Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — St.John Street

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħa fdal ta' ġebel li tħalla wara li sar xi kostruzzjoni f'bini tal-gvern ħdejn il-Mitħna f'St.John Street, Bormla? Jista' jara li din it-triq tiġi mnaddfa b'makni (sweepers) peress li r-residenti ta' din l-area qed ibatu minn problema tat-trab?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jixtieq jgħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ġebel żejjed tneħħa u ġibed l-attenzjoni tal-kuntrattur ikkonċernat biex jieħu azzjoni mmedjata biex il-problema tat-trab tiġi minimiżżata.
Leg 9 PQ #16980 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Nuqqas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-ispiżerija tal-gvern is-Spasinasine tal-40grs ilu nieqes għal ħafna xhur? Meta hemm il-ħsieb li persuni li jenħtieġu dan il-prodott se jsibuh fl-ispiżerija? Jista' l-Ministru jsemmi kemm mediċini hemm nieqsa bħalissa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-isem eżatt tal-mediċina li dwarha qegħda tistaqsi l-Onor. Rita Law huwa meħtieġ sabiex tkun tista tingħata tweġiba. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għal-mistoqsija parlamentari numru 16684.

Nursing aides — San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16922, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid meta n-nursing aides li jaħdmu f'St Vincent de Paule se jieħdu l-arretrati li għandhom pendenti mill-1993? X'inhi r-raġuni li ddewmu daqshekk ma jeħduhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol minn naħa tad-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani sar kollu u ntbagħat it-Teżor għall-ħlas.
Leg 9 PQ #16932 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarbu priġunieri mill-ħabs jew postijiet oħra korrettivi, mill-1987 'il hawn? Kemm kienu dawk Maltin u kemm kienu dawk barranin? Kemm kienu dawk li nqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1987 `il hawn in-numru ta` priġunieri li ħarbu mill-ħabs jew postijiet oħra korrettivi hu ta` 38. Dawn kienu jikkonsistu fi 23 Malti u 15-il-barrani u nqabdu kollha.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mill-bidu ta' April sal-lum kienx hemm persuni li ntbagħtu mill-ETC biex jaħdmu mal-gvern? Jekk iva, kemm kienu n-nies? F'liema dipartiment intbagħtu? X'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #16922 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

San Vinċenz de Paule — Nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta n-nursing aides li jaħdmu f'St. Vincent de Paule se jieħdu l-arretrati li għandhom pendenti mill-1993? X'inhi r-raġuni li ddawmu daqshek ma jeħduhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lil Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #16795 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa ta' Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-membri tal-korp tal-pulizija stazzjonati fl-għassa tar-Raħal Ġdid kellhom l-allowance tal-Ħdud, l-extras u l-overtime tal-qrati nieqsa mill-paga ta' Mejju 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-returns tal-Ħdud, extra duty u overtime għax-xogħol maħdum mill-Pulizija in konnessjoni mal-Qorti waslu fl-uffiċċju tal-Accounts fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, f`żewġ partijiet. L-ewwel parti li waslet fil-ħin, inħadmet u tħallset fil-paga ta` Mejju, filwaqt li t-tieni parti waslet tard u ma kienx hemm żmien biex tinħadem sabiex tlaħħaq il-paga ta` Mejju u għalhekk il-ħlas li għadu dovut għax-xahar ta` Mejju ser isir fil-paga ta` Ġunju.
Leg 9 PQ #16798 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Żabbar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16534 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid jekk it-toroq, Farfett tal-Felġel u Berebis, Żabbar fost oħrajn u tal-madwar humiex se jkunu fost dawk it-toroq li se jingħataw tarmac sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawn iz-zewg toroq ghandhom parti zghira minnhom li ghada m`hiex maghmula u ghalhekk taqa` taht ir-responsabbilta` tal-Gvern centrali. Il-bqija huma tal-Kunsill u dawna bhala korpi statutorji ta` Gvern Lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom. Ghaldaqstant, fejn tidholil-parti tal-Kunsill, nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-Lokalita`.
Leg 9 PQ #16534 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Zabbar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq, Farfett tal-Felġel u Berebis, Żabbar, fost oħrajn, u tal-madwar humiex se jkunu fost dawk it-toroq li se jingħataw tarmac sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li x-xogħol li qed isemmi l-Onor. Interpellant huwa ta` `resurfacing` li jsir mill-Kunsill Lokali, L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi ll-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna - li isimha qed jintbagħat separatament - li qed tintalab mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex toħroġ minn fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kirja tal-fond ġiet terminata mid-Dipartiment tal-Artijiet, għalhekk il-persuna ndikata li hi bla titolu se tkun żgumbrata.

Dar ta' l-anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-lifts li twaħħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jara li l-anzjani ma jibqgħux ibatu l-inkonvenjent li l-lifts iktar bil-ħsara milli jaħdmu? X'inhi r-raġuni għal din il-ħsara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"lifts" stallati fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla ġew jiswew madwar Lm60,000. Veru li kien hemm xi problemi tal-bidu li wasslu biex dawn il-"lifts" ġieli waqfu ta' spiss, pero' issa li nstabet ir-raġuni u ttieħdet l-azzjoni neċessarja, dan l-inkonvenjent ġie eliminat kważi għal kollox. Ir-raġuni prinċipali għaliex il-"lifts" kienu jieqfu kienet li ż-żejt tal-"hydraulic" kien jisħon u kienet topera t-"thermal cutout" li hija waħda mill-protezzjonijiet tal-"lift". Iż-żejt kien jisħon għal żewġ raġunijiet prinċipali: i. il-vultaġġ tas-supply elettriku kien pjuttost għoli u dan issa ġie mnaqqas minn naħa tal-EneMalta; ii. iż-żejt tal-"hydraulic" ma kienx qed jiksaħ biżżejjed permezz tal-"air type coolers" li kellhom il-lifts u għalhekk dawn issa ġew mibdulin f'"water type coolers". Hawnhekk ta' min iżid li dan il-bdil ma nvolva ebda spejjeż oħra.
Leg 9 PQ #16347 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi opportunita' ġdida għal membri tar-Revenue Security Corps fil-futur? Jekk fl-affermattiv, x'se tkun din l-opportunita'?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-membri kollha tar-Revenue Security Corps għandhom xogħol u dmirijiet tagħhom x'jagħmlu.

Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk daħlitx fis-seħħ il-parti tal-liġi Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b'Diżabilita' li tintitola persuna biex tintegra fil-qasam tax-xogħol? Jekk iva, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni b'diżabilita' li sabu x-xogħol mill-ETC? X'kien ix-xogħol li ngħataw mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima V ta' l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita'), jiġifieri dik il-parti li tirrigwarda l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', daħlet fis-seħħ fl-10 ta' Frar 2000, permezz ta' Avviż Legali Nru. 25 ta' l-2000. Il-kumplament ta' din il-liġi mistennija tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2000 skond il-parir ta' l-imsemmija Kummissjoni wara li din għamlet konsultazzjoni wiesgħa f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #16349 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Proġetti sportivi

Question

Jista' l-Ministru jindika l-lokalitajiet f'Malta u Għawdex fejn saru proġetti biex jiġi prattikat l-isports mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Diċembru, 1999? Jista' jsemmi liema kienu dawn il-proġetti skond id-dixxiplini sportivi differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li proġetti li ġew imwettqa mill-Gvern matul il-perjodu indikat jinkludu bini ta' żewġ squash courts fil-Kumpless Sportiv tal-Pixxina Nazzjonali, reseeding u installazzjoni ta' floodlighting ġdid fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, resurfacing ta' athletics track fil-Junior Lyceum ta' Kordin u tqegħid ta' paving mixture fil-Junior Lyceum Maria Reġina tal-Blata l-Bajda. Mhix il-prattika li kull min joħloq proġett ta' l-isport fis-settur privat jirreġistra bħala tali. Għalhekk mhux possibbli li tingħata din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #16378 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda fl-MIA u l-Air Malta mill-1 ta' Jannar, 2000 'il hawn? X'kondizzjonijiet għandhom dawn il-ħaddiema? Xi grad għandhom għal kull impjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn l-1 ta` Jannaru t-23 ta` Mejju ta` din is-sena gew impjegati 12-il haddiem gdid mal-M.I.A. u 260 ma` l-Air Malta. Minn dawn ta` l-ahhar, 236 gew impjegati jew bhala `part-timers` inkella fuq bazi temporanja bhal ma jigri kull sena qabel l-istagun tas-Sajf. Il-haddiema godda fiz-zewg azjendi gew impjegati f`dawn il-gradi: Malta International Airport: 1 bhala Senior Officer 7 bhala Hostess 3 bhala Skrivana u 1 bhala Tradesman Air Malta: 4 bhala Engineer 129 bhala Loader jew cleaners fuq bazi `part-time` 90 bhala cabin crew fuq bazi temporanja u 37 bhala skrivan fuq bazi `part-time`. Il-kundizzjonijiet tax-xoghol ta` dawn il-haddiema huma skond il-provvedimenti tal-Ftehim Kollettiv li ghandhom iz-zewg azjendi. Fejn dan ma japplikax, il-kundizzjonijiet huma dawk normalment applikabbli ghal tali kategorija.
Leg 9 PQ #16397 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Stabilimenti ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ogħla volum ta' ħoss permess għal stabiliment ta' divertiment meta dan ikun ġewwa, jew dak barra? Jista' jgħid ukoll kemm trid tkun id-distanza 'l bogħod minn ma' djar residenzjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemmx stipulat fil-leġislazzjoni kemm għandu jkun l-ogħla livell ta` ħoss permess f`lokalitajiet ta` divertiment. Pero` mhux permess li jsiru ħsejjes daqshekk qawwija li jdejqu lid-detenturi jew lin-nies li jkunu joqogħdu f`bini fil-qrib. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li mhux permess li jsir party jew disco f`post miftuħ wara s-2.00a.m., ħlief f`postijiet li jkunu liċenzjati bħala post ta` divertiment u li jkun jinsab f`distanza ta` aktar minn ħames mitt metru `l bogħod minn post abitat, u dan sa mhux aktar tard mill-4.00a.m.

Djar — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi s-soluzzjoni għall-familji tat-toroq Eagle, St Mark, St Helen u Hannover f'Bormla li għaddew mill-istess problema tal-mistoqsija parlamentari numru 16089?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kwistjoni dwar it-Toroq Eagle, St Mark, St Helen u Hanover f'Bormla mhix l-istess bħal dik tal-Kalkara u Pembroke. Fil-fatt ir-residenti f'Bormla joqgħodu f'żona li hi indikata għat-twaqqiegħ bħala parti mit-tielet fażi tal-proġett ta' Sta Liena. F'dal-mument id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u l-Awtorita' tad-Djar qed jistennew il-permess tal-Awtorita' tal-Ippjanar. Hekk kif dan joħroġ ikunu jistgħu jibdew proċeduri biex ir-residenti jiġu provduti b'akkomodazzjoni alternattiva. Jien jidhirli li dal-proġett kellu l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra u għalhekk nistenna li anki f'dal-proġett insibu l-appoġġ sħiħ ta' kulħadd biex inkomplu intejbu l-qagħda ta' dawn ir-residenti li uħud minnhom joqgħodu f'postijiet verament sub-standard.
Leg 9 PQ #16257 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa - Taħriġ għall-Adulti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-għalliema li kienu jagħtu t-taħriġ lill-adulti fl-iskola tas-snajja' tal-Marsa, ġew informati li mhux se jkomplu jgħallmu aktar?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhux biss ma nikkonfermax dak li qed tallega l-Onor. Membru, talli fl-10 ta' Mejju 2000 ħarġet sejħa għall-għalliema li jixtiequ jgħallmu s-snajja' lill-adulti s-sena d-dieħla. Fost il-lista ta' suġġetti hemm dawk li jiġu mgħallma fl-iskola tal-Marsa.

Bormla — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hemmx ħsieb li titkabbar id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jekk iva, x'hemm ippreparat biex dan il-bini jitkabbar? Il-proġett il-ġdid għadda mill-Planning Authority? Jekk iva, x'inhi r-raġuni li għalkemm il-lista ta' persuni fuq il-waiting list qegħda dejjem tiżdied, għadu ma ħareġ l-ebda tagħrif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hemm ebda ħsieb li jitkabbar il-bini tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla.
Leg 9 PQ #16183 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx ingaġġati ħaddiema ġodda f'dawn l-aħħar ġimgħat, mal-kumpannija Gozo Channel? Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-impjieg? Kif saru jafu l-ħaddiema biex applikaw? Kif intgħażlu? Jekk mill-ETC, meta u kif dehru l-vacancies fuq il-Bord ta' l-Aġenziji? Min huma dawk li ntgħażlu u x'inhu l-ID tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-ewwel ta' April ġew ingaġġati seba' mpjegati ġodda mal-Kumpanija Gozo Channel, kif jidher hawn taħt: - 2 Seamen - 3 Terminal Assistants - 2 Handymen / Chippies Dawn il-persuni ġew magħżula mill-listi li diġa' kienu ngħataw lill-Kumpanija mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fl-Lulju u Awissu tal-1999, u li minnhom diġa' kienu mpjegati ħaddiema oħra f'Diċembru li għadda. Dan sar bl-approvazzjoni tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Dawn il-ħaddiema ġew magħżula minn Board maħtur mill-Kumpanija skond il-policies adottati minn Kumpaniji Parastatali fuq kriterji stabbiliti mill-Kumpanija stess. Inħoss li mhuwiex prudenti li n-numru ta' l-identita' ta' dawn l-impjegati jiġu mogħtija.