Dipartiment ta' l-Artijiet — Allokazzjoni ta' post
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5262 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ċioe' jista' jgħid lil min se jiġi allokat il-post numru 126, Archbishop Street, Valletta peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh? Tista' tittieħed deċiżjoni malajr? Jekk diġa' ġie f'arranġamenti, lil min ġie allokat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti għadu ma ġiex allokat. Iċ-ċwievet għadhom f'idejn id-Dipartiment ta' l-Estate Management li qed jara kif ikun l-aħjar mod li jiddispopni minn dan il-fond.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema jaħdmu fis-settur ta' l-agrikoltura fulltime u part-time?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fis-settur tal-Agrikoltura u Sajd f'Settembru 1998 kien hemm 2,582 ħaddiem full-time. Skond iċ-Ċensiment li sar f'Settembru 1991 fis-settur tal-Agrikoltura kien hemm 21,418 part-timers.
Jista' l-Ministru jgħid kif proċedura li daħlet bi prova fi żmien Gvern Nazzjonalista, li tirrigwarda ħlasijiet tal-levy ta' 3mls fil-Lm1 u li taqa' taħt ix-xerrej, pitkal u bidwi, għada fis-seħħ sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din il-levy daħlet permezz tar-regolamenti tal-1989 dwar Drittijiet imħallsin f'Ċentri tal-Bejgħ ta' Prodotti tal-Biedja u kienet intenzjonata biex tiffinanzja skema ta' kaxxi ġodda u nodfa għal ġarr u bejgħ ta'ħaxxi.
Sal-ġimgħa l-oħra stess ġiet inawgurata uffiċjalment magna tal-ħasil tal-kaxxi ġdida fil-Pitkalija. Dawn il-flus jintuzaw ukoll għall-spejjeż tal-ħasil tal-kaxxi, u xiri ta' kaxxi ġodda skond il-bżonn.
Peress li wara l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4860 ġejt informata mir-residenti ta' dawn it-toroq li s-servizzi neċessarji ta' qabel it-tarmac saru kollha mid-dipartimenti konċernati, jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru dawn it-toroq bit-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`għandi xejn x`inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 4860.
Minħabba li fiċ-Ċimiterju ta' Santa Maria Addolorata hemm ħafna oqbra mitluqa u jidher li m'huma ta' ħadd, waqt li hemm ħafna li qegħdin fuq il-waiting list jistennew biex jixtru qabar, jista' l-Ministru jgħid x'jista' jagħmel? Kemm hemm oqbra vojta preżenti f'dan iċ-Ċimiterju? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal qabar ġdid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizju mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jiġu identifikati l-oqbra privati li ilhom ħamsin sena jew aktar ma jintużaw għad-dfin. Meta jitlesta dan l-eżercizju nkun f'pożizzjoni aħjar sabiex ninvestiga x'jista' jsir. Għalhekk l-informazzjoni għal din il-parti tad-domanda tingħata aktar tard.
Dwar oqbra vojta, bħalissa jeżistu ħamsin qabar vojt. Iżda dawn huma kollha 'tal-komun' jiġifieri jintużaw għal dfin ta' persuni li m'għandhomx jew ma jistgħux jindifnu f'qabar privat.
Ninforma wkoll li sa llum hemm 1349 applikazzjoni pendenti għal qabar ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sign language tiġix mgħallma fl-iskejjel ta' l-istat? Jekk iva, kemm hawn għalliema u f'liema skejjel? Kemm hemm studenti fl-Universita' li qed jieħdu dan is-suġġett biex ikunu għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalkemm is-Sign Language tiġi użata mill-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat fejn ikun hemm il-ħtieġa, is-Sign Language ma tiġix mgħallma.
Rigward l-aħħar domanda, l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li twaqqaf il-mili ta' l-enbarcation cards għal min ikun se jsiefer? X'se jagħmlu issa jew x'alternattiva oħra se jieħdu l-pulizija għal skopijiet ta' records?
Response (BORG, TONIO)
Fil-għatba tal-Millenju l-ġdid, ġie deċiż li ma hemmx għalfejn li jimtlew 340,000 'cards' minn ċittadini Maltin biex jitilqu minn u jidħlu f'art twelidhom. Il-passaport xorta waħda jibqa' jiġi ittimbrat fil-mument tat-tluq u dħul fil-pajjiż.
Għar-rigward il-barranin, il-mili tal-'cards' għadu meħtieġ.
Il-Pulizija stess irrakomandat u qablet ma' dan it-tibdil. Ta' min isemmi li fl-1997 biss imtlew 340,000 'cards' mill-Maltin biex jidħlu u joħorġu minn pajjiżhom stess.
Għalhekk din il-miżura (a) se tneħħi inkonvenjent żejjed
lill-Maltin meta jsiefru
(b) se jnaqqas parti mix-xogħol lill-Pulizija u Immigration Officers
Jekk l-Onor. Interpellanti jidhrilha li hemm xi raġuni għala l-Maltin għandhom jimlew 'card' biex isiefru, hija ġentilment mitluba tinformani dwarha.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid lil min se jiġi allokat il-post numru 126, Archbishop Street, Valletta peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh? Tista' tittieħed deċiżjoni malajr? Jekk diġa' ġie f'arranġament, lil min ġie allokat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx head master fl-iskola Ġużeppi Despott Boy's Junior Lyceum? Min hu? Peress li kelli diversi rapporti mill-ġenituri tat-tfal li dan il-head ikun assenti ta' spiss, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-head huwiex ikun assenti għal xi raġuni? Jaf il-Ministru li ħafna mill-istudenti, speċjalment dawk tal-Form I's, qed ibatu għax donnu ma tantx hemm kontroll tat-tfal ta' l-iskola? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jaħtar head ieħor? (jirriplejsjah)
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l- Head Master fl-Iskola Ġużeppi Despott Boys' Junior Lyceum irriżenja fil-21 ta' Frar u diġa' bdew jittieħdu passi biex jiġi maħtur Kap f'din l-iskola. Sadanittant kif diġa' għidt fil-Kamra l-ġimgħa li għaddiet innominajt grupp ta' uffiċċjali biex jgħinu l-iskola toħroġ mid-diffikultajiet li tinsab fihom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri ta' tfal b'diżabilita' għandhomx dritt li jagħżlu huma f'liema skola jibgħatu lil uliedhom (tal-gvern jew privat)? Jekk le, għalfejn ma jistgħux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġenituri wara li jingħataw pariri siewja, għad għandhom id-dritt li jagħżlu jekk it-tfal tagħhom jattendux skola normali (maninstream) jew dik speċjali. Dan wara li l-każ jiġi eżaminat minn Statementing Board. Dan jgħodd għall-iskejjel statali.
Fl-iskejjel tal-Knisja, u indipendenti, huwa l-Kap ta' l-iskola li għandu responsabbilta' ta' l-għażla ta' l-'intake' ta' tfal fl-iskola tiegħu/tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern minn Settembru sal-lum, fuq safar, kuntatti u oħrajn, biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea? Liema huma l-pajjiżi kkonċernati?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f' xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu deficit pajjiżna? Jista' l-Ministru jgħid kemm qed ikollu jħallas pajjiżna globalment kuljum fuq dan is-self? Xi pjanijiet għandu l-gvern biex jikkontrolla d-deficit?
Response (DALLI, JOHN)
Dawn il-mistoqsijiet ġew risposti fil-budget li ppreżentajt f`Novembru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-pulizija fil-Pitkalija? X'inhu x-xogħol tas-security fil-Pitkalija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Xogħol il-Pulizija fil-Pikalija huwa xogħol normali tal-Pulizija jiġifieri li żżomm il-'Bon Ordni'.
Xogħol is-Security huwa li jara li jiġu osservati l-ħinijiet stipulati tad-dħul u l-ħruġ fil-Pitkalija. Ħafna drabi għal dan ix-xogħol is-Security ikunu assistiti mill-Pulizija.
L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li fis-sistema ta' 'restructuring' li qed isir fi ħdan il-Ministeru kollu ser tiġi mwaqqfa 'security section' li taħdem fuq 'roster'. Din is-sistema ser telimina l-użu tal-Pulizija f'postijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-prijoritajiet li jingħataw lill-Għawdxin fis-sajf u fix-xitwa biex jidħlu jixtru qabel ix-xerrejja kollha Maltin fil-Pitkalija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xerrejja Għawdxin li jiġu jixtru mill-Pitkalija kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa huma stmati l-istess bħal Maltin. Fil-każ li jkollna konferma mill-Gozo Channel li l-vapur mhux jaħdem regolari, ix-xerrejja Għawdxin jingħataw l-opportunita' li jixtru qabel il-ħin sabiex jilħqu l-vapur.
Jaf il-Ministru li fil-ħin tas-siegħa u nofs meta suppost li jinfetħu l-bibien tal-Pitkalija għal vendituri biex jixtru, diġa' jkun hemm xerrejja Maltin bit-trakkijiet mimlija u lesti biex joħorġu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ilment tiegħek li jista' jkun hemm xi vendituri tal-ħaxix li jidħlu u jixtru l-ħaxix qabel ma' jinfetħu l-bibien tal-pitkalija fis-siegħa u nofs ġie nnutat u qiegħed jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi ħadd ma jwieġeb it-telephones li hemm fl-iSpecial Education Centre tal-Furjana u wkoll min qed imexxi dan iċ-Ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana għandu żewġ linji tat-telefon (231567 - 233698) u linja oħra għall-fax machine. Iż-żewġ linji tat-telefon huma imqabda ma' sistema tat-telefon imsejħa EPABX li tqassam dawn il-linji f'sitt extensions oħra. B'hekk jekk iż-żewġ persuni li jaħdmu f'dan l-uffiċju jkunu qegħed jirrispondu t-telefonati, ikun baqa' erba' linji vojta li naturalment ħadd ma jkun jista' jweġibhom. Mill-bqija tat-telefonati l-oħra kollha jiġu imwieġba kemm hu umanament possibli. Billi dan huwa Ċentru ta' Ħtiġijiet Speċjali u fuq kollox Dipartiment tal-Gvern huwa impossibli li tinjora sejħa għal għajnuna, direzzjoni jew ordni.
Bħalissa dan iċ-Ċentru hu mmexxi minn Education Officer u skrivan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa b'kollox il-hydrotherapy pool li hemm fl-iskola San Miguel, f'St. Andrews u għaliex din il-pool għadha mhux qed tintuża mit-tfal b'diżabilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus kollha għal Hydrotherapy Pool inġabru minn Kumitat imwaqqaf apposta msejjaħ Hydrotherapy Pool Committee li ħallsu wkoll il-kontijiet kollha għal dan il-proġett. Il-Gvern daħal biss biex iwettaq bini strutturali. Dan ix-xogħol sar mill-istudenti ta' l-iskola tal-Bini, Girolomo Cassar. Billi dan kien kumitat privat m'għandnix fil-pussess tagħna ċ-ċifri ta' kemm sewa dan il-proġett.
Kien hemm sponsor li ħallas minn butu għat-taraġ li jrid jintuża f'din il-Pool. Ix-xogħol ma sarx kif mixtieq u jrid jinbidel. L-istess sponsor qiegħed f'kuntatt mal-kuntratturi biex dan ix-xogħol isir malajr kemm jista' jkun biex fl-inqas żmien possibli dan il-post jibda jintuża.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri ma jitħallewx jipparteċipaw waqt il-case conference ta' uliedhom li ssir fis-CDAU ta' l-Isptar San Luqa? U jekk le, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li -Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana mhux f'pożizzjoni li jagħti tweġiba. Din il-mistoqsija għandha tiġi mogħdija liċ-Chairperson CDAU, Sptar San Luqa, G'Mangia.
Jista' l-Ministru jgħid kif nies li marru biex jixtru cash register qalulhom li m'hawnx?
Għalfejn mhux qed isibu jixtruhom? X'inhi r-raġuni? Meta jaħseb li se jkun hawn għal bejgħ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hawn stokk biżżejjed ta` cash registers fiskali li jistgħu jinxtraw mingħand l-aġenti li għandhom il-mudell tagħhom approvat mid-Dipartiment tal-VAT.