Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mir-riżultat tal-Konferenza Nazzjonali dwar il-Housing li saret fit-13 ta' April, 2000?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat ta' dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-dokumenti ta' riċerka preżentati waqt il-konferenza ndikata mill-Onor. Interpellanti ser jiġu ppubblikati dalwaqt flimkien mar-rakkomandazzjonijiet dwar Housing Policy.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinfetaħ l-Cottonera Family Resource Centre? Min se jkun id-direttur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa maħsub li partijiet mill-Cottonera Community Resource Centre jkunu jistgħu jibdew jiffunzjonaw wara nofs is-sena d-dieħla. Hu maħsub ukoll li dan iċ-Ċentru jkun immexxi minn manager li sa issa għadu ma ġiex identifikat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar jekk kienx hemm xi studju fuq il-Welfare Department u jekk sarx master plan? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, kif kelli okkażjoni ngħid pubblikament dan l-aħħar meta ppreżentajt ir-Rapport ta' Ħidma għas-sena li għaddiet dwar il-Ministeru għall-Politika Soċjali, bdiet tiġi mfassla l-infrastruttura organiżżattiva sabiex isir tibdil fil-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja biex dan id-Dipartiment jinbidel minn wieħed li jipprovdi s-servizzi għal wieħed li jirregola dawn is-servizzi billi jistabbilixxi standards u jassigura li dawn l-istandards jiġu osservati. Dan ix-xogħol għadu mhux finaliżżat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iridu jintnefqu flus biex isir it-tibdil biex Malta tkun konformi ma' l-acquis?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm hemm diġa' indikazzjonijiet dwar l-ispiża meħtieġa f'ċertu oqsma ambjentali biex dawn ikunu konformi ma' l-Acquis Communautaire l-ammont totali għad irid jinħadem.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-tibdil li jrid isir rigward l-ambjent biex Malta tkun konformi mal-liġijiet ta' l-UE?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Huwa fatt magħruf li jrid isir diversi tibdil fil-qasam ambjentali biex Malta tkun konformi mal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalita' ta' l-arja, l-immaniġġar ta' l-iskart, ir-rimi tad-drenaġġ fil-baħar, il-konservazzjoni tan-natura u aspetti oħra.
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant taqbel illi irrispettivament mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea huwa fl-interess tagħna lkoll illi ntejbu l-oqsma kollha ambjentali biex nassiguraw kwalita' ta' ħajja aħjar għall-poplu tagħna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx master plan fuq l-ambjent? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-plan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq lill-Onorevoli Interpellant tgħidli dwar liema aspett ta' l-ambjent qed tirreferi sabiex inkun nista' nagħtiha tweġiba xierqa. Per eżempju, nista' ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien ġie pubblikat Management Plan għall-Immaniġġar ta' l-Iskart għall-konsultazzjoni tal-pubbliku. Ġie pubblikat ukoll State of the Environment Report li kopja tiegħu kienet tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi l-Gvern qed jippjana l-implimentazzjoni sħiħa sas-sena 2002 tad-Deposit Protection Scheme għad-depositi tal-pubbliku mal-banek f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk implimentazzjoni sħiħa tfissirx Cover F immedjat u sħiħ sa dak iż-żmien tad-depositi kollha li jkunu jikkwalifikaw mal-banek in konformita' mad-direttiva applikabbli ta' l-UE?
Il-Gvern bi ħsiebu jitlob xi derogi dwar dan lill-UE?
Sar xi assessment ta' l-impatt finazjarju ta' din il-miżura fuq il-banek lokali?
X'inhi r-raġuni li meta trid tinħoloq din l-istruttura ġdida fl-NPAA ma sar ebda provvediment dwar chapter 3 - Free Movement of Services - fit-tabella 223 li titkellem dwar assessment finanzjarju ta' l-implimentazzjoni ta' kapaċita' amministrattiva biex jitwettaq l-acqius?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Working Group koordinat mill-Bank Ċentrali li jinkludi fih rappreżentanti tal-banek f'Malta u l-assoċjazzjoni tagħhom ilhom għal dawn l-aħħar xhur jaħdmu dwar kif tista' tiġi mwaqqfa Deposit Protection Scheme f'Malta. Il-Working Group mhux biss għamel assessment tal-impatt finanzjarju fuq il-banek iżda wkoll ra metodi kif l-iskema tista' tkun konformi mad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra żviluppati li jħaddmu skemi bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-impjegati li appellaw quddiem il-Bord magħmul minn tribunal f'każi ta' dixxiplina min Marzu ,2000 s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kien hemm impjegat wieħed, fl-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, li appella quddiem il-Bord ta` l-Appelli minn deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-dixxiplina. Dan skond kif hemm provdut fil-ftehim kollettiv ta` l-istess Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-karozzi li għamli l-VRT s'issa?
Kemm minhom ma għaddewx minn dan it-test?
Liema huma dawk il-karozzi li fadal biex isirilhom it-test skond in-number plate?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16454, jien infurmat li dawk il-vetturi li għamlu t-test tal-VRT u dawk li weħlu fil-perjodu Mejju 2000 sa Ottubru 2000 huwa kif spjegat hawn taħt:
Xahar Nru. ta' Testijiet Nru. li weħlu
Mejju 6,709 849
Ġunju 6,852 756
Lulju 5,668 649
Awissu 6,619 738
Settembru 5,920 658
Ottubru 4,113 435
Jista' l-Ministru jara li jiżdied id-dawl, speċjalment man-naħa ta' l-HSBC, f'Bastion Str, Fgura minkejja li issa ilni s-snin nitlob lil-Enemalta biex iżżid ftit bozoz f'dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fl-inħawi msemmija diġa' ġew installati xi bozoz li qiegħdin jipprovdu dawl adekwat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi li jieħdu l-kuntratti biex jarmaw id-dawl fit-toroq tal-Milied huwiex se jitneħħielhom is-sussidju fuq l-ewwel units tal-kont tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta għadu qed jiddiskuti l-materja ta' sussidju lil dawk li jarmaw it-toroq matul il-festi tal-Milied.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 20971, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jista' jgħid x'se jsir mill-flus li kienu allokati fil-budget 2000, li kellhom jintnefqu fuq il-proġett ta' Triq Hompesch fil-Fgura peress li għad ma beda xejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20983, jien infurmat li ser terġa toħroġ sejħa għal offerti biex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 21056?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħal ma juri biċ-ċar, il-pjanti annessi mal-kuntratt tal-Proġett tal-Kottonera li ġew ippreżentati ġewwa dan l-istess Parlament, il-bini magħruf bħala d-Dockyard Terrace ma jifforma l-ebda parti minn dan il-Proġett.
Jista’ l-Ministru jara li jissewwa ħsara f'arblu li jinsab fit-tarf ta' Triq il-Ġiblew tal-Fidda l-Birgu qabel ma taqbad ir-roundabout għat-triq ta' De La Salle College, peress li hu perikoluż, speċjalment għat-tfal minħabba li għandu wires mikxufa?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa, u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni necessarja.
Jista’ l-Ministru jgħid x'se jsir mill-flus li kienu allokati fil-Budget 2000, li kellhom jintnefqu fuq il-proġett ta' Triq Hompesh fil-Fgura peress li għad ma beda xejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix applikazzjoni għal bozza ġdida, peress li fi Triq is-Sejba Punika kantuniera ma' Mater Bouni Consigli, Fgura hemm ħafna dlam u hu perikoluż għal min ikun għaddej min hemm?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ma teżistix applikazzjoni għand il-Korporazzjoni Enemalta sabiex titwaħħal bozza ġdida fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant. Madanakollu din it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.