Jista' l-Ministru jispjegali kif area ta' bejn Block tal-gvern fil-back side ta' Block B3, B4 u B5 u l-front ta' Block B2 Housing Estate, Fgura għadha kollha żrar u qatt ma ġiet asfaltata wara snin kbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-post indikat mill-Onor Interpellant huwa diġa asfaltat u għalhekk ix-xogħol ta' 'resurfacing' irid isir mill-Kunsill Lokali
Jista' l-Ministru jispjegali għalfejn l-istallazzjoni ta' bozza għal mal-ġenb ta' Block B2, Housing Estate, Fgura għadha ma saritx, meta din l-applikazzjoni saret sentejn ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qatt ma kien hemm talba speċifika għal din il-bozza. Issa din it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ħadet l-ebda għajnuna ta' Home Help meta din għandha l-Eddisons Disease? Jekk ir-raġuni hi minħabba l-eta', x'tista tagħmel din il-persuna peress li tgħix weħidha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ġew mibgħuta separatament, ma ngħatatx is-servizz tal-Home Help f'Marzu 1998 wara li l-Bord eżamina l-każ tagħha u sab li din il-persuna kellha indipendenza biżżejjed li tgħaddi mingħajr għajnuna.
Il-każ se jerġa jiġi kkunsidrat mill-Bord il-ġdid skond l-aħħar ċertifikat mediku mibgħut lis-Servizz tal-Home Help.
2.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq San Ġwann fil-Fgura se tingħata l-asfalt, meta sa ftit xhur ilu suppost li sar ix-xogħol kollu fiha? Jekk se jsir dan meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li kienu ghaddejjin diskussjonijiet preliminari bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Fgura sabiex jigi stabbilit x`jista jsir f`din it-triq. Dawn id-diskussjonijiet ser ikomplu.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel bil-post tal-Gvern numru 2, Block 2, Triq l-Arċisqof Mattia, fl-Isla? Ladarba dan il-post jinsab vojt, għalfejn se jdum biex jiġi allokat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post imsemmi mhux vojt iżda ġie allokat fl-1996.
2.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm djar jew flats tal-Gvern ġew imbattla fix-xhur ta' Settembru u Ottubru? Kemm hemm minnhom li diġa' tqassmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul Settembru u Ottubru tbattlu sitt appartamenti tal-Gvern. Dawn għadhom ma ġewx allokati. Erba minn dawn l-appartamenti huma riservati għal dawk il-familji li ser ikollhom jitilqu l-post fejn joqgħodu minħabba proġett ta' 'slum clearance'.
2.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ngħatatx permess li ssirilha manutenzjoni fuq is-saqaf tad-dar li hi dar tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-manutenzzjoni tal-bjut hija r-responsabbilta' tar-residenti u m'għandhom bżonn ebda permess biex jagħmlu dan. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jidħol biss f'każ li s-saqaf ikollu ħsara strutturali u jkun jeħtieġ jissewwa jew jinbidel. Minn spezzjoni li saret f'dan l-istess flat, irriżulta li għalkemm hemm sinjali ta' umdita' fis-saqaf, mhuwiex fi stat li jinħtieg tiswija strutturali.
2.11.98