Peress li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 17227 tikkonċerna s-saħħa tal-poplu, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati f'kull fish farm?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-'Fish Farms' kollha jaqgħu taħt in-'National Fish Health Monitoring Programme li jinvolvi testijiet regolari biex tiġi assigurata s-saħħa Pubblika. Sal-lum ma nstab xejn li jista' jkun ta' dannu għas-saħħa Pubblika.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17181?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni waslet biex tinġabar kollha u risposta ser tingħata fis-seduta 333 ta` nhar it-Tnejn 3 ta` Lulju 2000.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17334 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid min huma l-membri tal-bord tat-traffiku? Min kienu l-membri tal-bordijiet minn Settembru, 1998 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw biex jattendu għall-eżami għall-Permessi tal-Bini mill-1990 sal-lum? Kemm minnhom għaddew mill-eżami?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti biex daħħlu l-coin telephone fid-djar tagħhom minn Settembru tal-1998 'l hawn? Kemm kienu dawk l-abbonati li ma waslux biex iħallsu l-kontijiet tas-servizz minn Diċembru 1999 sa Mejju 2000? Kemm kienu dawk l-abbonati li kellu jiġi sospiż is-servizz tagħhom għax ma ħallsux il-kont minn Diċembru 1999 sa Mejju 2000?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar, it-twegiba tinghata f`xi Seduta ohra.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 17154 il-perijodu li dwaru qed tintalab l-informazzjoni huwa minn Settembru, 1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` priġunieri li ħarbu minn Settembru ta` l-1998 sas-16 ta` Ġunju tas-sena 2000 kien ta` 8. Tnejn minnhom ħarbu darbtejn.
Dwar it-tieni, it-tielet u r-raba` partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward ta` passi kriminali, ninsab infurmat li dawk li nqabdu kollha tressqu l-Qorti u ġew mixlija b`diversi akkużi, ħlief dawk li għamlu l-aħħar ħarba li għadhom ma tressqux il-Qorti.
Dwar il-passi dixxiplinari meħuda mill-Awtoritajiet tal-Ħabs ninsab infurmat kif ġej : -
Ħarba tas-7 ta` Frar 2000 - Minbarra li tilfu
l-privileġġi, tilfu wkoll 360 ġurnata remission kull wieħed
Ħarba tad-29 ta` Marzu 2000 - Minbarra li tilfu
l-privileġġi, tilfu wkoll 1,810 ġranet ta` remission kull wieħed
Ħarba tas-7 ta` Ġunju 2000 - Għadhom ma ġewx imressqa
quddiem il-Bord tad-Dixxiplina
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tat-traffiku? Min kienu l-membri tal-bordijiet minn Settembru, 1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Il-bord li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti ma jaqax taħt ir-responsabbilita` tad-dekasteru ta` l-Intern u għalhekk nitlobha biex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li għandi li priġunieri għamlu allegazzjonijiet fil-konfront ta' dak li kien l-assistant manager tal-ħabs Aron Haroun dwar il-ħarba tal-Libjan Azzabi? Jekk iva, saret investigazzjoni? X'irriżulta mill-investigazzjoni? Jekk irriżulta li dawn kienu infondati, x'passi ttieħdu kontra min għamilhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull informazzjoni tiġi minn fejn tiġi u dik li wasslet għand l-Awtoritajiet tal-Ħabs, dwar il-ħarba ta` Azzabi ġiet mgħoddija lill-Pulizija biex tiġi nvestigata.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fl-1995 kellha tieħu Lm618 refund fuq taxxa mħallsa waqt li issa ġiet infurmata li għandha tieħu ferm inqas? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni ta' dan in-nuqqas? Jekk kien hemm xi ħlas li ried jitħallas, kif il-persuna ma ġietx avżata? Jista' l-Ministru jagħti breakdown mill-1990 'l hawn biex il-persuna tkun taf x'kienet ir-raġuni tat-tnaqqis mir-refunds? Meta se jieħu dak li hu dovut lilu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-`taxpayer` allura r-risposta tingħata lilu privatament.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-priġunieri kollha li gawdew minn xi amnestija mill-1987, għaliex kienu qegħdin jiskontaw sentenza ta' ħabs, u kemm-il jum jew snin ta' priġunerija tnaqqsitilhom? Minn fejn huma?
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-priġunieri jew ċittadini Maltin u barranin li gawdew minn xi maħfra presidenzjali, amnestija jew proklama mill-1987 'l hawn? Fuq xiex kienu nstabu ħatja? X'akkużi kellhom u x'inħafrilhom? Minn fejn huma?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ħareġ mill-każ tal-PSC li d-direttur tal-ħabs
Emanuel Cassar ippreżenta kontrta dak li kien l-assistent manager tal-ħabs Aron
Haroun? X'kienu l-akkużi miġjuba kontrih?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jidhirlix li għandi nagħti dettalji dwar każi ndividwali ta’ dixxiplina għax il-proċeduri huma kkunsidrati ta’ natura kunfidenzjali. Barra minn hekk il-każ ta’ in kwistjoni għadu quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kien stazzjonat fil-ħabs ta' Kordin?
Kemm ħa salarju, allowances u overtime kemm ilu fil-ħabs ta' Kordin? Xi kwalifiki għandu fejn tidħol sigurta'? Qatt kellu inċidenti b'arma tan-nar waqt li kien għassa fil-Fgura? L-arma kienet waħda liċenzjata? X'passi ttieħdu dwar dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li rreferit għaliha l-Onor. Interpellanti, ilha stazzjonata l-ħabs mill-21 ta` April, 1995. Dwar is-salarju, allowances u overtime li din il-persuna tħallset kemm ilha taħdem il-ħabs ċioe` minn April 1995 sa Mejju 2000, ninsab infurmat kif ġej : -
Salarju Allowances Overtime
Lm Lm Lm
1995 2,849 856 1,351
1996 4,011 1,498 2,856
1997 4,215 1,582 3,536
1998 4,407 2,000 4,284
1999 4,619 1,475 2,967
2000 1,970 665 1,431
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-persuna msemmija dejjem ħadmet fuq xogħol ta` sigurta` kemm ilha fil-Korp tal-Pulizija u kienet attendiet diversi korsijiet li jirrigwardjaw is-sigurta`.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li din il-persuna kienet weġgħet waqt li kienet qed timmanipula arma tan-nar, liema arma kienet liċenzjata. Ninsab infurmat ukoll li dwar l-inċident imsemmi kienet saret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il maħfra presidenzjali, amnestija jew proklama ingħatat mill-1987 'l hawn? Met ingħataw u għal-liema raġuni? Minn fejn huma l-persuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni qed tinġabar,ir- risposta tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk minn April sal-lum kienx hawn persuni barranin biex jaraw u jispezzjonaw il-fish-farms Maltin? Liema fish-farms żaru? X'kien ir-riżultat f'kull każ tal-fish-farm?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk hi qegħda tirreferi għall-visti uffiċjali, fil-Ġimgħa 24 tas-sena 2000 saru spezzjonijiet mill-ispettorat ta' DG Health & Consumer Protection tal-Unjoni Ewropeja. Il-fish farms li jesportaw lejn l-UE ġew spezzjonati u rapport konfidenzjali bil-miktub jintbagħat lid-Direttur tas-Servizz Veterinarju biex jieħu, jekk ikun hemm bżonn, xi azzjonijiet biex jissodisfaw lill-DG Health & Consumer Protection.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 'il hawn kemm-il inċident kien hemm fil-ħabs fejn ittieħdu passi kemm kriminali jew inkella dixxiplinarji fil-konfront tal-priġunieri nvoluti? Meta ġraw u x'kienu l-każi? X'passi ttieħdu kontra min wettaq dawn l-inċidenti każ b'każ? Kemm-il każ kien hemm li persuni kellhom jingħataw għajnuna medika minħabba xi ġrieħi li ġarrbu f'dawn l-inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti jirrikjedi ħafna żmien biex jinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata meta jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena u nofs kemm-il test għad-droga sar fuq priġunieri? Meta saru dawn it-testijiet? Kemm irriżulta f'kull okkażjoni li kienu pożittivi għad-droga? F'liema diviżjoni kienu l-priġunieri li nstabu pożittivi għad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti għall-ewwel tlett partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 'l hawn kemm kien hemm sejbiet ta' droga fil-ħabs? Meta saru dawn is-sejbiet? Kemm kien l-ammont u ta' liema tip ta' droga, għand min instabu u x'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti jirrikjedi ħafna żmien biex jinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata meta jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mewt kien hemm fil-ħabs mill-1971 'l hawn? X'kienet il-kawża tal-mewt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-1971 `l hawn kien hemm żewġ imwiet fil-ħabs li seħħew kif ġej :
Fl-1986 u l-kawża tal-mewt kienet suwiċidju
(instab mgħallaq fiċ-ċella tiegħu)
Fl-1995 u l-kawża tal-mewt kienet Pulmonary Odema
(fatal methadone poisoning)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarbu priġunieri mis-CCF, mill-lock ups, miċ-ċentri ta' detenzjoni u minn sptarijiet?
Jista' jagħti id-dati meta dawn ħarbu?
Min kienu dawk li ħarbu?
Meta nqabdu?
X'passi kriminali u dixxiplinarji ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab din l-informazzjoni.