Jista' l-Ministru jgħid kemm huma ntitolati n-nursing officers biex jagħmlu change of duties fis-sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena 1999 kienx hemm xi nursing officer li għamel iktar minn dak dovut lilu? Min huma dawn l-officers u kemm għamlu aktar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
'Change of duty' issir jew fuq talba tal-management minħabba esiġenzi tas-servizz jew inkella fuq talba ta' uffiċjal konċernat għal raġunijiet personali. Nursing Officer jista' jitlob 'change of duty' sa tliet darbiet fis-sena. Hemm ċirkostanzi fejn biex sala ma titħalliex mingħajr
N.O. għal numru twil ta' ġranet li jkun vantaġġuż li 'change duty' issir aktar spiss. 'Change of Duty' ma ddaħħal lid-dipartiment la fi spejjeż addizzjonali u lanqas f'għoti ta' time-off-in-lieu.
Fl-Isptar Boffa u fl-Isptar Monte Karmeli il-kwota ma nqabżitx. L-Isptar San Luqa jitlob aktar flessibilita' u fil-fatt kien hemm 13-il nursing officer li kellhom aktar minn 3 'change of duties'. Il-lista ta' ` change of duties' ta' l-N.O.'s ta' l-Isptar San Luqa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kif arbli li ġew imwaħħla xhur ilu f'Mahatma Gandhi Street, fil-Fgura, għadhom ma twaħħlulhomx il-bozoz biex jixgħelu? Għalfejn kien hemm dan id-dewmien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol pendenti fuq l-arbli fit-triq imsemmija mistenni jitlesta fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9389?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-passat, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent dejjem ħa passi fl-ambitu li ttieh il-liġi kontra min inqabad iniġġeż l-ambjent.
Fil-każ speċifiku mqajjem mill-Onorevoli Interpellant, tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jagħmel stħarriġ, bil-għan li tiġi identifikata l-oriġini ta' dan it-trab iswed. Jirriżulta li fl-arja msemmija jeżistu numru ta' sorsi potenzjali li jistgħu qed jikkontribwixxu għal dan it-tniġġiż, u nħoss li hu prematur li f'dan l-istadju neskludi xi wieħed minn dawn is-sorsi.
Ninsab infurmat li d-dipartiment qiegħed f'konsultazzjoni ma' esperti Ingliżi biex fl-inqas żmien possibbli jiġi fformulat pjan ta' azzjoni f'dan is-sens.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm kienu dawk li għaddew mill-fitness test?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru li applikaw biex joqgħodu għall-eżami għall-Ingaġġ ta' Suldati (Forza Regolari) fil-Forzi Armati ta' Malta kien ta' 942 kandidat, 876 kienu irġiel u 66 kienu nisa.
Ir-riżultat finali għad irid jiġi ppublikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet ordnata għamara mill-General Stores ta' St. Luke's mill-bidu ta' Jannar sa Settembru 1999? Fiex kienet tikkonsisti l-għamara? Min kienu n-nursing officers? Lil liema swali ġew ordnati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li numru ta' skejjel privati talbu żieda fil-miżata għas-sena skolastika 1999/2000?
Liema kienu dawn l-iskejjel?
X'raġunijiet ingħataw għal din iż-żieda?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex il-persjani tal-kulleġġ St. Edward's tal-Birgu inbidlu f'oħrajn ta' l-aluminium?
Jista' l-Ministru jagħti n-numru tar-reġistrazzjoni tal-permess ta' l-awtorita'? Meta ġiet approvata? Jekk ma sarux il-permessi meħtieġa quddiem l-awtorita', x'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara spezzjoni li saret fuq is-sit irriżulta li l-Kulleġġ St. Edwards ġewwa l-Birgu għamel manutenzjoni ta' persjani tal-injam u bidilhom f'oħrajn simili ta' l-istess materjal.
Ninsab infurmat ukoll li fl-10 ta' Diċembru 1993 inħareġ permess numru PA 2259/93 biex isiru addizzjonijiet u alterazzjonijiet fil-Kulleġġ. Kundizzjoni numru tnejn ta' dan il-permess kienet tindika li l-aperturi u galleriji ma setgħux isiru minn aluiminium ta' kulur 'bronż', 'dehebi' jew 'fidda'. Fil-fatt dawn kienu saru ta' l-aluminium ta' kulur aħdar.
04.10.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta?
Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?
Kemm kienu dawk li għaddew mill-
fitness test
?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex taghmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel biex jinvestiġa ħmieġ fl-arja li qed jinżel fuq il-Kottonera speċjalment fuq il-Fgura? Saru testijiet fuq l-għabra li qed tinżel? Min qed jagħmel dan it-test?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestiga din il-problema u jirrapportali lura.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk billi l-liġi dwar diskriminazzjoni kontra persuni b'diżabilita' jew aħjar Drittijiet Indaqs, għadha ma għaddietx mill-Parlament, jista' social worker, il-persuna stess jew il-ġenituri jagħmlu użu mis-servizz ta' pariri tekniċi jew għajnuna legali mill-avukati tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', l-Uffiċċju ta' l-Avukat tar-Repubblika għall-interpretazzjoni tal-liġijiet li għandhom x'jaqsmu mal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarjat tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tikkunsidra talbiet (li fil-fatt isiru diġa b'mod regolari) talbiet mingħand aġenziji u taqsimiet oħra tal-Gvern u Mhux Governattivi li jkollhom bżonn pariri legali dwar opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilita'. Kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha u fuq ir-riżorsi tal-Kummissjoni.
27.09.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif fil-preżent, meta titwieled tarbija b'diżabilita', xi kwalita' ta' support jingħataw il-ġenituri tat-tarbija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta titwieled tarbija b'diżabilita' l-ġenituri u l-familja tat-tarbija jkollhom bżonn ta' sapport. Fil-preżent dan it-tip ta' sapport qed jieħu ħsiebu t-Taqsma ta' Child Development Assessment Unit tad-Diviżjoni tas-Saħħa, u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Is-Social Work Development Programme għandhom sezzjoni bl-isem ta' SAPPORT li tieħu ħsieb ukoll ħidma soċjali ma' persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom. Din it-taqsima għadha qed tiżviluppa u meta jkollha r-riżorsi neċessarji trid tagħti sehemha f'dan il-qasam. Dan il-Unit tqis dan il-qasam bħala prijorita' fil-ħidma li għad trid tiżviluppa.
27.09.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun hemm mods tal-hearing aids, meta dawn ilhom nieqsa mill-isptar minn Mejju ta'l-1999? X'inhi r-raġuni li dawn il-mods ilhom nieqsa daqshekk? Meta se jkunu available fl-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nispera li l-Onor Interpellant qed tirreferi għall-'moulds' tal-'hearing aids'. Il-problemi dwar ix-xiri tal-'moulds' li kien hemm fl-aħħar sitt xhur issa ġew riżolti u l-'moulds' bdew jitqassmu lill-pazjenti.
Jista' l-Ministru jara li arblu tad-dawl li tpoġġa fuq bankina fi Triq Mahatma Gandhi, fil-Fgura quddiem il-Blokk C6 jitressaq fil-ġemb peress li kif se jiġi se jkun ta' ostaklu għal passiġġier u min ikun għaddej b'wheelchair jew pushchair mhux se jkollu minn fejn jgħaddi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fi żmien qasir il-Korporazzjoni Enemalta ser tieħu passi biex l-arblu fit-triq imsemmija jitressaq.
Jista' l-Ministru jgħid mil-liema lokal ġejjin il-persuni b'diżabilita' li jmorru l-Adult Training taċ-Ċentru l-ġdid ta' Wied il-Għajn?
Kemm hemm imorru f'dan iċ-ċentru f'dan il-perjodu tas-sajf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuni b'diżabilita' li jattendu ċ-Ċentru ta' Taħriġ ta' Wied il-Għajn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
LOKAL JATTENDU
Cospicua 9
Fgura 9
Kalkara 2
Lija 1
Luqa (SVPR) 4
Marsa 3
Marsascala 4
Paola 1
Qormi 2
Senglea 2
Siġġiewi 3
Siġġiewi (Dar tal-Providenza) 4
Sta. Lucia 1
Vittoriosa 3
Żabbar 14
Żebbuġ 2
Żejtun 1
__________________________________
TOTAL 65
Il-medja ta' l-attendenza fil-perjodu tas-Sajf huwa ta' 55.
23.7.99
Jista' l-Ministru jara li ssir barrier f'kurva ħdejn l-impjant ta' riċiklaġġ fil-Bypass ta' Wied il-Għajn, peress li f'dan il-post jidher li s-sewwieqa spiss jitilfu il-kontroll tal-karozza tant li fi żmien ġimgħat hemm tliet postijiet ta' ħabtiet differenti fi spazju żgħir fil-ħitan li hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment qed jieħu passi biex jitwaħħlu `crash barriers` fil-post imsemmi. Sfortunatament inċidenti bħal dawn indikati mill-Onor. Interpellant jiriżultaw minħabba ppjanar ħażin fil-mument tal-kostruzzjoni tat-toroq. Bħalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed jipprova jidentifika partijiet simili għal dan indikat biex il-periklu jkun jista` jitneħħa.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9049 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għal deċiżjoni li s-siġar li kien hemm fir-roundabout f'Notabile Road, Attard, "quddiem il-pompa tal-petrol" li tqaċċtu minflok ġew maqlugħa u miżruha f'post ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma għandi xejn x'inżid mar-risposta għal mistoqsija parlamentari 8103.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8881, il-Ministru huwa f'pożizzjoni li jgħid lil min se jingħataw il-postijiet li qed jitwaqqgħu numri minn 16 sa 23 fi Srejdek Lane, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent ma hemm xejn x'inżied mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8,255.
23.7.99
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 9050, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien is-servizz ta' għajnuna finanzjarja li kienet tingħata għall-computers qabel ma saru t-tibdiliet imsemmija fir-risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
23.7.99
Jista' l-Ministru jgħid għal meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fi Pjazza Patri Redent Gauci, fil-Fgura? X'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol ilu li nbeda sentejn u sal-lum għadu ma tlestiex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).