Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bordijiet tal-ħwienet ġewx imwaqqfa? Min huma l-persuni li ġew magħżula?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għal Police Licenses Advisory Board nirreferiha għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1665 f'Seduta 18.
17.12.98 (6pm)
Jista' l-Ministru jgħid kif wara li għall-ħabta ta' Mejju/Lulju saru l-interviews għal Head of Centre ta' l-Adult Training Centre s'issa għadu ma ħareġ ebda riżultat uffiċjali?
Jista' l-Ministru jispjega kif l-interviewers ikunu jafu riżultat min qabel ma jiġi ppubblikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-interviews għall-postijiet ta' Head of Centre ta' l-Adult Training Centre saru f'April u r-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku f'Mejju jiġifieri qabel l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru. Għalhekk il-Ministeru tiegħi ma kellu x'jaqsam xejn mal-interviews u mar-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board.
Ma nistax nifhem it-tieni parti tal-Mistoqsija għax l-interviewers huma l-membri tas-Selection Board u jkunu huma stess li jiffirmaw ir-riżultat ta' l-interviews.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Maria Regina Junior Lyceum tal-Blata l-Bajda minn tliet għalliema tal-Business Studies l-istudenti tal-Form 3 u Form 4 spiċċaw b'għalliema waħda? Peress li dawn l-istudenti ilhom b'għalliema waħda mill-bidu ta' Novembru, meta jaħseb li se jerġa' jkollhom għalliema available?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mit-tliet għalliema tal-Business Studies fl-Iskola ta' Maria Regina Liceo tal-Bniet, Blata 'l-Bajda, żewġ għalliema qegħdin b'ċertifikat ta' mard.
Fil-każ ta' dik l-għalliema li ilha nieqsa mid-9 ta' Novembru ntbagħat għalliem ieħor biex jieħu l-lezzjonijiet tagħha.
Għal-lezzjonijiet ta' l-għalliema l-oħra għadu ma nstabx għalliem.
Iż-żewġ għalliema huma mistennija lura l-iskola wara l-vaganzi tal-Milied.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-familji li se jibbenefikaw mill-iskema taċ-children's allowance li talludi għal allowance għal dawk li għandhom ħamest itfal taħt is-16-il sena u d-dħul tagħhom huwa mhux aktar minn Lm13,000?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jħalli s-sistema tar-refunds tad-dawl u l-ilma, is-sussidju għal dawk bi dħul baxx, jew dawk li għandhom il-karta r-roża?
Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kif se jkunu u b'liema rata se jkun is-sussidju għal dawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal refunds taħt il-V.A.T., ninfurmaha li d-dawl u l-ilma ma fihomx V.A.T..
Dawk li qed jirċievu Assistenza Soċjali ser jibbenefikaw minn sussidju fuq il-Konsum u mhux ser iħallsu għall-kera tal-meter.
Dettalji ta' dan is-sussidju ser jingħataw f'Avviżi Legali li ser jiġu ppubblikati dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Head ta' l-iskola Primarja A, Fgura ddeċidiet li ma tħallix persuna li kienet qed tgħallem il-Marshal arts fl-iskola fil-ħin wara l-iskola?
X'kienet ir-raġuni?
Għalfejn dan twaqqaf meta dan kien ilu jgħallem għal ħafna snin u issa li għadha kif ġiet din il-Head ġdida keċċietu mill-ewwel, meta nafu li dan kien qed jeduka u jgħallem l-isports?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill ta' l-Iskola Primarja A, Fgura fil-laqgħa ta' 17 ta' Novembru 1998 iddeċieda illi qabel ma jitfassal pjan ta' kif għandhom jiġu użati l-faċilitajiet ta' l-istess skola, ħadd ma jista' jidħol wara l-ħin normali ta' l-iskola.
Dan minħabba l-fatt illi ħafna tfal kienu qed jidħlu u joħorġu fil-għaxija x'ħin iridu, instab ħafna ħġieġ imkisser, toilets maħmuġin, viti ta' ilma miftuħin, katnazzi ta' l-uffiċċju miksurin, naqsu wkoll diversi oġġetti e.g. siġġijiet, sopraporti etc. etc.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li għandhom ħamest itfal li l-eta' tagħhom hi ta' inqas minn 16-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' familji li għandhom ħamest itfal jew aktar, li l-eta' tagħhom hija ta' anqas minn sittax-il sena u li jirċievu l-'Allowance' tat-Tfal huwa ta' 227.
Billi familji li d-dħul tagħhom jaqbeż l-'means test' għall-'Allowance' tat-tfal jagħżlu li ma jagħmlux talba, d-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jindika n-numru sħiħ ta' familji f'Malta li għandhom aktar minn ħamest itfal li l-eta' tagħhom hija anqas minn 16 il-sena.
3.12.98
Taxxi Interni — Nies li jaqilgħu iktar minn Lm10,000
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir jew x'beħsiebu jagħmel biex jara kemm hawn nies li jiddikjaraw li jaqilgħu Lm10,000 u jgħixu f'ambjent lussuż ħafna?
Response (DALLI, JOHN)
Meta d-dipartiment ikollu informazzjoni li xi taxpayer ikun qed jakkumula assi li l-akkwist tagħhom ma jkunx konsistenti mad-dħul dikjarat minnu, dan ikun investigat f`aktar dettal. Minħabba li fil-preżent in-numru ta`investigaturi huwa limitat, id-dipartiment jittratta l-ewwel dawk il-każi l-aktar importanti.
Kif ingħad diversi drabi f`dawn l-aħħar ġimgħat, l-amministrazzjoni hija impenjata li ssaħħaħ l-istrutturi eżistenti biex tiġġieled b`aktar effiċjenza u b`mod iżjed effettiv l-evażjoni tat-taxxa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jagħti l-Lm75,000 li qal li se jagħti lill-NGO's?
Response (DALLI, JOHN)
Kif jidher fl-Estimi 1999, taħt il-Vot tal-Ministeru tal-Politika Soċjali hemm allokazzjoni ġenerali ta` Lm400,000 li titqassam mill-Fond Konsolidat lil bosta N.G.O.`s skond programmi specifiċi li huma jagħmlu fis-sena li ġejja.
Jista' l-Ministru jgħid kif fl-Isptar San Vinċenz de Paule qatt ma kien hemm purtieri fis-sala R.B.3? Meta jaħseb li dawn se jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'din is-sala partikulari RB3 m'hemmx purtieri madwar is-sodod. Hemm ippjanat li f'din is-sala se jitwaħħlu l-purtieri s-sena d-dieħla.
Bħalissa f'din ir-residenza għaddej programm ta' twaħħil ta' purtieri fis-swali tan-nisa f'St. Francis Wing li għandhom 'priorita' aktar mis-sala RB3.
3.12.98
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-kumpannija Ġermaniża Deutsche Post Consiult International intbgħatet lura? Kif ġie ffriżat ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? U għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-esperti Ġermaniżi kien ilhom minn Ġunju jagħmlu xogħol għall-Maltapost. Wara l-Elezzjoni Ġenerali, jiena tajt struzzjonijiet biex jieqaf ix-xogħol sakemm tiġi studjata s-sitwazzjoni kollha.
Minħabba l-posta tal-milied, ma kienx possibli li x-xogħol jitkompla f'Ottubru u ma kienx għaqli li x-xogħol jitkompla, jekk ikun il-każ, qabel il-bidu tas-sena l-ġdida. Flok l-esperti tħallew Malta għal aktar minn erba' xhur, il-Maltapost issuġġeriet li dawn l-esperti jmorru lura l-Ġermanja u jirritornaw Malta wara l-ewwel tas-sena.
Jiena nfurmat li l-esperti qablu ma' din il-proposta loġika u fil-fatt irritornaw il-Ġermanja biex jistennew struzzjonijiet fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkonsma mediċina lill-poplu Malti fis-sena? Liema hi l-iktar mediċina li tintuża u għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Minsteru tas-Saħħa mhux f'pożizzjoni li jżomm statistika ta' kemm jikkonsma mediċini l-poplu Malti fis-sena fl-isptarijiet u kliniċi tal-Gvern u tal-privat.
Jekk l-Onorevoli Deputat hija nteressata tkun taf il-kwalita' mixtrija mill-Gvern ta' mediċina partikolari din tista' tingħata.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari numru 1345?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tieni parti tal-Mistoqsija Nru. 1345, jiġifieri nformazzjoni dwar dawk il-korsijiet ta' l-ETC li għaddejjin bħalissa, fil-fatt kienet ingħatat.
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru sabiex terġa' tagħti daqqa t'għajn lit-Tweġiba.
30.11.98
Artijiet — Appartament tal-Gvern - Tank ta' l-ilma
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi numri 376 u 1126 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġew riferuti lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok tgħid kif il-persuna, li d-deettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ġo flat tal-Gvern isfel (taħt il-livell tat-triq) li la għandha bitħa u lanqas shaft, ma ngħatatx permess tagħmel tank ta' l-ilma fuq il-bejt tal-flat tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, l-persuna li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellanti, m'għandiex aċċess għal bejt tal-blokk fejn toqgħod.
Għaldaqstant, il-permess biex din il-persuna tkun tista' tagħmel it-tank fuq il-bejt tal-blokk jista' jingħata biss bil-kunsens ta' l-uniċi żewġ inkwilini fl-istess blokk li għandhom aċċess komuni għall-bejt. Il-persuna ndikata diġa' ġiet infurmata b'dan mid-Dipartiment ta' l-Estates Management.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment konċernat għandu parir legali li ma jistax jimponi fuq l-inkwilini l-oħra biex jagħtu dan il-kunsens.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir mid-dipartiment biex tittaffa l-problema li għandu l-Isptar San Luqa b'MRSA u kemm hi gravi?
F'liema wards id-dipartiment qed isib l-iktar każi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Isptar San Luqa għandu struttura ta` sorveljanza kontinwa tal-każijiet kollha ta` MRSA bbażata fuq prattiċi Ewropej. Kull każ ta` MRSA li jinstab wara analiżi batterjoloġika jiġi notifikat lill-Infection Control Unit ta` l-Isptar. Kull pazjent jiġi trattat jew dekolonizzat skond policy stabbilita u miktuba. Sabiex jitnaqqas il-potenzjal ta` 'cross-contamination' ġiet stabbilita ward speċjali sabiex dawn il-pazjenti jiġu iżolati ġewwa fiha sakemm jingħataw it-trattament neċessarju.
Il-livell tal-MRSA ġewwa l-Isptar San Luqa jikkompara ma' dawk li ssib fi sptarijiet Ingliżi. Ma tistax ssemmi wards partikolari għaliex is-sitwazzjoni hija waħda varjabbli.
Partit Nazzjonalista — Programm Elettorali - Wegħda 194
Question
Fid-dawl tal-wegħda 194 fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jaqbilx mal-koabitazzjoni u jekk hux se jaċċetta l-koabitazzjoni f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proposta msemmija fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista taħseb biex tħares l-interessi ta' l-ulied li jitwieldu minn relazzjoni ta' ko-abitazzjoni u li tħares lil kull persuna minn xi forma ta' sfruttament, dejjem mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u obbligi li joħorġu minn żwieġ validu.
Nistieden lill-Onor. Membru tgħidli jekk għandhiex xi oġġezzjoni dwar dan.
14.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol fi Pjazza Patri Redent, fil-Fgura jinsab wieqaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna persuni b'diżabilita' f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma nisa u rġiel? Kemm minnhom għandhom diżabilita' mentali, fiżika, eċċ? Jista' jagħti wkoll l-eta' tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' joħorġu dawn il-fatti:
1.1 Numru globali ta' persuni b'diżabilita' f' Malta w Għawdex
rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita':
6195.
1.2 590 minn dawn huma mmarkati 'inactive' fil-kompjuters tagħna,
minħabba li hemm min:
. waqqa' l-applikazzjoni tiegħu/tagħha
. bidel l-indirizz u ma nfurmaniex
. m'għadux joqgħod Malta
. miet
2. In-numru ta' nisa u rġiel irreġistrati huma:
Nisa 2426 43.3%
Irġiel 3175 56.6%
3. Statistika skond il-kategoriji maġġuri ta' diżabilita':
Mentali 674
Fiżika 1446
Psikoloġika 521
Nuqqas ta' vista 414
Nuqqas ta' smigħ 379
4. Statistika skond l-eta':
ETA TOTAL
0- 4 106
5- 9 186
10-14 234
15-19 265
20-24 296
25-29 245
30-34 221
35-39 363
40-44 362
45-49 375
50-54 382
55-59 281
60-64 309
65-69 385
70-74 447
75+ 1148
Ma speċifikawx 96
23.11.98
Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn dan id-dewmien biex jispjega x'inhu jsir u f'liema żvilupp qiegħed it-tħaffir għaż-żejt fil-Bir il-Madonna taż-Żejt, f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Press Release
tas-6 ta' Novembru 1998 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-
Informazzjoni fejn hemm l-informazzjoni mitluba.
Ngħarrafha wkoll li sal-lum it-tħaffir tal-bir wasal fond
ta' 6,511 metru u f'dawn il-ġranet se jiġi mpoġġi l-
liner imsemmi fil-Press Release.
L-Onor Interpellant mhix korretta meta tgħid li hemm xi
dewmien biex jiġi spjegat x'inhu jsir. Il-proċess kollu
miexi kif maħsub u meta jkun hemm informazzjoni utili din
tiġi mogħtija.