Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6524 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - Erin Serracino Inglott

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Erin Serracino Inglott, Bormla teachers mhux qed jidħlu fil-klassi jagħmlu l-lezzjoni imma jibqgħu fl-istaff room bħal per eżempju, l-għalliema tal-Maths u l-English li ma marrux għal-lesson fil-Form 2A? Jista' l-Ministru jgħid kif minn ftit xhur 'il hawn m'għadhomx isiru inspections fl-iskola? Dan għalfejn, u meta saru l-aħħar inspections f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond informazzjoni li għandi l-għalliema fl-iskola Erin Serracino Inglott f'Bormla jattendu regolarment għal-lezzjonijiet. Fil-każ tal-Matematika l-għalliema konċernata qatt ma kienet nieqsa mill-iskola u tat il-lezzjonijiet regolarment. Fil-każ ta' l-ingliż, l-għalliema kienet bil-'Maternity Leave' iżda l-lezzjonijiet ingħataw regolarment minn għalliema oħra. Sadanitant anke l-għalliema l-oħra li qabel kienet tagħti l-lezzjonijiet ta' l-Ingliż ħarġet bis-'sick leave'. Minn naħa ta' l-Operations, l-Education Officer (Adm.) barra kuntatti kontinwi ma' l-Amministrazzjoni ta' l-iskola, tagħmel żjarat regolari. L-aħħar żjara saret fis-16 ta' Marzu 1999.

Toroq — Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema huma t-toroq li saru bit-tarmak jew se jsiru, kemm mill-kunsilli lokali u kemm mill-gvern għal din is-sena raħal b'raħal fil-Fgura, Bormla, Isla, Birgu, Xgħajra, St. Peter's (il-parti li tagħmel mat-Tieni Distrett) u l-Kalkara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-programm ta` xogħolijiet f`dawn il-lokalitajiet qiegħed jiġi ppreparat flimkien ma` dak għal lokalitajiet oħra. Dwar il-programm tax-xogħol tal-Kunsilli fil-lokalitajiet msemmija, l-Onor. Interpellant hi mitluba tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Vetturi impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi impressed mal-gvern? Kemm hemm vetturi tal-gvern u inġenji? Kemm minnhom ilhom aktar minn 20 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 3.5.99
Leg 9 PQ #6584 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Kalkara — Bighi Complex Unit 8

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni tad-dewmien biex il-Bighi Complex Unit 8 tiġi trasferita lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-każ tal-Kalkara l-applikazzjoni għall-Bighi Complex Unit 8 trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proġett kollu ta` Bighi u għandhom isiru diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #6389 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Kalkara — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fuq l-ewwel fażi ta' Triq Luigi Pizani u 25th Anniversary, it-tnejn fil-Kalkara? Jista' jgħid jekk dan id-dewmien huwiex minħabba li jrid isir xi maintenance qabel? Jekk iva, x'inhu dan il-maintenance? Jekk le, meta jaħseb il-Ministru li se jibda x-xogħol peress li qed jinħolqu problemi kbar u dan ilu sejjer għal dawn l-aħħar seba' snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Bhal ma taf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta`gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom. Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li tirreferi l-mistoqsija taghha lill-Kunsill tal-lokalita` billi fl-funzjoni li qed tirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi f'Malta li jħallsu l-liċenzji? Jista' l-Ministru jgħid għal dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena, kemm daħlu vetturi f'pajjiżna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` vetturi liċenzjati sal-31 ta` Marzu 1999 kien ta` 232,214. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Membru hija mitluba tagħmel il-mistosija lil Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #6391 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna klandestini f'pajjiżna? Fejn qegħdin? X'inhuma l-etajiet tagħhom u x'qed jagħmel l-Istat biex dawn jerġgħu imorru lura minn pajjiżna? Kemm qed jiġu jiswew lill-gvern dawn in-nies illegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 124 persuni klandestini li qed jinżammu taħt il-kustodja ta' l-Awtoritajiet tas-sigurta` ġewwa Lyster Barracks u f`Ta'Kandja u li l-eta` tagħhom tvarja bejn it-tmintax u wieħed u ħamsin sena. Rigward il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni u t-tielet partijiet tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3363. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6392 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Tniġġiż tal-bajja

Question

Jaf il-Ministru li fil-bajja tax-Xgħajra, Malta l-kosta ilha żmien tbati l-konsegwenzi xejn pjaċevoli ta' tniġġiż ta' dan il-baħar, kaġun ta' ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ? X'sar biex jiġi rranġat dan l-inkonvenjent? Meta se jibda x-xogħol biex ma jiżdidux il-problemi ta' tniġġiż għall-għawwiema fis-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jinvestiga dan il-każ.
Leg 9 PQ #6393 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Sea Pollution

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern fuq il-problema tas-Sea Pollution li qed jinqala' bit-tqattigħ tal-blat li qed isir fuq il-Hilton site? X'sar s'issa min-naħa ta' l-Awtorita' u x'beħsiebu jsir fil-futur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dwar il-problema ta' tniġġiż tal-baħar li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent investiga l-problema u kkonkluda li t-tniġġiż kien dovut għal trab fin tal-ġebel li kien qed jispiċċa l-baħar. Id-Dipartiment informa mmedjatament lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li min-naħa tagħha ħadu passi biex l-attivita' li kienet qed tikkaġuna dan it-tniġġiż jieqaf.
Leg 9 PQ #6394 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Qrendi — Kunsill skolastiku

Question

Jaf il-Ministru li l-kunsill skolastiku ta' l-iskola speċjali tal-Qrendi hija kostitwita kontra r-regolamenti? Jaf il-Ministru li xi ġenituri fuq il-kunsill skolastiku lanqas għandhom it-tfal tagħhom bħala studenti f'dik l-iskola? Dan għaliex? X'passi se jieħu l-Ministru sabiex terġa' tissejjah elezzjoni ġdida fl-iskola speċjali tal-Qrendi? X'passi dixxiplinarji se jieħu l-Ministru fuq min abbuża mir-regolamenti ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Jekk nifhem is-sitwazzjoni tajjeb ma naħsibx li hemm lok għad-drammatizazzjoni tagħha. Din hi skola speċjali b'ċirkostanzi speċjali li jridu jiġu affaċċjati b'mod uman u mhux b'legaliżmu. B'danakollu tlabt li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-fatti u naraw x'inhu l-aqwa interess tat-tfal.

Industriji — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu fl-Industrija fulltime u part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi għat-Tweġiba "interim" li tajt fis-Seduta Nru. 76, u nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema industrija qed tirreferi f'din il-Mistoqsija Parlamentari, biex inkun nista nagħti l-informazzjoni mitluba b'mod korrett. 28.4.99

Sigurta' Soċjali — Adozzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-applikanti li qed jistennew biex jadottaw it-tfal? Hemm minnhom jixtiequ tfal Maltin? Hemm minnhom jixtiequ tfal barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Dipartiment Ħarsien tal-Familja hemm 107 applikazzjoni għal adozzjoni. Fil-maġġoranza tal-każi l-adozzjoni ssir minn pajjiż barrani peress li in-numru ta' adozzjonijiet lokali li jinġiebu a konjizzjoni tad-Dipartiment huwa żgħir ħafna. 26.4.99
Leg 9 PQ #6112 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal hawkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti jistennew biex joħorġilhom il-permess għal hawkers? Hemm minnhom huma bejjiegħa tal-ħaxix? Hemm minnhom għal bejgħ ieħor? Kemm minnhom huma ta' nies li ġejjin minn barra l-pajjiż u m'ilhomx iktar minn ħames snin Malta? Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li se joħroġ il-permess ta' dawn il-hawkers?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fid-29 ta' Marzu, 1999, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal ħruġ ta' permessi għal hawkers kien ta' 54, li minnhom waħda saret minn persuna barranija, filwaqt li 14 huma għal bejjiegħa tal-ħaxix/frott. Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent għaddej proċess ta' reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw din il-kategorija ta' bejjiegħa. 26.04.99

Kalkara — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fuq l-ewwel fażi ta' Triq Luigi Pizani u 25th Anniversary, it-tnejn fil-Kalkara? Jista' jgħid jekk dan id-dewmien huwiex minħabba li jrid isir xi maintenance qabel? Jekk iva, x'inhu dan il-maintenance? Jekk le, meta jaħseb il-Ministru li se jibda x-xogħol peress li qed jinħolqu problemi kbar u dan ilu sejjer għal dawn l-aħħar seba' snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant qed isir mill-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #6141 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa Shipbuilding — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu ppreparat għal ħaddiema tax-Shipbuilding li issa ilhom weqfin għal ħafna xhur? Kif jaħseb li se jħaddem lil dawn il-ħaddiema? Meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mhux korrett li tgħid li l-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding ilhom weqfin għal ħafna xhur. Fil-fatt bħalissa l-ħaddiema ta' din l-azjenda huma okkupati bil-bini tat-tlett vapuri għall-Gozo Channel Co. Ltd. Dan ix-xogħol mistenni jieħu sentejn oħra biex jitlesta. Sadanittant il-Management huwa mpenjat biex itejjeb il-produttivita tat-tarzna biex meta jitlesta x-xogħol preżenti, jinkiseb xogħol ġdid.
Leg 9 PQ #6169 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Parkeġġ illegali ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif m'hu qed isir xejn dwar parking illegali ta' karozzi li ma jkollhomx il-blue stickers minkejja diversi rapporti li saru kemm il-darba fuq ir-reserved parking area li jinsab wara l-bieb tal-Knisja ta' l-Isla fi Triq il-Kurċifiss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm rapporti mal-Pulizija tad-Distrett dwar l-allegat abbuż li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti. Pero' l-Pulizija ser tagħmel spezzjonijiet f'dan il-lokal sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tali abbuż. 26.04.99
Leg 9 PQ #5959 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bir tal-Madonna taż-Żejt — Esperti

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi kopja ta' l-iktar riżultat riċenti ta' l-esperti għamlu fuq is-samples mill-Bir tal-Madonna taż-Żejt? Kemm intnefqu flus fuq dan it-tħaffir? Kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fulltime u part-time? X'kien ix-xogħol tagħhom? X'kienu l-aħħar żviluppi? X'se jsir issa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-riżultati tal-kampjuni miġbura mill-bir Madonna taż-Żejt għandhom valur kummerċjali u mhux prudenti li jitpoġġew fuq il-mejda. Infurmat li l-ispejjeż sa 5,000 metru laħqu madwar Lm5.3 miljuni u dawk bejn 5,000 metru u 8,012 metru inklużi l- provi, mistennija jlaħħqu madwar Lm5 miljuni oħra. Madwar Lm4.8 miljuni minn dawn l- ispejjeż huma provduti taħt ir-Raba' Protokol bejn Malta u l-Italja. Hemm ħamsa u tletin ħaddiem Malti jaħdem mas-Saipem fuq it- tħaffir tal-bir. Tnejn minnhom jaħdmu part-time. Dawn huma: 3 Assistant Drillers, 3 Derrickmen, 9 Floormen, 9 Roughnecks, 2 Electricians, 2 Mechanics, 1 Welder, 2 Office Clerks, 2 Nurse/Clerks, 2 Watchmen (part-time). L-aħħar żviluppi fuq il-bir jirrigwardaw provi ta' produzzjoni li saru bejn l-10 ta' Marzu u l-15 ta' Marzu 1999. Dawn il-provi wrew li l-gass li nstab fil-bir fil- livell bejn 5,800 u 6,000 metru mhux kummerċjali. Bħalissa qegħdin isiru preparamenti meħtieġa fil-bir biex isiru provi oħra f'livell ieħor fejn instab il-gass.
Leg 9 PQ #5960 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Taħdidiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet ta' Malta u l-Unjoni Ewropea? Ma' min qed isiru t-taħdidiet?

Response (BORG, JOE)

Wara li Malta rrijativat t-talba taggħa għal sħubija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ħarġet rapport aġġornat fis-17 ta'Frar li fih tat parir lill-Kunsill tal-Ministri li l-proċess ta' 'screening' ma' Malta jingħata bidu kemm jista' jkun malajr b'mod li n-negozjati għal sħubija jibdew fl-aħħar ta' din is-sena. Minn naħa tiegħu, il-Kunsill, fit-22 ta' Marzu, approva il-parir tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa maħsub li t-taħdidiet ma' Malta fil-qafas tal-proċess ta' 'screening' jibdew bejn it-tieni u t-tielet ġimgħa ta' Mejju u jsiru bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Kummissjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #5961 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura - Trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li persuna li isimha qed jintbagħat separatament ħa transfer wara 14-il sena jaħdem bħala handyman fi Skola Primarja A. Fgura? Jaf il-Ministru li fl-istess skola Primarja B kien hemm vakanza li ilha battala għal ħafna żmien? X'kienet ir-raġuni li ngħata transfer meta hemm post vojt fl-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna msemmija qed tagħmel xogħol ta' Cleaner għax il-Grade tiegħu huwa ta' General Hand. Kien hemm bżonn li din il-persuna tmur l-iskola fejn intbagħtet għax fl-iskola ta' Fgura Primary 'B' hemm żewġ cleaners ma' 17-il klassi.
Leg 9 PQ #6011 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun - Adelaide Cini

Question

Jaf il-Ministru li l-Iskola Adelaide Cini tal-Ħamrun ilha mingħajr Head għal ħafna ġimgħat? Meta jaħseb li se tintbagħat Head ieħor/a f'din l-iskola minħabba l-urġenza tal-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Iskola Adelaide Cini ilha mingħajr Head minn meta l-Head ħadet promotion ta' Assistant Director. Head oħra tintbagħat malli tinstab il-persuna addatta biex timla din il-kariga.