Jista' l-Ministru jgħid meta f'dawn it-toroq Triq Louise Schickluna, Triq San Gwann parti minn Triq San Antnin, Triq l-Iskola - continuation - u Triq Wistin Lavanzin kollha fil-Fgura, se ssir l-ewwel fażi bl-asfalt? Jaf il-Ministru li hemm minn dawn it-toroq li ilhom iktar minn tmien snin f'dan l-istat?
Jista' l-Ministru jagħti prijorita' għal dawn it-toroq peress li hemm residenti li qed ibatu minn mard minħabba t-trabijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Wistin Lavanzi u Triq Sant Antnin huma diġa asfaltati u miksija bit-tarmak. It-toroq l-oħra isir ix-xogħol fihom skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment wara li jkun żgurat li s-servizzi neċessarji huma fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid kif is-Silosheath li kienu jingħataw mill-OPU fl-isptar issa qed jingħataw tal-cotton minflok kif kienu qabel tal-plastic?
Jaf il-Ministru li dan il-materjal tal-cotton mhux addattat għal problema partikolari u qed toħloq dmijja fil-ferita'?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jerġa' jkun hawn silosheath tal-plastic?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-'Silo Sheaths' huma differenti minn 'stump socks' tal-'cotton'. Is-'Silo sheaths' huma magħmulin mis-silikon u mhux mill-plastik.
Is-'silo sheaths' għadhom jingħataw b'xejn minn dan id-dipartiment(OPU). Il-pazjent irid jirritorna is-'silo sheath' il-qadime u jingħata waħda ġdida. Ir-raġuni hi li s-'silo sheaths' huma għaljin ħafna u ma jgħoddux għal kulħadd.
Jekk il-pazjent għandu ferita miftuħa, m'għandux jilbes 'silo sheath'. Il-pazjent għandu jfittex għajnuna medika qabel ma jkompli jilbes is-sieq artifiċjali, iktar u iktar qabel ma jilbes is-'silo sheath'.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Filudrocortisone, pilloli li jeħduhom nies b'Addisons Disease mhux qed jingħataw biżżejjed imma jingħataw ftit mill-ispiżerija tal-gvern? Jaf il-Ministru li dawn il-morda lanqas qed jieħdu nofs id-doża? Jista' l-Ministru jgħid għalfejn dan in-nuqqas, u meta se jerġa' jkun hemm abbundanza tal-mediċini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fis-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ma kienx hemm problemi ta' nuqqas tal-pilloli Fludrocortisone, la fl-Istores u l-anqas fl-Ispiżeriji tal-Gvern.
Jekk l-Onor. Interpellant għandha xi każ partikulari, nitlobha ttini d-dettalji ħalli nkun nista' ninvestiga.
Jista' l-Ministru jgħid kif proċedura li daħlet bi prova fi żmien Gvern Nazzjonalista li tirrigwarda ħlasijiet tal-LEVY ta' 3mls fil-Lm1, u li taqa' taħt ix-xerrej, pitkal u bidwi għada fis-seħħ sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-permit entry sabiex tidħol fil-Pitkalija minn Lm1.25c saret Lm3?
Response (ZAMMIT, NINU)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-'permit entry' sabiex tidħol fil-Pitkalija għola għal Lm3 fi żmien meta kien hemm Gvern Laburista, jiġifieri f'Jannar ta' l-1998.
Fil-fatt, diġa kien ġie ppublikat artiklu b'informazzjoni skoretta fl-Orizzont ta' 13 ta' Frar 1999, u l-Ministeru tiegħi permezz tad-DOI
ikkoreġa l-iżball fl-istess ġurnal tas-17 ta' Frar 1999, li kopja tagħhom qed nibagħtilha personalment.
Għaldaqstant peress li d-deċizjoni ma tteħditx meta jien kont Ministru, jiddispjaċini ngħid li ma nafx x'kienet ir-raġuni, u għalek nissuġerixxi lill-Onor. Law li ssaqsi lill-kollega tagħha l-Onor. Noel Farrugia.
Jista' l-Ministru jgħid il-post Numru 126, Archbishop Street, Valletta, lil min beħsiebu jallokah? Peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh, jista' l-Ministru jħaffef id-deċiżjoni tiegħu? Jekk diġa' ġie f'arranġament, lil min ġie allokat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-post li għalih irreferiet l-Onor. Interpellant, kien mikri għal skop kummerċjali, nitlobha tagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kif jista sid il-Qbiela tal-File Nru.235/63 jidħol għall-post imsemmi, jekk dan lanqas ħa permess sabiex ikun jista' jidħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrej ta' qbiela għandu dritt li juża l-passaġġ, delineat bħala tali, fuq proprjeta' ta' terzi biex jaċċedi għal qbiela tiegħu.
15.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jibda proġett li kien ipproġettat mill-gvern preċedenti fuq il-Kottonera lines li hu xogħol madwar is-swar fil-Kottonera? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jinbeda dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett tal-Cottonera huwa wieħed mill-prioritajiet tal-Gvern u bħalissa il-preparamenti fuq il-proġett huma avvanzati ħafna u hekk kif ikunu maqbula d-dettalji kollha x-xogħol ikun jista' jinbeda.
Jista' l-Ministru jgħid kif wara ħafna lmenti, mill-Club tal-Boċċi ta' Bormla, fl-inħawi ta' Triq il-Mitħna, fuq ħsarat ta' bozoz u applikazzjonijiet għal bozoz ġodda, għadu ma sar xejn?
Peress li dan il-post jinsab fi dlam u qed ikun ta' abbuż u serq, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ? X'kienet ir-raġuni li damu daqshekk biex isir id-dawl neċessarju?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjeta' ta' bini li għal xi raġuni jew oħra l-gvern ħa, jew se jieħu l-proprjeta' f'idejh minn Settembru, 1998 sal-lum?
Jekk kien hemm każi fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid każ b'każ ħadux kumpens, u kemm fejn kienu u min kien jabita fil-proprjeta'?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellanti qiegħda tirreferi għall-proprjeta' mibnija li kienet diġa' dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku, imma ġiet fiżikament meħuda minn Settembru 1998 sa llum, ninsab infurmat li l-pussess attwali ma jsirx mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, imma mill-Ministeru jew mid-Dipartiment li jkun għamel it-talb għall-esproprjazzjoni.
Jekk l-Onorevoli Interpellanti qiegħda tirreferi għall-proprjeta' mibnija li ġiet dikjarata esproprjata għal skop pubbliku minn Settembru, 1998 sa llum, ninsab infurmat li ma kien hemm ebda dikjarazzjoni f'dan is-sens. Hemm talba għall-esproprjazzjoni ta' blokk biex jitkompla is-Slum Clearance ta' l-Imsida. Din it-talba qegħda tiġi proċessata.
Ninsab infurmat ukoll li fiż-żewġ każijiet ma sar ebda ħlas bħala kumpens.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat biex jistabilixxi n-numru ta' nies li jabitaw f'tali proprjeta', u dan għal skop li tiġi provduta akkomodazzjoni alternattiva, ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru ta' l-Intern.
02.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kif hemm pensjonanti li rċevew iċ-cheque tal-pensjoni mingħajr iż-żieda li ta' l-gvern fil-bidu tas-sena?
Għalfejn sar dan l-iżball jew dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta' pensjonijiet kontributorji, minn madwar 52,000 pensjonant, in-numru ta' pensjonanti li għadhom ma rċevewx iż-żieda għas-sena kurrenti hija ta' madwar 330.
Dan in-numru ta' każi pendenti hu normali għal din il-perjodu. Dawn fil-maġġoranza tal-każi huma pensjonijiet mħallsa taħt xi Ftehim Reċiproku. Normalment ir-rati ta' pensjoni taħt Ftehim Reċiproku huma 'pro rata' u mhux bilfors żewġ terzi bħal fil-każi ta' pensjoni kontributorja normali. Għalhekk ir-rata ta' żieda dovuta trid tinħadem manwalment.
Dwar il-Pensjonijiet Mhux Kontributorji jien infurmat li n-numru ta' każi li għadhom ma ħadux xi żieda fil-pensjoni hija ta' madwar 1027. Ir-raġuni għal dan hu li billi dawn il-każijiet huma suġġetti għat-test tal-meżżi, jista' jkun li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx dovuta kollha. Għaldaqstant trid issir stima għal kull każ biex jiġi determinat għal kemm għoli tal-ħajja huma ntitolati.
Jiena nfurmat li fil-każi kollha bħalissa fid-Dipartiment għaddej ix-xogħol meħtieġ biex dawn il-każijiet jitħallsu malajr kemm jista' jkun.
2.2.99
Peress li ż-żewġ mistoqsijiet tiegħi numri 3641 u 3918 ma ġewx imwieġba, jista' l-Ministru jgħid kemm fallew studenti mill-iskola tas-Snajja' f'Ta' Bighi f'din is-sena skolastika li bdiet minn Settembru 1998 s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm tlettax-il student li jfallu l-iskola spiss mingħajr ċertifikat tal-mard u 34 student li jfallu l-iskola spiss b'ċertifikat tal-mard.
Jista' l-Ministru jispjega kif l-istudenti ta' l-iskola Ġuże' D'Amato qed ikollhom tliet lezzjonijiet biss f'ġurnata skolastika?
Kif jistgħu dawn it-tfal ilaħħqu ma' syllabus ta' suġġett jekk l-għalliema ma jidħlux jgħallmu jew qatt meta f'ċerti suġġetti qatt ma ngħataw tagħlim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-iskola Sekondarja Ġuże' Damato f'Raħal il-Ġdid ikollhom seba' lezzjonijiet kull ġurnata skolastika u l-għalliema jmorru jagħtu l-lezzjonijiet regolarment.
Meta xi għalliem ikun marid jiġi sostitut b'għalliem ieħor.
Jista' l-Ministru jara kif fl-iskola kollha ta' Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid għadhom bla għalliema tat-Technical Drawing and Technical Design? Għalfejn dawn l-għalliema huma nieqsa u meta hemm il-ħsieb li jkun hemm għalliema ta' dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Sekondarja Ġuże' Damato hemm żewġ għalliema tat-Technical Design u l-istudenti qiegħed ikollhom lezzjonijiet regolari.
Jista' l-Ministru jgħid kif jippermetti 30 tifla/tifel fi klassi waħda tal-Kindergarten, (Primary School), Raħal Ġdid?
Ma jaħsibx il-Ministru li dawn jirrikjedu ħafna attenzjoni u 30 tifel u tifla l-għalliema ma tlaħħaqx magħhom?
Hemm xi ħsieb li dawn it-tfal jinqasmu fi klassi oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemm ebda klassi tal-kindergarten fl-iskola ta' Raħal Ġdid fejn hemm Kindergarten Assistant waħda ma' 30 tifel u tifla. Hemm xi każi fejn hemm 30 tifla u tifel fi klassi waħda iżda ma' dawn hemm żewġ Kindergarten Assistants.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġuvni li meta għalaq 16-il sena u beda jirreġistra applika biex jieħu kors ta' l-aluminium Ħal Far u sal-lum sentejn wara dan il-ġuvni għadhom lanqas għajtulu għal dan?
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet mill-ETC, Ħal Far f'sentejn sal-lum? Ta' xiex kienu? Meta kien il-bidu tagħhom u meta spiċċawhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig ma bdietx torganizza korsijiet fix-xogħol ta l-aluminium għax ikkonċentrat fuq bzonnijiet aktar urgenti bħalma huma taħriġ tekniku u fil-qasam ta' l-informatika, u taħriġ għal persuni qiegħda li huma illiterati. Il-Korporazzjoni tikkonsidra tibda dawn il-korsijiet kemm-il darba dawn l-istess korsijiet iwasslu lil persuni qiegħda jsibu mpjieg f'dan il-qasam għax ikun hemm talba għalihom fis-suq tax-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korsijiet li saru mill-ETC fl-1997 u fl-1998. Billi dawn il-korsijiet huma qosra (ta' ftit ġimgħat) diversi korsijiet ta' l-istess tip jibdew u jispiċċaw matul is-sena.
1.2.99
Jaf il-Ministru li fl-iskola primarja tal-Fgura għandhom is-siġġiet kollha skaldi b'detriment li dawn qed iqattgħu ħwejjiġhom?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li dawn is-siġġiet jinbidlu jew jiġu rranġati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Fgura hemm żewġ skejjel Primarji. Mill-informazzjoni li ngħatat mill-Kap ta' l-Iskola Primarja A, m'hemm ebda siġġu bl-iskaldi jew f'kundizzjoni ħażina, għaliex kull siġġu li jinstab imkisser jiġi msewwi jew mibdul minnufih.
Il-Kap ta' l-Iskola Primarja B mill-banda l-oħra qed tieħu l-passi meħtieġa biex jissewwew jew jinbidlu sittin siġġu. Il-bqija tal-ħames mitt siġġu li hemm fl-Iskola Primarja B huma f'kundizzjoni tajba.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2908, jista'l-Ministru jispjega kif fl-iskola Maria Regina, Blata l-Bajda, fil-Form III biss hemm żewġ għalliema nieqsa tal-Business Studies u tal-Geography, liema għalliema għallmu minn Settembru sa Novembru 1998 u minn Novembru 'l hawn l-għalliema ma rritornawx? Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex dawn it-tfal jirkupraw it-tagħlim li tilfu meta fis-suġġett tal-Geography minn Settembru/Novembru kellhom tliet lezzjonijiet biss? Jaf il-Ministru li l-head diġa' tagħthom ix-schedule ta' l-eżamijiet u dawn iż-żewġ suġġetti nqatgħu minn fuq il-lista ta' l-eżamijiet? Kif jippermettu l-għalliema jitilqu mill-iskola meta jkunu diġa' bdew is-sena skolastika tagħhom? Fuq liema kriterji telqu dawn l-għalliema, għax riedu huma, għax ġew transferred jew għal xi raġuni oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispjega taż-żewġ għalliema nieqsa wieħed isibha fil-mard ta' dawn iż-żewġ għalliema u fil-fatt li qed jiġu konsidrati l-proċeduri ta' 'boarding out' għal raġunijiet mediċi ta' l-imsemmija għalliema.
Fil-każ tas-suġġett tal-Business Studies intbagħat għalliem u qed isiru sforzi biex l-istudenti jirkupraw it-tagħlim li tilfu.
Hu għalhekk li ġie deċiż li fiċ-ċirkostanzi l-istudenti ġew eżenti mill-eżamijiet tal-Mid-Term.
L-Onor. Membru taf li ebda awtorita' ma tippermetti lill-għalliema jitilqu mill-iskola mingħajr raġuni valida bħal ma hu l-mard.