Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27988 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Tarzna — Arretrati

Question

Wara r-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 19331, jista' l-Ministru jgħid meta se jintbgħatu l-arretrati issa li reġet għaddiet sena oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-ahhar tnax-il xahar d-Dipartiment kompla johrog izjed refunds ta’ taxxa lill-individwi ta’ kull kategorija. L-ammont imhallas matul dan il-perjodu ghas-snin ta’ qabel l-1998 huwa ta’ Lm2,242,370.”
Leg 9 PQ #27989 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Housing Estate

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim sar bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Fgura biex isir it-tarmak bejn Block B3, B4, B5 u B2 tal-Housing Estate, Fgura? Jekk saru xi arranġamenti meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol peress li dawn ir-residenti ilhom ibgħatu fl-inkonvenjenza tat-trab kaġun miż-żrar għal dawn l-aħħar 24 sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttur tat-Toroq qabbad perit biex jispezzjona dawn it-toroq u oħrajn mar-rapprenżentanti tal-Kunsill, iżda l-Kunsill ma setax jagħmel dawn il-laqgħat.
Leg 9 PQ #27990 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Dual Citizenship

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li għaddejjin mill-proċess, jew għamlu l-proċeduri kollha biex jieħdu d-dual citizenship mix-xahar ta' Ġunju sa l-aħħar ta' Awissu 2001? Jista' jgħid kemm kienu dawk li applikaw għad-dual citizenship mid-dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-expatriates f'Malta fix-xahar ta' Ġunju sa' l-aħħar ta' Awissu 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Ġunju u Awissu 2001, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza irċieva: 235 talba sabiex jiġi kkonfermat li l-persuni kkonċernati jikkwalifikaw awtomatikament biex ikollhom żewġ ċittadinanzi; 170 talba għal reġistrazzjoni bħala ċittadini ta` Malta; u 18 talba għal naturalizzazjoni bħala ċittadini ta` Malta. Persuni li jiġu reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta, jistgħu jżommu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż l-ieħor u għalhekk dawn ikollhom żewġ ċittadinanzi huma wkoll.
Leg 9 PQ #27991 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Banek tal-Lottu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru tal-Banek tal-Lottu ġo Malta u dawk ta' Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru tal-Banek tal-Lottu hu ta' mija u disgħin. Mija u tnejn u tmenin jinsabu f'Malta u tmienja jinsabu f'Għawdex.
Leg 9 PQ #27992 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Logħob tal-Lotteriji — Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet sportivi u oħrajn li jibbenefikaw mill-finanzi tal-logħob tal-lotteriji ta' Malta? Min huma?

Response (DALLI, JOHN)

Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-għaqdiet sportivi u oħrajn, li jibbenefikaw jew ibbenefikaw mill-finanzi tal-logħob tal-lotterji ta' Malta.
Leg 9 PQ #27494 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Letter Boxes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm letter boxes fil-lokal tal-Fgura, ui f'liema toroq jinsabu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-Fgura hemm total ta' seba' kaxxi ta' l-ittri. Dawn jinsabu f'dawn it-toroq: Triq Kent, Triq Velleran, Triq Mahatma Ghandi, Triq Hompesch, Triq San Pietru, Triq Zabbar u Fgura Sub-Post Office.
Leg 9 PQ #27424 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Summer Schools

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-għalliema li qed jagħllmu summer schools fl-iskejjel tal-Gvern se jibdew fid-9.00 am u mhux fit-8.00 am bħal fis-snin preċedenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara diversi suġġerimenti illi saru matul is-snin min-naħa ta' ħafna ġenituri dwar il-ħinijiet ta' Skola Sajf, id-Diviżjoni dehrilha illi l-aħjar deċiżjoni kienet dik illi ċ-Ċentru ta' Skola Sajf għandhom jiftħu kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00 sa nofsinhar.
Leg 9 PQ #27425 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

MOT

Question

Jaf l-Ministru li l-karozza li tintuża għall-MOT - IAT 582 la għandha seat belts u lanqas brejkijiet ta' wara, l-isteering għandu difett u d-dawl tal-vettura ma jaħdmux kollha? Jaf li din il-vettura ġiet imwaqqfa minn local warden għax minħabba li hi ta' periklu jekk tinsaq fit-triq? X'inhu jżomm milli jsirilha t-tiswijiet meħtieġa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant iktar dettalji għax irriżulta li l-vettura msemmija hija waħda privata u l-Ministeru la jkun infurmat minn min hi użata u lanqas jekk twaqfitx minn xi warden.
Leg 9 PQ #27445 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fire Proof

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema bibien huma fire proof fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li d-djar ta' l-anzjani ma jiffurmawx parti mid-dekasteru tiegħi, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #27412 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Triq Mater Boni Consilii

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema ta' żbroff tad-drenaġġ li qed joħroġ minn Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-iżbroff tad-drenaġġ li ġara fi Triq Mater Boni Consilii, Fgura kien minħabba ħsara li żviluppat fil-main li jwassal id-drenaġġ mill-Pumping Station tal-Marsa għall-impjant ta' purifikazzjoni ta' Sant'Antnin. Tqabbad minnufih kuntrattur li bl-għajnuna ta' ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ qegħdin jibdlu l-parti mkissra tal-main.
Leg 9 PQ #27352 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Self Service

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-servizz tas-self service bl-attendant fil-pompi tal-petrol ingħataw l-ordni bil-pulizija biex immedjatament jagħlqu s-servizz tagħhom fis-7.00 pm, mentri l-cash acceptors jibqgħu in service għal 24 siegħa?? X'inhi r-raġuni ta' din l-ordni? Kif dawn id-distributuri ma' ġewx avżati minn qabel?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-petrol stations huma stabbiliti bil-Liġi sas-sebgħa ta' fil-għaxija. Jidhirli li hemm differenza kbira bejn sistema ta' cash acceptance, li taħdem b'mod awtomatiku bla ebda element uman fil-ħinijiet ta' wara s-7.00 p.m., u s-sistema li trid element uman u allura tinvolvi ħlas ta' salarju addizjonali għall-individwu biex jibqa' jaħdem wara l-ħin stabbilit bill-Liġi.
Leg 9 PQ #27353 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Triq Popo Alessandro VII — Dawl

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27244, jista' l-Ministru jwieġeb għar-rigward ta' Triq Pope Alessandra VII, Zabbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-fatt li tkun saret talba bil-miktub biex jitwaħħlu lampi ġodda fi triq partikulari ma jfissirx li awtomatikament il-Korporazzjoni Enemalta ser tilqa' tali talba. Il-Korporazzjoni tikkunsidra t-talba li ssirilha u wara li tevalwa l-fatti kollha, tasal għad-deċiżjoni jekk it-talba għandhiex tintlaqa' jew le. Fid-dawl ta' dak imsemmi preċedentement, it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #27354 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jara biex il-culvert fi Triq Santa Liena, Bormla, li tħaffer xhur ilu mill-Water Services, jinkesa bit-tarmak, peress li ż-żrar li nxteħet diġa' telaq mar-roti tal-karozzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #27245 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Zabbar — Triq il-Madaffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kaptella tal-culvert imkissra fi Triq il-Madaffa, Zabbar, għadha ma ssewwietx għalkemm saru ħafna rapporti biex tissewwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #27239 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jara li ħsara f'kaptella tad-drenaġġ fin-nofs ta' Triq ta' Santa Liena, Bormla, tiġi msewwija peress li minnha qed joħorġu kwantita' ta' insetti u ġrieden li qed ikunu ta' periklu għal ġirien tat-triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ sejrin jirranġaw dawn il-kaptelli fil-ġranet li ġejjin.
Leg 9 PQ #27240 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jara biex il-culvert fi Triq Santa Liena, Bormla, li tħaffer xhur ilu mill-Water Services, jinkesa bit-tarmak, peress li ż-żrar li nxteħet diġa' telaq mar-roti tal-karozzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #27241 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Sant Liena - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħd jekk sarx analiżi minfejn ġejja r-riħa qawwija ta' drenaġġ f'Santa Liena, Bormla u l-inħawi, speċjalment fil-pjazza Santa Liena? X'inhu qed iżomm lill-Ministeru biex jieħu azzjoni immedjata meta dan jista' jikkaġuna l-mard? Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet s'issa meta dan l-inkonvenjent issa ilu għal ħafna żmien u sal-lum il-problema hi waħda gravi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment tad-Drenaġġ biex issir manutenzjoni ta' tindif fl-area ta' Santa Liena biex jitneħħa l-inkonvenjent.
Leg 9 PQ #27242 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Triq Hanover — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħa skart domestiku li jinsab ħdejn il-flats tal-gvern il-ġodda fi Triq Hanover peress li qed ikun hemm ħafna ġrieden kbar li qed ikunu kaġun ta' mard, speċjalment fuq it-tfal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-lokal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mhux responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali, u għalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant tirreferi dan il-każ lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #27243 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkonnettjat main tad-drenaġġ bejn il-household main u l-main tat-triq peress li hemm nies li diġa' ħadu ċ-ċavetta tal-flat ta' entrance 95 fi Triq San Ġwann, Bormla, u ma jistgħu jużaw xejn minħabba d-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-estensjoni msemmija għandha ssir fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #27244 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Triq Pope Alessandro VII — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm dewmien biex jitwaħħlu bozoz ġodda fi Triq Pope Alessandro VII, meta ilu żmien li saret applikazzjoni bil-miktub?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru tindika l-lokalita' fejn tinsab it-triq li qed issir riferenza għaliha fil-mistoqsija.