Legislature:
Category:
Reset
Active:

Social Security Act — Persuni fuq dieta speċjali - Skimmed Milk

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10475 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': billi f'ċirkolari numru DH1285/98 dwar l-iskimmed milk li d-Direttur Ġenerali bagħat fit-12 ta' Ottubru qal li hemm proviżjoni speċjali fis-Social Security Act għal persuni li jenħtieġu dieta speċjali, jista' l-Ministru jispjega min hu ntitolat biex jieħu l-iskimmed milk? X'għandu jagħmel wieħed li jrid l-iskimmed milk għas-saħħa, meta d-dipartiment mhux se jagħti dan l-iskimmed milk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi kif ġej:- 1. Fl-Artikolu 23 hemm provediment għall-Għajnuna Medika Bla Ħlas. Din l-Għajnuna tikkonsisti f'mediċini, nuċċalijiet, dentaturi, jew għajnuniet prostetiċi oħra li fil-fehma ta' l-Uffiċċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern ikunu ndikati skond il-każ. Hemm provediment speċjali li bih, persuna li tkun tbati minn Auto-Immune Enteropathy, l-Għajnuna Medika għandha tinkludi wkoll il-Nutriment Parentarali sħiħ. Għalkemm l-għoti ta' din l-Għajnuna Medika hu suġġett għat-Test tal-Mezzi, fil-każ ta' ċerti mard li hu elenkat fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda ta' l-Att m'hemmx ħtieġa li jsir it-Test tal-Mezzi. 2. L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi wkoll li fejn persuna tkun tbati minn xi marda jew kundizzjoni ndikata fl-ewwel taqsima tal-Ħames Skeda ta' l-Att, din tingħata Għajnuna Medika fi flus jekk il-persuna tissodisfa t-Test tal-Mezzi. Minn dak li spjegajt, l-Onor. Interpellant jifhem li l-iskimmed milk, f'termini tal-provediment ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali,ma jaqax taħt it-termini ta' "mediċina" li "fil-fehma ta' l-Uffiċċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern ikun ndikat". Għaldaqstant iċ-ċirkolari DH 1285/98, fejn għandu x'jaqsam l-iskimmed milk, u li għaliha qed issir referenza hi korretta f'termini tal-liġi.
Leg 9 PQ #10570 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Żabbar — Garden Road - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 10458 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': tista' jara li jiġi mnaddaf il-ġnien li hemm fil-ġemb ta' Garden Road, Żabbar, peress li mimlija ħmieġ u qed ikun ta' perikolu għal pedestrians minħabba l-ġrieden li hemm? X'inhu jsir biex ma jsirux abbużi fil-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi taghhom. Ghaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #10571 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Għamara fil-General Stores

Question

Wara l-mistoqsija parlamentari numru 10135, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għamara oħra li ġiet ordnata għas-swali u ma ssemmietx fil-lista għat-tweġiba li ta l-Ministru rigward għamara fil-general stores?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġejt żgurat li ma kien hemm xejn aktar ordnat mill-General Stores tal-Isptar San Luqa. Jekk l-Onor. Interpellanta għanda xi informazzjoni nitlobha tagħtihieli biex nivverifika.
Leg 9 PQ #10572 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Pazjenti mibgħuta barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li tiġi segwita fir-rigward tan-nurses, nursing officers, deputies and staff nurses, meta jiġu biex jakkumpanjaw pazjent li jkun se jittieħed barra minn Malta għall-kura? Jekk f'dan il-każ teżisti l-proċedura tar-roster, jista'l-Ministru jgħid jekk fiż-żmien ta' bejn Settembru 1998 sal-lum kienx hemm nursing officers, deputies jew staff nurses li telgħu jakkumpanjaw pazjent għal drabi wara xulxin? Min kienu dawn imsemmija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-Nurses u t-tobba li jakkumpanjaw il-pazjenti barra minn Malta għall-kura jintbagħtu skond il-ħtieġa tal-pazjent u normalment mill-istess sala fejn ikun qiegħed il-pazjent.
Leg 9 PQ #10573 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' mediċini u apparat ieħor ta' kura li bħalissa jinstab nieqes mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċini li bħalissa huma neqsin mill-ispiżeriji huma dawn li ġejjin bir-raġuni kif jidher għall kull grupp hawn taħt. A. Il-mediċini li hemm problemi fuqhom mal-manifatturi-suppliers: 1: Vitamin B Complex tabs. 2: Calciferol 0.25mg tabs. 3: Streptomycin inj. 4: Neomycin sulphate tabs. 5: Pancreatin tabs. 6: Rifampicin Syrup 7: Metopropol 50mg tabs. 8: Netilmycin 50mg inj. 9: White soft paraffin 10: Propantheline Bromide tabs. 11: Ergotamine compound tabs. 12. Progestimil powder. 13. Ephedrine 0.5% drops. 14: Ephedrine 1% drops. 15: Mesalazine 400mg tabs. B: Il-mediċini li hemm żieda drastika fil-konsum tagħhom. 1: Bumetanide 1mg tabs. 2: Sucralfate tabs. 3: Digoxim tabs. 0.0625mg 4: Promethazine inj. 5: Digoxin inj. 6: Isoniazid tabs. 7: Ethosuxamide syrup. 8: Cyclophosphamide tabs 50mg. C: Il-mediċini li bħalissa hemm talba biex jiġu mħarrsa minn fuq il-formularju. Għaldaqstant dawn ma jitqisux bħala mediċini nieqsa, peress illi dawn mhux ħa jibqgħu jinxtraw. 1: GTN Slow release 6.4mgs. 2: DomperidoneSusp. 3: Chlorpropamide 100mg tabs. 4: Methenolone accetate tabs. 5: Hydrocortisone ointment. 6: Tretinoin cream. 7: Rifampicin 150mg tabs. 8: Cotrimoxazole Paed. D: Il-mediċini li għandhom konsum eratiku. 1: Conjugated Oestragen cream. E: Mediċini li mistennija li jaslu matul il-ġimgħa li ġejja. 1: Emollient Bath Additiva 2: Hydrocortisone cream 3: Chloromphenicol eye ointment. 4: Bethamethasone scalp application 5: Crotamiton cream 6: Dithranol Cream 1% to be deleted. 7: Cotrimazole pressaries. F: Jien infurmat li fid-dipartiment ma hemmx apparat ta` kura nieqes mill-ispiżeriji, tal-gvern.
Leg 9 PQ #10574 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Bone Density - Makna

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-użu tal-makna tal-bone density li tinsab fil-gynae out-patients ilhiex bil-ħsara għal dawn l-aħħar erba' xhur? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni li tħalliet dan iż-żmien kollu mingħajr ma saru t-tiswijiet sabiex din il-makna tkun tista' terġa' tibda taħdem?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nikkonferma li bone densitometer ilu bil-ħsara għal erba` xhur. Id-difetti ġew identifikati u l-ispare parts neċessarji li kien ilhom ordnati mill-Amerika fid-19-10-99. Ninsab infurmat li qed nistennew konferma ta` data fil-futur qrib sabiex il-kumpanija amerikana tibgħat tekniku minn barra biex isiru it-tiswijiet meħtieġa.
Leg 9 PQ #10616 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Triq il-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10521 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': tista' tgħid għalfejn bankina fi Triq Kottonera, Birgu, inqalgħet tliet xhur ilu u sal-lum għadha maqlugħa u mkissra? Jaf il-Ministru li f'din it-triq hemm ħafna residenti anzjani, u allura hi perikoluza għalihom barra l-fatt li hemm ukoll skola fl-istess triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tiswija fuq il-bankina msemmija (li tinsab fi triq arterja) qiegħed jitwettaq mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent. Il-bankina nqalgħet fuq ordni tal-Kunsill Lokali (wara li rċieva bosta ilmenti mill-istess residenti tat-triq) sabiex jitneħħew siġar kbar tal-ficus li l-għeruq tagħhom kienu qed jikkawżaw ħsarat fis-sistemi ta' l-ilma u drenaġġ tat-triq kif ukoll ħsarat fir-residenzi privati. Ladarba t-triq hija arterja, kien intlaħaq ftehim li x-xogħol ta' reinsatatement isir mill-Gvern Ċentrali u dan qiegħed isir bħalissa.
Leg 9 PQ #10475 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Skimmed Milk

Question

Billi f'ċirkolari numru DH.1285/98 dwar l-iskimmed milk li d-Direttur Ġenerali bagħat fit-12 ta' Ottubru qal li hemm proviżjoni speċjali fis-Social Security Act għal persuni li jenħtieġu dieta speċjali, jista' l-Ministru jispjega min hu ntitolat biex jieħu l-iskimmed milk? X'għandu jagħmel wieħed li jrid l-iskimmed milk għas-saħħa, meta d-dipartiment mhux se jagħti dan l-iskimmed milk?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mgħotija għal mistoqsija parlamentari Nru. 10469. Billi il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant tirrigwarda l-att dwar is-Sigurta Soċjali nirreferi l-Onor. Interpellant lil Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #10521 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Birgu — Triq il-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn bankina fi Triq Kottonera, Birgu nqalgħet tlett xhur ilu u sal-lum għadha maqlugħa u mkissra? Jaf il-Ministru li f'din it-triq hemm ħafna residenti anzjani, u allura hi perikoluża għalihom barra l-fatt li hemm ukoll skola fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onorevoli Membru jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat peress illi t-triq li ghaliha qed jirreferi hi triq arterja.
Leg 9 PQ #10397 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Santa Liena - Wire tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir tiswija urġenti fuq wire tad-dawl high tension li jinsab imdendel mal-faċċata tad-dar bin-numru 9, Triq Santa Liena, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-wire tad-dawl li hemm mal-faċċata tad-dar imsemmija saret.
Leg 9 PQ #10398 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Azzjoni industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għal azzjoni industrijali li hemm fil-Water Services Corporation?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-azzjoni industrijali li hemm bħalissa fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u li kienet ordnata mill-U.Ħ.M. teffettwa l-iskrivani li jaħdmu bħala Account Keepers fil-Head Office tal-Korporazzjoni f'Ħal-Luqa. Hemm talba pendenti dwar dawn l-iskrivani li dwarha qed isiru negozjati mal-G.W.U. Il-kwistjoni hi dwar jekk ix-xogħol ta' Account Keeper għandux isir mill-grad ta' officer jew clerk. Hu mistenni li n-negozjati għandhom jintemmu fil-jiem li ġejjin u jiġi ffirmat ftehim mal-G.W.U.
Leg 9 PQ #10399 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fgura — Vjal Kottoner - Lampi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi tad-dawl adegwati fi Pjazza Ċentrali fi Vjal Kottoner, fil-Fgura?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #10400 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fgura — Lampi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi tad-dawl adegwati fi Triq Bastion u Triq Kottoner fil-Fgura? X'inhi r-raġuni li din l-area ilha għal snin twal tilmenta minn nuqqas ta' dawl?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #10468 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Zabbar — Garden Road - Tindif

Question

Jista'l-Ministru jara li jiġi mnaddaf il-ġnien li hemm fil-ġemb ta' Garden Road, Zabbar, peress li mimlija ħmieġ u qed tkun ta'perikolu għal pedestrians minħabba l-ġrieden li hemm? X'inhu jsir biex ma jsirux abbużi fil-post?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilha li tindirizza l-mistoqsija tagħha lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #10469 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Skimmed milk b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jingħata l-iskimmed milk lill-pazjenti ntitolati li jieħduh b'xejn mill-isptar? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan is-servizz b'xejn huwiex se jieqaf, u jekk iva, għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-files tad-diviżżjoni tas-Saħħa ma hemmx data preċiża ta` lill-pazjenti. Jirriżulta wkoll li dan beda jingħata mingħajr ma kien ġie approvat mid-Drugs and Therapeutics Committee. Min stħarriġ li sar jirriżulta li l-iskimmed milk ma għandu l-ebda effett terapewtiku dirett fuq ix-xaħam fid-demm iżda jifforma biss parti min dieta ta` użata f`tali kundizzjoni. Nies li għandhom bżonn dieta speċjali huma intitolati għal benefiċju skond Sezzjoni Nru 23 tal-Att tas-Sigurta Għaldaqstant inħass li l-għoti tal-iskimmed milk fuq riċetta ma huwiex aktar indikat.
Leg 9 PQ #10312 Sitting 154 1999-10-12 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tilqim kontra l-influwenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li huma taħt l-eta' ta' 65 sena u li jbatu minn mard kroniku, bħal ażma, bronkite kronika, eċċ. humiex qed jingħataw it-tilqima kontra l-influwenza? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura li trid tintuża biex jingħataw din it-tilqima?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-persuni kollha li jbatu minn ċertu mard kroniku huma intitolati li jieħdu t-tilqima kontra l-influwenza mingħajr ħlas miċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-proċedura li trid tintuża għal dawk taħt il-65 sena biex jingħataw it-tilqima hija illi meta jmorru il-klinika għat-tilqima jippreżentaw il-karta is-safra tal-mard kroniku (Schedule V) jew ċertifikat ta` tabib li jindika il-marda kronika tagħhom. Il-mard kroniku li għalih tingħata bla ħlas it-tilqima ta tal-Pulmun mard kroniku tal-Qalb mard kroniku tal-Fwied mard kroniku tal-Kliewi Ażma kronika Dijabete u Immunodefiċenza
Leg 9 PQ #10102 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Injezzjoni kontra l-influwenza

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta' l-injezzjoni kontra l-influwenza li tingħata lill-anzjani miċ-ċentri tas-saħħa issa ġiet permessa għal dawk 'il fuq minn 65 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Anzjani 'l fuq minn 65 sena dejjem kienu u għadhom intitolati għal dan is-servizz.
Leg 9 PQ #10103 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

VRT — Karrozzi/trakkijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi u t-trakkijiet tal-gvern humiex se jagħmlu l-Vehicle Roadworthiness Test?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferik għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 10034.
Leg 9 PQ #10104 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura - Skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-grada ġdida fl-entratura li kellha ssir fi school A u B ta' Triq it-Tagħlim, fil-Fgura, għadha ma twaħħlitx meta din hi ta' importanza kbira għall-ammont ta' studenti li jiffrekwentaw din l-iskola? Meta jaħseb li se ssir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qatt ma kien hemm ħsieb li tinfetaħ entratura f'din l-iskola fi Triq it-Tagħlim fil-Fgura. Preżentament fit-triq imsemmija ma teżisti ebda grada u infurmat ukoll li l-Kapijiet ta' l-iskejjel imsemmija qatt ma wrew ix-xewqa li ssir xi grada ġdida.
Leg 9 PQ #10134 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel privati — Żieda fil-miżati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9894?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 9874 f'Seduta 150.