Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm żieda ta' bozoz fi Triq is-Sur fil-Fgura, min naħa tal-HSBC sal-kantuniera quddiem is-sur ta' Bormla peress li din in-naħa hemm nuqqas ta' dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta għandu l-ħsieb li jagħmel il-laqgħa mas-sajjieda u d-dilettanti ta' l-opri tal-baħar minn Bormla u l-Birgu, bħalma sar ma' dawk ta' l-Isla?
Jista' jiggarantixxi lil dawn li fil-ftehim magħhom se jżommu l-istess kundizzjonijiet li sar ma' l-għaqdiet tal-baħar ta' l-Isla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Apparti mill-fatt li diġa' kelli laqgħat ma' rappreżentanti ta' sajjieda u dilettanti ta' l-opri tal-baħar mill-postijiet indikati, ma jkolli ebda diffikulta niltaqa' ma' dawn ir-rappreżentanti, hekk u meta javviċinawni biex niffissaw laqgħa f'data u ħin li jkunu komdi għal kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti f'Mount Carmel li ġew discharged f'Jannar u Frar u wara kellhom jerġgħu jiġu admitted? Jista' jaqsam din il-lista f'kemm kien hemm nisa u kemm irġiel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul Jannar u Frar kien hawn 19-il pazjent (13 rġiel u 6 nisa) li ġew discharged u kellhom jerġgħu jidħlu ġo l-isptar minħabba "relapse".
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti ta' l-ITS ma ngħatawx il-Lm 100 tal-kotba f'Settembru meta studenti oħra tal-ESTS li l-kors jsir mill-ETC jibbenefikawminn dan il-bonus?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor. Membru qed tirreferi għal żewġ skemi għal kollox differenti, waħda l-Extended Skills Training Scheme (E.S.T.S.) organizzata mill-E.T.C. flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-oħra mill-Ministeru tat-Turiżmu għall-istudenti full-time li jagħmlu t-taħriġ tagħhom fl-I.T.S.
Jiena nfurmat li meta l-istipendji mogħtija lil ta’ l-ewwel ġew riveduti 'l isfel daħlet l-iskema tal-grant tal-kotba fir-rigward tagħhom. Dan naturalment ma applikax għall-istudenti ta’ l-I.T.S. propju billi l-istipendji tagħhom kienu baqgħu l-istess.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li suldat, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kellu 31 sena servizz mal-Forzi Armati ma ħax il-promotion li kellu jieħu? Għalfejn, għalkemm dan kellu kondotta tajba u servizz effiċenti, inqabeż u kien hemm mal-186 suldat li ħadu promotion qablu? Jista' jgħid jekk hemmx possibbilita' li dan jieħu xi kumpens?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-individwu msemmi kien spiċċa mis-Servizz bil-pensjoni sħiħa fuq talba tiegħu stess fit-13 ta’ Jannar 1997. Matul il-karriera militari, l-individwu ħa l-promozzjonijiet li kienu kompatibbli mal-kwalifiki li kellu.
Mir-rekord personali ta’ dan l-individwu ma jirriżultax li mid-data li fiha laħaq il-grad li rtira minnu sakemm spiċċa mis-Servizz qatt ressaq xi lment dwar promozzjoni.
Tajjeb wieħed jinnota li l-kwalifiki edukattivi u tekniċi relattivament baxxi li kellu ma kienux jippermettu li jingħata grad ogħla.
Jista' l-Ministru jgħid jekk residenti jistgħux joġġezzjonaw għal bini ta' substation ta' l-Enemalta li jkun se jinbena viċin tar-residenti? Jista' jgħid ukoll jekk teżistix xi forma ta' kumpens u danger money speċjalment għall-household l-iktar viċin ta' dan is-substation ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-substations tal-Korporazzjoni Enemalta mhumiex meqjusa bħala perikolużi. Kieku kien hekk, l-Enemalta ma kinetx tibnihom. Għaldaqstant l-argument dwar kumpens minħabba periklu ma jreġix. Ma narax għaliex residenti jistgħu joġġezzjonaw għal bini ta' substation meta din tkun koperta bil-permessi meħtieġa maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23589 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jara li jinġabru l-madwar sitt iklieb kbar li hemm jiġġerrew mat-toroq ta' l-industrial estate fir-Ricasoli, Kalkara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kelliex rapporti ta` klieb li jkunu jiġġerrew barra f`din il-lokalita`, ser jittieħdu passi sabiex jekk hemm xi klieb bħal dawn jiġu miġbura mill-S.P.C.A.
Jista' l-Ministru jara li tiżdied ir-rotta tal-karozzi tal-linja fil-Kalkara, peress li r-residenti li joqogħdu viċin l-industrial estate tar-Rinella fir-Ricasoli jkollhom jiefqu fl-aħħar stage, jiġifieri ħdejn il-knisja tal-Kapuċċini Kalkara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan is-servizz jingħata bħala parti mill-iskeda. Fuq talba tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara qiegħed jiġi diskuss suġġeriment biex minkejja li r-Rinella Park għalaq, mhux biss jibqa` jingħata s-servizz preżenti, iżda dan jiġi estiż għal aktar ħinijiet matul il-ġimgħa kollha.
Dipartiment taċ-Ċittadinanza — Campers & Nicholsons
Question
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23517 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid jekk is-Sur Terry Walsh, il-persuna imsemmija mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni fil-Parlament, bħala r-rappreżentant ta' Campers & Nicholsons f'Malta għandux il-permessi meħtieġa sabiex jaħdem f'Malta? Jekk le, x'passi qegħdin jittieħdu kontra din il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-rekords tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates hemm persuna bl-isem ta` Terence Patrick Walsh li għandha permess ta` resident permanenti f`Malta.
Id-Dipartiment ma jistax jgħid iżda jekk din il-persuna hijiex l-istess waħda msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi li Malta timporta mingħandhom? Jista' wkoll jindika x'inhuma l-items ta' kull pajjiż li jidħlu ġo pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija tinsab fit-Tabella numru 4 intitolata "Summary of Values of Imports and Total Exports by Country" tal-pubblikazzjoni "Trade Statistics" maħruġa mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika. L-aktar verżjoni riċenti ta' din il-pubblikazzjoni hija dik għall-1999.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tabella numru 15 intitolata "Origin and Destination of Imports, Domestic Exports and Re-Exports by Chapter" li tinsab fit-tieni volum ta' l-imsemmija pubblikazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sur Terry Walsh, il-persuna imsemmija mill-kap ta' l-oppożizzjoni fil-parlament bħala r-rapreżentant ta' Campers & Nicholsons f'Malta għandux il-permessi meħtieġa sabiex jaħdem f'Malta?
Jekk le, x'passi qegħdin jittieħdu kontra din il-persuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuġġerixxi lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament,il-kont tad-dawl u l-ilma tagħha min Lm 22.90 ġie Lm 469.64, meta din l-persuna tgħix weħidha u minkejja li rrapportat kemm-il darba, ħadd mid-dipartiment ma ħa passi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jiġi nvestigat u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru tinfurmani meta kienu d-drabi li l-persuna in kwistjoni kellmet lill-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru l-bozoz il-ġodda fi Triq Alessandru u Triq Dliela Żabbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni jekk jiżdiedx dawl jew le fi triq partikulari jiddependi minn diversi fatturi fosthom jekk tkunx saret talba u jekk tali talba tkunx ġustifikata.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir il-first phase ta' Triq Alessander u Triq Dliela Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ngħata kuntratt mid-Dipartiment tat-toroq biex isir xogħol fi Triq il-Papa Alessandru. Triq id-Dliela għad qed isir żvilupp fiha u għalhekk ma tistax tiġi asfaltata għalissa.
Jista' l-Ministru jara li l-bdil tal-lożor fis-Sala M3 fl-isptar San Luqa jsir aktar spiss, peress li ħafna pażjenti qed jilmentaw li l-lożor idumu ma jinbiddlu ħafna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-allegazzjoni tal-Onor. Interpellant ma tirriżultax, għax il-bdil tal-lożor mhux biss isir fuq bażi regolari, imma wkoll skond il-bżonn individwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-Triq tax-Xemx u l-Qamar, li qabel kien jisimha New Street in St. Simon Street, Fgura, hemmx il-ħsieb li jiżdied id-dawl, peress li m'hemmx applikazzjoni għal tliet bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni jekk jiżdiedx dawl jew le fi triq partikulari jiddependi minn diversi fatturi fosthom jekk tkunx saret talba u jekk tali talba tkunx ġustifikata.