Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu wara li mistoqsijiet 30936, 33033, 30813, 30414, 30511, li oriġinarjament kienu saru lill-Ministru tal-politika soċjali, ġew riferuti lilu permezz tat-tweġiba 30936?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li ħadu d-dual citizenship, u mill-liema pajjiżi huma fiż-żmien ta' bejn il-25/06/02 sa' l-aħħar ta' Settembru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tfal tal-primary schools qed jintalbu jixtru dawn il-kotba: Malti Marija for year 5, Kun af, Social studies notes, u Haydon Richards books (revised edition)?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35301, jista' jagħti l-informazzjoni ta' kemm hu n-numru ta' dawk li resqu għall-għajnuna quddiem aġenziji u organizzazzjonijiet fuq każi ta' aspett soċjali f'kull aġenzija, xahar b'xahar, mil-1990 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiżdiedu l-courses addizzjonali ta' l-adults and evening courses No 130 tal-computer, peress li hemm adulti li baqgħu barra minħabba li għall-course jintgħażlu on a first come first served basis?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Kors numru 130 hu wieħed mill-korsijiet fil-'Computer Awareness' organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti. Barra minn dan id-Dipartiment jorganizza numru ta' korsijiet fil-'European Computer Driving Licence', fil-'Computer Studies' u fil-'Computer Aided Design'. Il-korsijeit huma kollha mimlija b'numru sabiħ fuq il-'waiting list'. Id-Dipartiment diġa` ħa l-passi biex jiżdiedu diversi minn dawn il-korsijiet. Jekk ikun possibbli tinfetaħ klassi oħra fil-'Computer Awareness' f'Raħal Ġdid fejn il-kors numru 130 qiegħed jiġi organizzat ukoll.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk l-istudenti li applikaw għall-adults and evening course, course no. 130, tal-computer?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw għal kors numru 130 "Computer Awareness" organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hu ta' 61.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun hemm klassijiet għall-adults and evening course no. 130 tal-computer u kemm se jkun hemm f'kull klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kors numru 130 "Computer Awareness" organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti li jsir fil-Junior Lyceum ta' Raħal Ġdid hu kors ta' erbatax-il ġimgħa. Matul din is-sena hu ppjanat li jsiru żewġ korsijiet. Wieħed ser jibda issa u l-ieħor jibda fi Frar. F'kull klassi jiġu aċċettati sittax-il student biex kull student ikun jista' jaħdem fuq kompjuter.
Informat ukoll li qgħedin isiru korsijiet fil-"Computer Awareness" f'għaxar lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm baqa' minn dawk in-numru ta' residenti li xtraw il-proprjeta' tagħhom f'Malta u reġgħu biegħuha lura lill-Maltin hekk kif ġie ddikjarat fil-mistoqsija 35233?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta barrani jbiegħ il-propjeta' li jkun akkwista lill-Maltin, ma jkollu l-ebda obligu li jinforma lid-dipartiment b'tali trasferiment u allura ma setgħet qatt tinżamm statistika. L-Att dwar l-Akkwist ta' Propjeta' Immobbli minn Persuni Mhux Residenti (Kap 246) jirregola l-akkwist tal-propjeta' mill-barranin u mhux l-bejgħ tal-istess propjeta'.
Bir-rispett, tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li meta jingħata permess taħt l-Att imsemmi ma jfissirx konklusivament li jkun sar it-trasferiment.
Jista' il-Ministru jara li jinżabru żewġ siġriet kbar ta' iktar minn 4 sulari li jinsabu jmissu mall-faċċata ta' blokk F fi Triq l-Iklin Housing Estate, Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-responsabbilta' ta' dan ix-xogħol hi tal-Kunsill Lokali ta' Haż-Żabbar. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel it-talba tagħha lil dan il-Kunsill.
Jista' il-Ministru jgħid jekk u meta se jkunu mixgħula s-swar ta' A M Valperga, tal-Bieb u Tal-Foss li jinsabu fil-Fgura, peress li fl-inħawi hemm ħafna dlam u qed isiru wkoll ħafna abbużi, u peress li dan ix-xogħol suppost kellu jsir mill-Valletta Rehabilitation Project skond il-mistoqsija 35304?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sena d-dieħla hemm l-intenzjoni li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera jixgħel id-daħla ta' Bormla, minn Għajn Dwieli sa parti mis-sur tal-ġenb. Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla jinxtgħelu d-daħla ta' Bormla u Forti Sant'Anġlu.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod il-gvern qed jaċċetta vapuri tal-gwerra fil-port ta' Malta?
Response (BORG, JOE)
La l-Kostituzzjoni Maltija, u lanqas il-liġijiet tagħna, ma jipprekludu vapuri navali barranin milli jwettqu żjarat ta' kortesija f'pajjiżna. Naturalment, dawn iż-żjarat huma regolati minn proċedura amministrattiva stabbilita.
Fit-23 ta' Ġunju 1988, din il-Kamra kienet approvat riżoluzzjoni fejn ġie riaffermat illi ebda armamenti nukleari m'għandhom jithallew fuq territorju malti. Madwar din ir-riżoluzzjoni kienu sussegwentement tfasslu kundizzjonijiet ġenerali li jiġu applikati kull meta xi gvern barrani jitlob il-permess sabiex vapuri navali tiegħu jidħlu Malta fuq żjara uffiċċjali.
Ma naf bl-ebda każ fejn gvern ta' xi pajjiż ieħor, inkella xi ekwipaġġ barrani, naqas li jirrispetta l-kundizjonijiet li jingħatawlu meta jżuruna l-vapuri tçgħu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir sleeping policemen fi Triq Alessio Erardi, Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ għat-Traffiku ma għandu l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar sabiex issir sleeping policeman fi Triq Alessio Eraldi.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35238, jista' jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li daħlu ġodda fit-Tug Malta f'din is-sena, xahar b'xahar, u x'inhu x-xogħol li daħlu għalih?
Jista’ il-Ministru jgħid jekk fil-water reservoir li qed isir fejn ir--roundabout ħdejn il-HSBC f’Hompesch Road, Fgura sarlux water bars u expansion joints?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi billi l-istruttura tar-reservoir mhix tat-tip ta' ħitan u art magħmulin mir-rinforced concrete, ma saritx water bar. L-istruttura tal-ġibjun qed tinbena b'art tal-konkos u żewġ qoxriet ħitan tal- hollow concrete blocks qed issir all round tanking bil-welded membrane ta' ħxuna 4mm bejn iż-żewġ qoxriet biex isservi ta' water proofing layer kontinwa għal-ġibjun.
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta li se ssir expansion movement joint bejn is-saqaf u l-ħitan biex jiġi kkontrollat il-moviment ta' l-istruttura.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35234, jista' jgħid kemm kienu dawk li xtraw residenza Maltija wara li għaddiet l-immigration act u għandhom il-permess biex jaħdmu Malta, xahar b'xahar, sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 35234 f'Seduta 784.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu n-numru tal-PA tal-ġibjun li qed isir ħdejn ir-roundabout ta’ ħdejn l-HSBC ta’ Hompesch Road, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq qiegħed jagħmel ix-xogħol tal-ġibjun fi Triq Hompesch bis-saħħa tal-Att Dwar l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta KAP 332 Klawsola 4(b).
Jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni ta' kemm hu n-numru ta' dawk li resqu għall-għajnuna quddiem aġenziji u organizzazzjonijiet fuq każi ta' aspett soċjali f'kull aġenzija xahar b'xahar mil-1990 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux sejjer jinqala' l-isprall li hemm madwar ir-roundabout ħdejn l-HSBC f'Hompesch road Fgura u li qed ikun ta' inkonvenjent minħabba l-istorbju u peress li l-pożizzjoni tiegħu mhux tajjeb biżżejjed biex jilqa' l-ilma tax-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħa l-passi neċessarji biex titneħħa l-inkonvenjent lis-sewwieqa u r-residenti fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant. Ninforma lil-Onor. Interpellant li dan l-isprall jifforma parti mis-sistema ta' l-ilma tax-xita u se jiġi mqabbad mal-ġibjun li qed jinbena qrib dan l-isprall.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddawlu s-swar A.M. Valperga, tal-Bieb u tal-Foss fil-Fgura u jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultalhiex li hemm xi talba biex jiddawwlu s-swar imsemmija. Tajjeb jingħad li dawk is-swar li huma mdawwlin ġew mixgħula fuq inizjattiva ta' Valletta Rehabilitation Project u mhux mill-Enemalta.