Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-djar ta' San Mark, Bormla hemmx ħsieb li jittwaqqgħu?
Jekk iva, meta?
X'se jsir mir-residenti li preżentament joqgħodu f'dawn id-djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif ġa kelli l-opportunita' inwieġeb qabel, id-deċiżjoni jitwaqqgħux jew le jiddependi jekk joħroġx il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Aktar kmieni din is-sena saret applikazzjoni biex id-djar li jinkludu 32-42, Triq San Mark, Bormla jitwaqqgħu. Jekk u meta joħroġ il-permess inkun f'pożizzjoni li nwieġeb it-tieni parti tad-domanda. Biss infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern bħalissa qiegħed jiżviluppa 69 unit fl-inħawi ta' Triq San Ġwann u hemm possibilita' li wieħed minn dawn il-units jintużaw għall-evictees mill-Proġett tat-tielet fażi ta' Triq Sta Liena u li tinkludi d-djar ta' Triq San Mark.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li residenti ta' Dockyard Terrace ta' l-Isla li għandhom ix-xewqa li jixtru d-dar se jkun possibli li jagħmlu il-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tipproċedi bl-applikazzjonijiet għax-xiri tal-postijiet li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti wara li tirċievi l-awtoriżżazzjoni meħtieġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti li ġew mgħallma lill-istudenti tal-Junior College fuq bażi ta' 5 snin jiġifieri min 1995 - 2000, sena b'sena?
Kemm kien hemm studenti li għażlu kull suġġett fuq bażi taż-żewġ sorsi differenti?
Kemm kien hemm studenti li attendew għalihom f'dawn il-5 snin? Kemm kien hemm tfajliet u kemm kien hemm ġuvintur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-suġġetti li ġew mgħallma lill-istudenti tal-Junior College kienu dawn:
1995
Accounts, Applied Mathematics, Art, Biology, Chemistry, Computing, Engineering Drawing/Graphical Communication, English, Economics, Environmental Science, French, Geography, German, History, Home Economics and Human Ecology, Information Technology, Italian, Maltese, Marketing, Music, Philosophy, Physics, Pure Mathematics, Religion, Sociology, Spanish u Systems of Knowledge.
Fis-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000 baqgħu l-istess.
Statistika ta' kemm kienu l-istudenti li għażlu kull suġġett skond livell Avvanzat u livell Intermedju maqsumin bejn ġuvintur u tfajliet f'dawn il-5 snin ta' l-aħħar ser ngħaddiha lill-Onor. Membru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx analisi fuq is-saħħa tal-poplu, speċjalment fuq dik il-parti fejn qed ikunu affettwati bit-trab iswed kkaġunat mil-power station?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-ambjent ma jaqax taħt il-kompitenza tad-Dipartiment tas-Saħħa u peress li qatt ma ntalab jagħmel dan it-tip ta` rapport sa llum ma sar l-ebda analiżi fuq l-effett ta` trab iswed ikkaġunat mill-power station fuq is-saħħa tan-nies mid-diviżjoni tas-Saħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li daħlu mat-Tug Malta mill-1 ta' Jannar 'il hawn xahar b'xahar?
Jista' jgħid għal-liema impjieg daħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul din is-sena, sal-25 ta' Ottubru, ġew impjegati disa' persuni mat-Tug Malta. Dawn ġew impjegati fil-gradi u matul ix-xhur li ġejjin:
Fi Frar Fleet Operations Manager
F'April Technical Co-Ordinator
F'Awissu Żewġ Assistant Marine Fitters, tlitt Bosun u Trainee Deckhand
F'Settembru Messaġġier/Xufier
Jista' l-Ministru jgħid xi studju qed issir fuq il-kwalita' ta' arja li għandna?
Jekk iva, u qed isiru eżamijiet, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati fuq dan l-istudju lokal b'lokal?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għaddej bi programm intensiv biex jigu stabbiliti livelli tal-kwalita ta' l-arja f'Malta u Għawdex. Dan il-Monitoraġġ qed isir permezz ta' 'mobile station' li jirrekordja livelli ta' 'carbon monoxide', 'sulpher dioxide', 'nitogen oxides', 'ozone u particulate matter'.
L-ewwel riżultati juru li bl-eċċezjoni tal-'particulate matter' (trab) fil-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet ġo Malta u Għawdex il-kwalita' ta' l-arja tikkonforma ma standards fl-Ewropa.
Id-data voluminuża li qed tinġabar qiegħda tiġi proċessata biex fil-futur qarib tibda tiġi ppublikata fuq bażi regolari.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Kottonera?
Jista' jispeċifika x'inhuma dawk ix-xogħlijiet li saru s'issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fuq dan il-proġett mixjin skond il-kuntratt. Biss, minħabba attivita tal-Kavalieri ta' San Ġwann illi sejra ssir f'Diċembru li ġej, ċerti xogħlijiet kellhom jitwaqfu.
Fost xogħlijiet illi saru s'issa hemm it-twaqqieħ ta' bini perikoluz fejn il-menqa, it-twaqqieħ tal-bini magħruf bħala 'Starkey Block', preparazzjonijiet għall-provista ta' servizzi essenzjali u 'survey' ta' l-istat tal-mollijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-gvern li talbu lill-istudenti jieħdu magħhom l-karta igenika l-iskola għall-użu personali tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda mat-tweġiba li diġa' tajt għall-Mistoqsija numru 19483 f'Seduta numru 375, inħoss li, wara spjega li ta l-Kap ta' l-Iskola Primarja ta' l-Imġarr, għandi niċċara l-impressjoni żbaljata li setgħu taw sew il-Mistoqsija kuf ukoll it-tweġiba.
It-talba biex it-tfal iġibu żewġ rolls toilet paper qatt ma kienet intenzjonata biex dawn jintużaw għall-bżonnijiet sanitarji u iġeniċi tat-tfal, iżda biex jintużaw waqt il-perjodi tal-Mid-Week Project li jsir darba f'ġimgħa. F'dan il-ħin it-tfal jużaw poster colours, ilma, finger paint, kolla, eċċ. Ġie konsidrat li l-irħas mezz biex it-tfal jimsħu jdejhom hu toilet paper minflok tissue packs u kitchen rolls li huma ogħla fil-prezz.
It-toilets u l-istore ta' l-iskola jkunu akar minn provduti bit-toilet paper iġenika meħtieġa għas-spiża pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Baħrija, Zabbar, triq ġdida li llum hija kollha mibnija, hijiex se titkompla bit-tarmac? Jista' jgħid jekk din hiex se ssir fiż-żmien li ġej? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li ssir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li biex din it-triq tkun tista' tingħata t-tarmak kollha, hemm għalqa privata u din trid tiġi żviluppata. Għalhekk ix-xogħol f'din it-triq ikun jista' jsir meta l-iżvilupp ikun tlesta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Dome, Fgura hijiex se tkun waħda min dawk it-toroq li se tingħata t-tarmak sa l-aħħar ta' din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla peress li r-residenti ilhom ħafna jbatu minn inkonvenjent ta' tajn fix-xitwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq ħareġ Letter of Acceptance lill-kuntrattur biex Dome Street tinkesa bl-asfalt.
Ix-xogħol ma setax jinbeda għaliex il-kuntrattur oġġezzjona għal xi rati fil-Letter of Acceptance, u l-każ ġie riferut lill-Kumitat tal-Kuntratti. Wieħed jispera li din id-diffikulta tiġi riżolta u x-xoghol jitwettaq qabel l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jilqa' t-talba tar-residenti li joqogħdu fi Triq San Leonard, Xgħajra, Żabbar biex isir sleeping policeman jew tinstab soluzzjoni oħra, peress li ħdejn il-pitch tal-boċċi din it-triq għandha kurva kontra li għal min inkun qed isuq jew se jaqsam tiġi blind corner?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u l-Kunsill Lokali jaraw x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jara li jiżdied id-dawl fi Triq Sant Anthony, fil-Fgura, fil-parti li m'hemmx tarmak, peress li saru anke xi abbużi ta' serq min ħwienet, karozzi u djar fl-istess triq, peress li hemm biss bozza fil-bidu tat-triq u oħra fl-aħħar?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19715?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-suq li jimmira għal din is-sezzjoni ta' kummerċ, ġie liberalizzat fl-1995. Settijiet tat-telefon li jaħdmu bil-flus - hekk imsejħa coin telephone sets - jinstabu għall-bejgħ minn diversi ħwienet li m'għandhom ebda konnessjoni mal-Maltacom. Għal din ir-raġuni l-Maltacom ma żżomm ebda statistika dwar coin telephone sets i nstallati għand klijenti residenzjali u kummerċjali.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal klijenti li għandhom installat coin telephone set. Jekk dan huwa l-każ, it-tweġiba mogħtija għall-ewwel parti tal-mistoqsija tapplika wkoll f'dan il-każ.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19716?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal qtugħ fis-servizz ta' linji b'tariffi residenzjali. L-informazzjoni mitluba xahar b'xahar bejn April u Settembru ta' din is-sena hija kif ġej:
XAHAR NUMRU TA' SERVIZZI MAQTUGĦA
April 19
Mejju 25
Ġunju 16
Lulju 336
Awissu 5
Settembru 194
Ta' min ifakkar li qabel ma tinqata' linja, ikun hemm restrizzjoni fejn l-abbonat ikun jista' jirċievi biss telefonati.
L-abbonati li matul ix-xhur imsemmija kellhom is-servizz maqtugħ, huma mferrxin ma' Malta u Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li s-suldati tal-Forzi Armati ta' Malta ngħataw pager għal skopijiet ta' xogħolhom? Lil kemm-il suldat ngħata u jekk lil kulħadd, kemm ingħataw? X'inhu l-iskop li s-suldati jkollhom pager?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li ingħataw “pagers” lil suldati li jaħdmu f’oqsma li jirrikjedu “rapid deployment”.
Ma jidhirlix li għandi nagħti iżjed informazzjoni minħabba raġuni ta’ sigurtà.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' dawk li rritornaw il-ktieb tal-VAT lura lid-dipartiment mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum, xahar b'xahar?
Kemm kien hemm min talab li jkollu l-ktieb tal-VAT għall-ewwel darba mill-1 ta' Jannar 1999 sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
“Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub minnu dwar in-numru ta’ persuni reġistrati li talbu li jinqatgħu mir-reġistru tal-VAT hu kif muri hawn taħt:
Talbiet għ
al De-reġ
istrazzjoni
Xahar
1999
2000
Jannar
249
421
Frar
193
297
Marzu
172
223
April
238
208
Mejju
230
167
Ġunju
170
157
Lulju
198
102
Awissu
174
226
Settembru
203
210
Ottubru
283
Novembru
311
Diċembru
298
Total
2,719
2,011
Bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u l-aħħar ta’ Settembru 2000, in-numru ta’ persuni li talbu li jirreġistraw mad-Dipartiment kien 5,968.