Jista' l-Ministru jgħid x'permessi tenħtieġ mill-awtorita' biex issorġi lanċa tas-sajd fil-portijiet Maltin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-laneċ tas-sajd, bħal kull vapur ieħor, jagħmlu talba lill-Awtoritajiet kompetenti biex ikunu jistgħu jidħlu fil-portijiet Maltin.
L-Awtorita' Marittima tassigura li meta dawn jidħlu fil-portijiet Maltin huma jikkonformaw mal-proċeduri u formalitajiet rikjesti mir-Regolamenti tal-Port ta' l-1960 u jħallsu drittijiet kif stabbiliti fir-Regolamenti tad-Drittijiet tal-Port.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26550?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' passaporti Maltin mahruga mill-Ambaxxati ta' Malta barra l-pajjiz lill-persuni li kkwalifikaw biex ikollhom cittadinanza doppja huwa kif jidher hawn taht:-
Kummissjoni Gholja Maltija fl-Awstralja 809
Kummissjoni Gholja Maltija fir-Renju Unit 457
Konsulat Generali ta' Malta fil-Kanada 478
Missjoni Permanenti ta' Malta, Nazzjonijiet Uniti 15
Ambaxxata ta' Malta: Ruma 20
Washington 18
Franza 5
Belgju 4
Cina 4
Germanja 3
Libja 3
Egittu 2
Grecja 1
Saudi Arabia 1
Spanja 1
Tunezija 1
_______
Total 1,822
_______
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġie njorat għall-kollox rapport fuq drenaġġ li ilu ħiereġ xhar minn mal-ħajt ta' Blk C ta' flats ġodda ta' Bormla li qed igerbeb fin-niżla ta' Sta Liena min kantuniera ta' Triq Hanover, Bormla? Id-Dipartiment ħa xi azzjoni fuq il-ħsara u għalfejn dan daqshekk biex tittieħed azzjoni u jiġu evitati aktar problemi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat jinvestiga dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid meta n-nursing aids li daħlu jaħdmu f'Zammit Clapp ta' San Ġiljan 9 xhur ilu, se jibdew jaħdmu full-time?
X'inhi r-raġuni li dawn il-ħaddiema qed ikunu mġagħla jidħlu għax-xogħol fil-weekends biss bi 12-il siegħa straight?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-Isptar Zammit Clapp iħaddem impjegati fuq bażi ta` "full time" jew "part time". Impjegati "part time" jissustitwixxu meta jkun hemm "sick" jew "vacation leave". Dawn jistgħu japplikaw f'każ ta` "call for application" għall-post ta` "full time" meta w jekk ikun hemm post vakanti.
Dawn il-"part timers" jaħdmu skond l-esiġenza ta` l-Isptar, mit-Tnejn sal-Ħadd, u fil-ġranet li jkunu jistgħu. Ix-xift ta` 12-il siegħa huwa xift normali għal dan il-grad.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li hemm dewmien ta' mhux inqas min 6 xhur biex id-direttur tal-Housing jiffirma kuntratt biex isir bdil f'żewġ postijiet tal-gvern, meta suppost li kollox hu kif suppost? Dettalji qed jintbgħatu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu raġunijiet validi biex ma japprovax il-bdil.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta n-nursing aids li daħlu jaħdmu f'Zammit Clapp ta' San Ġiljan 9 xhur ilu, se jibdew jaħdmu full-time?
X'inhi r-raġuni li dawn il-ħaddiema qed ikunu mġagħla jidħlu għax-xogħol fil-weekends biss bi 12-il siegħa straight?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi il-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru . 26308?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ta żmien sat-30 ta` Ġunju sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa mill-Ambaxxati tagħna barra minn Malta.
Għalhekk kif diġa` infurmajt lill-Onor. Membru, tweġiba tkun tista` tingħata f`xi seduta oħra wara t-30 ta` Ġunju.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi jitħalla li għal snin sħaħ drenaġġ jinżel gergur fi Triq il-Marina l-ġewwa kważi lejn il-ponta ta' l-Isla, eżatt ħdejn id-djar tat-Taljani li ġej min mad-djar, jaqsam it-Triq u jinżel ġol baħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn inspection li saret mill-uffiċċjal inkarigat mill-area imsemmija ma nstab l-ebda drenaġġ nieżel fi Triq il-Marina, jaqsam it-triq u jinżel ġol-baħar.
Ġie ċċekjat is-sewer main ta' Serena Street li tiġi fuq Marina Street u d-drenaġġ miexi sewwa. Li ġie nnotat huwa li hemm katusa privata ġejja mid-djar tat-Taljani li din hija katusa ta' l-ilma tal-bjut u btieħi u mhux tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fuq il-proġett tal-Kottonera u jispeċifika kull qasam? X'inhi n-nazzjonalita' ta dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onor. Interpellant hija nfurmata illi l-proġett tal-Kottonera qed isir mis-settur privat u għaldaqstant, il-Gvern m'huwiex f'pożizzjoni illi jagħti din it-tip ta' nformazzjoni.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26245, jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu passaporti li ntalbu għax riedu ċittadinanza doppja? Ta' liema nazzjonalita' kienu dawk il-persuni li talbuhom?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` infurmajt lill-Onor. Interpellanti fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26245, tajt istruzzjonjiet sabiex tinġabar iċ-ċifra ta` kemm ħarġu passaporti simili.
Din l-informazzjoni għad trid tinġabar mill-Ambaxxati tagħna barra minn Malta u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-ħsara fis-sistema tal-provvista ta' l-ilma ta' familja li fil-15 ta' Mejju 2001 ġratilha ħsara meta ċeda ħajt li hu parti mill-proġett tal-Kottonera? Id-dettalji tal-familja qed jintbagħtu separatament.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Konsorzju responsable gie mitlub li jagħmel tajjeb għal ħsara illi ġarbu r-residenti per konsegwenza tax-xogħlijiet konnessi mal-proġett tal-Kottonera.
Infatti, il-familja illi għaliha qed tirreferi l-Onor. Interpellant qiegħda tiġi ospitata go residenza f'lokalita oħra u l-Konsorzju qiegħed itihom kumpens għall-inkonvenjent.
Jiena nfurmat ukoll illi fi zmien qasir, il-familja tkun tista tirritorna fir-residenza tagħha wara illi jsiru t-tiswijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jara li arloġġ tad-dawl u l-ilma li jinsab fir-raba' sular isirlu tibdil biex jitniżżel fis-sular ta' isfel peress li l-meter reader ma jkunx irid jitla' jaqrah? Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tagħha ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu in-numru ta' dawk il-Maltin li joqgħodu barra min Malta, li applikaw biex jieħdu d-dual citizenship minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi sal-lum l-aħħar ta' Mejju? Mill-liema pajjiż ġejjin, u x'inhuma l-eta' ta' dawk li applikaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ taċ-ċittadinanza doppja, ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza huwa li min jagħmillu talba biex jiġi kkonfermat lilu jekk għandux dritt iżomm żewġ ċittadinanzi, id-Dipartiment joħroġ konferma bil-miktub jekk dan ikun il-każ. Ma tinżammx statistika ta` fejn joqogħdu dawk li jagħmlu talbiet simili kif qed titlob l-Onor. Membru.
Fejn għandhom x`jaqsmu l-Maltin li jgħixu barra minn Malta, minħabba n-numru kbir involut, li qed jiġri huwa li fil-każ tal-persuni li jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi, l-Ambaxxata Maltija, jew il-Kummissjoni Għolja jew il-Konsolat fejn issir talba, jekk jikkonfermaw li dik il-persuna veru tikkwalifika biex ikollha żewġ ċittadinanzi, joħorġulha passaport Malti.
Tajt istruzzjonijiet sabiex tinġabar iċ-ċifra ta` kemm ħarġu passaporti simili.
Peress li l-Kunsilli Lokali tal-Mtarfa, għal bosta drabi lmenta mad-Direttur tat-Taqsima tad-Drenaġġ
dwar
houses
li qed jarmu fi spieri illegali b'detriment għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi, jista' l-Ministru jintervieni sabiex laqgħa li talab il-kunsilli msemmi mad-direttur issir u tinstab soluzzjoni għal problema ndikata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi d-Direttur qatt ma ntalab personalment jiltaqa' mal-Kunsill ta' l-Imtarfa.
Rigward l-ilment imsemmi dan qiegħed jiġi nvestigat u, wara kuntatti li saru issa biex tkun tista' ssir din il-laqgħa, d-Dipartiment għadu qed jistenna risposta min-naħa tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jinterveni mad-direttur tat-Toroq u jagħti tweġiba għat-talba tal-Kunsilli Lokali Mtarfa sabiex jingħata l-ewwel road reinstatments f'Mtarfa Road, Mtarfa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-direttur jinvestiga x-xewqa ndikata, li ħafna minnha tiddependi minn korporazzjonijiet oħra biex tiġi solvuta.
Jista' l-Ministru jagħti ftit informazzjoni tal-Final Draft tal-proġett tal-Kottonera billi jpoġġi l-pjani finali fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Anke jekk il-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant mhix ċara biżżejjed biex inkun nista' nifhem eżattament xi trid, nixtieq niġbed l-attenzjoni li l-Kuntratt ta' Enfitewsi tal-Proġett tal-Kottonera kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u effettivament approvat minn dan l-istess Parlament fid-19 ta' Mejju 1999.
F'dak l-istess kuntratt kien hemm l-obbligu fuq il-Konsortia li jridu jġibu l-permessi neċessarji mingħand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u dan qiegħed isir fit-termini tal-kuntratt approvat.
Ma jidhirlix li hemm xi dokumenti oħra li nista' nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-working days u x'ħinijiet (min x'ħin sa x'ħin) jagħmlu l-ħaddiema fil-proġett tal-Kottonera, speċjalment f'dak ix-xogħol ta' madwar Sant Anġlu fil-Birġu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Kuntratturi tal-Konsorzju responsabbli ta' dik il-parti tal-proġett madwar il-Fortizza ta' Sant'Anġlu qegħdin jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-sitta ta' filgħodu u s-sitta ta' filgħaxija u nhar ta' Sibt sa nofsinhar.
Il-'Construction Management Plan' kif approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar tistipula illi l-ġarr ta' materjal tal-kostruzzjoni u ta' skart tal-bini minn fuq is-sit tax-xogħlijiet jista' jsir biss mid-9.00a.m. sas-2.00p.m. mill-1 ta' Ottubru sal-15 ta' Ġunju u mis-16 ta' Ġunju sat-30 ta' Settembru mid-9.00a.m. sa 12.00p.m. u mis-2.00p.m. sal-5.00p.m.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-bankina li qed tikkumplimenta il-ħajt ta' No. 1 Dock ta' Bormla ilu sejjer il-kostruzzjoni fuqu għal din l-aħħar sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-bankina msemmija mill-Onorevoli Interpellant inbeda f'nofs Jannar ta' din is-sena. Kien hemm diversi problemi li tawlu ż-żmien ta' din il-biċċa xogħol fosthom: diffikultajiet dwar qlugħ ta' siġar, cables tad-dawl, switchboard ta' l-MDD li tneħħa dan l-aħħar, culvert ta' l-ilma tax-xita u anke bdil fil-pjanta biex ikun hemm aktar parking.
Bħalissa qiegħed isir sforz biex din il-bankina titlesta kemm jista' jkun malajr.