddiema. Din iċ-ċifra trid titqabbel mat-total ta' 4,678 sensji għall-perjodu bejn Marzu 1997 u Marzu 1999 (sentejn). Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ thoss li ma jkunx sew li ssemmi min kienu dawk l-ażjendi jew fabbriki li taw is-sensji għaliex din l-informazzjoni jista' jkollha effett negattiv fuq il-prospetti kummerċjali ta' l-organiżżazzjonijiet involuti li wħud minnhom għaddew minn proċess ta' ristrutturazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-azjendi u fabbriki li għalqu jew taw is-sensji lill-ħaddiema mll-1999 sal-lum? Kemm kien in-numru tal-ħaddiema li spiċċaw barra ssensjati f'kull azjenda jew fabbrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġie permess li persuna li tgħix fil-fond RO41989 meta mhux suppost? Jista' jgħid jekk qattx intbagħtu inspectors biex jaraw il-każ meta d-dipartiment ilu jaf b'din il-hawker għal madwar sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni mogħtija lili, jidher li l-każ ma hux ta' kompetenza tad-dipartment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tħallsitx il-kera lil lands tal-fond bir-riferenza RO 41989 li għalqet fl-aħħar ta' Marzu?
Jekk iva, jista' jgħid minn min tħallset din il-kera, meta s-sid hija mejta u l-unika werrieta tal-fond tinsab rikoverata fi sptar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-werrieta tal-mejta ġiet rikkonoxuta minflok ommha fl-1 t'April, 2001. Minn dak inhar 'l hawn l-ebda kera ma ġiet imħallsa.
Jista' l-Ministru jara li jsir ftit maintenance fit-tarf ta' Triq l-Isptar Navali Bighi Kalkara, fejn parti minnha intliet b'ħaxix ħażin u ġebel li suppost kien parti min ħajt tas-sejjieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ser jittieħdu l-passi neċessarji biex issir il-manutenzjoni meħtieġa fi Triq l-Isptar Navali, Bighi Kalkara.
Ħajt tas-Sejjieħ — Triq l-Isptar Navali Bighi - Kalkara
Question
Jista' l-Ministru jara li jsir ftit maintenance fit-tarf ta' Triq l-Isptar Navali Bighi Kalkara, fejn parti minnha intliet b'ħaxix ħażin u ġebel li suppost kien parti min ħajt tas-sejjieħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixi l-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-etajiet ta' l-applikanti kollha li ħadu d-dual citizenship minn mindu din ġiet fis-seħħ sa fl-aħħar ta' Marzu 2002?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` infurmajt lill-Onor. Interpellanti fit-tweġiba li tajtha għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32629, ma tinżammx statistika ta` l-eta` tal-persuni li jiġi ikkonfermat lilhom li jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tħallsitx il-kera lil lands tal-fond bir-riferenza RO 41989 li għalqet fl-aħħar ta' Marzu?
Jekk iva, jista' jgħid minn min tħallset din il-kera, meta s-sid hija mejta u l-unika werrieta tal-fond tinsab rikoverata fi sptar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li qed isir tat-tielet u l-aħħar fażi fi Triq Hompesch Fgura, jinqasam fi tnejn ''fit-tul'', along the road, biex jitnaqqas l-inkonvenjent sija għall-ħwienet, kif ukoll għall-pubbliku. B'hekk ma jiqafx il-flow tat-traffiku, u lanqas jinħoloq congestion għas-sewwieqa li jkunu qed ifittxu triq alternattiva minn fejn jagħddu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm id-Direttorat għat-Toroq studja l-proposta mressqa mill-Onor. Interpellanta ġie deċiż li x-xogħol ta' din il-fażi jsir fuq tul wieħed biex l-inkonvenjent, kemm għar-residenti u l-ħwienet kif ukoll għas-sewwieqa li jgħaddu minn din l-area ikun jista' jispiċċa malajr.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tielet parti tal-kustruzzjoni f'Hompesch road, mir-roundabout fejn taqsam Cospicua road, sal-mina ta' Żabbar, hix se titkompla?
Jekk iva f'kemm żmien hu l-ħsieb li din il-parti titlesta?
Meta din se tibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-parti tat-triq li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanta hi parti mill-proġett u x-xogħol fiha ser jibda dalwaqt. Ix-xogħol hu mistenni li jitlesta' fi żmien għaxar ġimgħat. Tajjeb wieħed ifakkar li kieku ma kienx hemm ħafna ħela ta' ħin fil-Qrati mill-Kunsill Lokali Fgura, dan ix-xogħol sa issa kien ikun mibdi u kważi mitmum.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-istudenti li qed jieħdu d-draftsman course tal-MCAST għadhom lanqas ħadu l-istipendju ta' Marzu?
X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda ilmenti li xi studenti li qed jattendu l-kors ta' draftsman fl-MCAST ma rċevewx l-istipendju ta' Marzu fil-ħin.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'xogħol tlesta s'issa fil-proġett tal-Cottonera min Marzu 2001 sal-lum?
U fuq liema parti qed isir ix-xogħol preżentament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2001 s'issa saru diveri xogħlijiet konnessi mal-proġett tal-Kottonera u dawn jinkludu:
Twaqqiegħ tal-pont magħruf bħala 'Upper St. Angelo Bridge', tneħħija tal-materjal u tindif tal-Menqa.
Twaqqiegħ tal-'accretions' minn fuq il-moll ta' Sant'Anġlu u tneħħija tal-materjal.
Bini tal-parkings ta' taħt l-appartamenti fuq in-naħa tal-Kalkara u tlestija ta' 60% mill-istruttura ta' l-appartamenti.
Ħruġ ta' tender għall-kostruzzjoni tas-sistema tad-drenaġġ fuq il-'Waterfront'.
Preparazzjoni ta' tenders għall-sistemi ta' distribuzzjoni tas-servizzi ta' l-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni fuq il-'Waterfront'. Huwa mistenni illi dawn jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Preparazzjoni tar-rapport ta' l-'Environmental Impact Assessment' għall-Marina. Huwa mistenni illi dan jiġi ffinalizzat u mgħoddi lill-awtoritajiet releventi fil-jiem li ġejjin.
Xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni tal-bini magħruf bħala 'Scamps Palace' u ftuħ tal-Casino di Venezia ġewwa l-bini restawrat.
Bidu ta' xogħlijiet fuq is-sit tal-lukanda.
Ninsab infurmat ukoll illi kemm il-'Cottonera Waterfront Group' u l-'Port Cottonera Consortium' qegħdin jistennew illi jinħarġu diversi permessi għall-iżvilupp illi applikaw għalihom matul dawn l-aħħar sentejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm households li nqatgħalhom is-servizz ta' l-ilma għax ma waslux biex iħallsu l-kontijiet tagħhom fix-xhur ta' bejn Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Marzu 2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li households li jkollhom is-servizz sospiż għaliex ikun hemm numru ta' kontijiet li ma tħallsux isir fejn jirrigwarda s-servizz ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm households li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl għax ma waslux biex iħallsu l-kontijiet tagħhom fix-xhur ta' bejn Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Marzu 2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel tlitt xhur ta' din is-sena kien hemm 555 household li kellhom is-servizz ta' l-elettriku sospiz minħabba li naqsu li jħallsu l-kontijiet.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu t-tiswijiet fuq il-bieb ta' l-injam tas-Sea Gate ta' Sant' Anġlu?
Fejn jinsab bħalissa?
U x'bi ħsieb li jsir bih meta dan jissewwa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi t-tiswijiet fuq il-bieb imsemmi għad iridu jsiru. Il-bieb jinsab stivat f'post sikur tal-Gvern. Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni madwar il-moll ta' Sant'Anġlu konnessi mal-proġett tal-Kottonera huwa ntenzjonat illi l-bieb jerġa' jitwaħħal f'postu kif jixraq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li għaddejjin mill-proċess, jew għamlu l-proċeduri kollha biex jieħdu d-dual citizenship mix-xahar ta' Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Marzu 2002?
Mil-liema pajjiżi kienu u kemm għandhom żmien kull applikant?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanti hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanti li ma tinżammx statistika ta` l-eta` ta` dawn il-persuni, ngħarrafha li bħalissa hemm 224 talba ta` dawk li jikkwalifikaw awtomatikament li għadhom qed jiġu pproċessati filwaqt li n-numru pendenti ta` dawk li għamlu talba għal reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni huwa 168.
Jista 'l-Ministru jgħid kif u għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li l-istudenti tal-business & commerce tal-MCAST sarilhom eżami f'nofs Frar li skont ir-riżultat li jġibu se jinqatalhom l-istipendju?
Jista' l-Ministru jgħid meta dawn l-istudenti ġew avzati li kien se jsirilhom dan l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
L-avviż legali li jirregola l-Għotjiet ta' Manteniment, jippermetti li istituzzjoni bħall-MCAST twaqqaf l-għotjiet jekk l-istudenti jew ma jattendux il-lectures jew jekk ma jagħtux progress fuq perjodu ta' żmien. Din ir-regola ilha teżisti kemm ilhom l-istipendji u ġiet applikata taħt kull amministrazzjoni.
Il-Kulleġġ qed jiddiskuti policy li tkun tapplika għall-Istituti kollha. L-istudenti kienu ġew avżati li l-assessment jimkludi wkoll tests sa mill-bidu tas-sena tal-Kulleġġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu rranġati ċ-ċnut tas-sejjieħ tal-Buskett, peress li hemm minnhom li għandhom bżonn ta' tiswija u qed ikunu perikolużi għat-tfal u jistgħu jagħtu lok għal abbuż għall min irid jitħol fil-ġonna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Tfassal rapport dwar xogħlijiet ta' manutenzjoni li huma meħtieġa li jsiru fil-Buskett, inkluż il-bini ta' ħitan tas-sejjieħ li twaqqgħu bix-xita u r-resurfacing tal-passaġġi. Xi xogħlijiet se jinbdew fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir resurfacing tal-passaġġi tal-Buskett fuq ġewwa, peress li għalkemm dan il-post qiegħed biex il-familji joħorġu jimxu fih, impossibbli għal ċerti persuni biex imiddu saqajhom fuq l-istat ta' l-art?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 32226.