Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 18443 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid kemm intnefqu flus meta ġie rranġat l-east wing Old Naval Hospital ta' Bighi, il-Kalkara fl-ewwel fażi ta' restawr taċ-ċentru? Minn min sar ix-xogħol? Min kien il-perit? Kemm tħallas il-kuntrattur?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 18442 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid fiex se jkun jikkonsisti bini ġdid li qed isir wara ta' Villa Bighi, "l-MCR", fil-Kalkara? X'inhu n-numru tal-permess mill-Planning Authority? Min hu l-kuntrattur? Min hu l-perit?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 18266?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Minħabba li tinvolvi l-ġbir ta' ammont sostanzjali ta' records b'mod manwali, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-Pitkalija jkun hemm numru ta' xerrejja jagħżlu l-ħaxix u l-frott qabel ma jinfetħu l-bibien għax-xerrejja l-oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat mill-uffiċjal inkarigat illi l-awtoritajiet tal-Pitkalija jieħdu l-passi kollha sabiex dak li qed tallega l-Onor. Interpellant ma jsirx. Fil fatt dan l-aħħar numru ta' xerrejja jtellgħu il-Qorti talli nqabdu fil-Pitkalija qabel il-ħin stipulat tal-ftuħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17832, jista' l-Ministru almenu jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija, u jgħid x'inhu l-għadd ta' kontijiet tad-dawl u ilma li għad iridu jitqassmu lill-konsumatur? Ta' liema perjodi huma u ta' liema lokalitajiet huma?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti bini ġdid li qed isir wara ta' Villa Bighi, "l-MCR", fil-Kalkara?
X'inhu n-numru tal-permess mill-Planning Authority?
Min hu l-kuntrattur?
Min hu l-perit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus meta ġie rranġat l-East Wing Old Naval Hospital ta' Bighi, il-Kalkara fl-ewwel fażi ta' restawr taċ-ċentru?
Minn min sar ix-xogħol?
Min kien il-perit?
Kemm tħallas il-kuntrattur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-ħitan kollha ta' l-East Wing Old Naval Hospital, Bighi, il-Kalkara, l-MCR, li nfetaħ fit-3 ta' Mejju, 2000 qed jinbarax mill-ġdid?
Min kien kesa l-ħitan qabel il-ftuħ?
Min qed jagħmel ix-xogħol issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Qabel ma jinkorpora l-Awtorita' dwar it-Trasportu jkun hemm membri ġodda, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri kollha li kienu fuq l-aħħar Bord tat-Traffiku barra dik taċ-chairman?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-membri li kienu jservu fuq il-Bord tat-Traffiku huma:
Chairman : Major Peter Ripard
Membri: Asst. Kummissarju Josie Brincat
Supt. Paul Sammut
Mr Vincent Farrugia
Mr Lucienne Stafrace A&CE
Mr David Sutton
Mr Felix Gauci
Mr Joseph Bonnici
Ms Rita Law
Mr JP Farrugia
Mr Stewart Azzopardi BE&A (Hons) A&CE
Mr Lorry Apap
Mr Paul E Galea
Segretarju: Mr Raymond Cutajar
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17831, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li għadhom m'għamlux il-VRT u kemm minn dawn huma vetturi privati, tal-gvern u tal-korpi pubbliċi u entitajiet governattivi?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt għall- mistoqsija parlamentari Nru 17831. Madankollu tajjeb wieħed jgħid li l-karozzi kollha hu mistenni li jgħamlu l-ewwel test tagħhom, skond l-avviż legali relevanti, sa Settembru 2001.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17752?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li Triq A.M. Valperga fil-Fgura hija mdawwla adekwatament.
Rigward abbużi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, nissuġġerilha li tinforma bihom lill-awtoritajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jara li ssir letter box fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura, peress li din l-area hija ċentrali u l-letter box li għandhom dawn ir-residenti tinsab 'il bogħod mhux ħażin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li Triq il-Karmelitani, Fgura tinsab viċin ħafna ta` Triq Hompesch fl-istess lokalita`, r-residenti ta` Triq il-Karmelitani jistgħu faċilment jinqdew bil-kaxxa ta` l-ittri li tinsab biswit is-`Sub Post Office` fi Triq Hompesch, li jipprovdi s-servizzi postali meħtieġa għar-residenti ta` dawn l-inħawi. Fiċ-ċirkostanzi ma jidhirx li hemm ħtieġa li titwaħħal `letter box` fi Triq il-Karmelitani.
Jista' l-Ministru jara li Pjazza Reggie Miller, Fgura, tingħalaq għat-traffiku u tibqa' biss għar-residenti, peress li qed tkun ta' perikolu kbir għat-tfal li jkunu qed jilgħabu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li rigward il-pjazza msemmija mill-Onor. Interpellant, id-Dipartiment ser jikkonsulta l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-vetturi li għamlu l-VRT sal-lum?
Kemm jammonta n-numru ta' vetturi li għadhom ma għamlux l-VRT?
Jista' jgħid ukoll kemm min dawn huma vetturi privati, dawk tal-gvern u tal-korporazzjonijiet pubbliċi u entitajiet governattivi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn mindu ġie ntrodott il-`Vehicle Roadworthiness Test` jiġifieri mill-1 ta` Ottubru 1999 sal-31 ta` Mejju 2000 kien hemm 59,637 vettura li għamlu il-`Vehicle Roadworthiness Test`.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kontijiet tad-dawl u l-ilma pendenti xahar b'xahar u lokal b'lokal, li għadhom ma waslux għand il-konsumatur?
Liema huma dawk il-kontijiet li jridu jitqassmu lill-konsumatur? Ta' liema xhur u f'liema lokalitajiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sakemm ma ningħatax raġuni valida għaliex qed tintalab informazzjoni daqshekk dettaljata, ma narax il-ħtieġa li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha toqgħod tiġbor dawn id-dettalji kollha, meta l-ħin u r-riżorsi umani involuti jistgħu jiġu utilizzati aħjar.
Tajjeb li ngħid li huwa l-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li sa l-aħħar tas-sena l-'backlog' tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun ġie 'cleared'.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17699, kif jista' jkollok bord jiffunzjona biċ-chairman biss mingħajr membri?
Liema kienet l-aħħar sena li l-bord tat-traffiku kellu l-membri tiegħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-funzjonijiet tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku mistennija jkunu nkorporati fl-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta li mistennija titwaqqaf dalwaqt.