Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu s’issa mill-Gvern biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea numru 2014/17UE, l-hekk imsejha Mortgage Directive?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li beda x-xogħol biex jiġu identifikati x’emendi għandhom isiru fir-Regolamenti dwar ‘Self Għal Dar’ (home loan) sabiex dawn jirriflettu l-artikli tad-Direttiva dwar kuntratti ta’ kreditu għall-Konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet u/jew l-Uffiċċju Kongunt bagħtux lill-inkwilini ta' diversi postijiet tal-Gvern talbiet għall-ħlasijiet b'lura ta' kirjiet ta' diversi snin meta dawn il-ħlasijiet kienu diġà saru mill-inkwilini? Jista' jgħid, jekk dan huwa l-każ, kemm–il talba saret u għaliex reġgħu ntbagħtu dawn it-talbiet? Jista’ jgħid jekk l-ammont tal-ħlas lura tal-kera mitluba kienx akbar mill-ammont ta' kera li l-inkwilini huma marbuta li jħallsu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu l-inkarigu tal-ġbir ta’ kera mingħand inkwilini li għandhom proprjetà tal-Gvern mikrija lilhom. Dan l-inkarigu jinkludi wkoll talbiet għall-ħlasijiet b’lura ta’arretrati mingħand inkwilini li jkunu jew waqgħu lura fil-ħlas tagħhom, jew inkella għax ikollhom revizjoni fl-ammont ta’ ħlas ta’ kera skont il-kundizjoni tal-kuntratt ta’ kera jew skont kif titlob il-Liġi tal-Kera. Meta l-ħlas tal-arretrati jkun ikopri diversi snin, l-ammont tal-ħlas lura tal-kera mitluba ikun akbar mill-ammont ta' kera annwali li l-inkwilini huma marbuta li jħallsu.
Kunsill Lokali tal-Ħamrun, il-Pieta u l-Marsa – attivitajiet kulturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus għall-iskema ta' finanzjament għall-attivitajiet kulturali tal-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun, il-Pietà/Gwardamangia u l-Marsa għas-sena 2013? Jista' jgħid x'kienu l-attivitajiet li ġew organizzati u kemm ġiet tiswa fi flus kull attività?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat
B'referenza għall-mistqosija parlamentari 4218, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol kollu li kellu jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tlestiex u meta se jkun qed jibda x-xogħol ta' asfaltar fi Triq Joe Gasan, il-Ħamrun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħolijiet tal-ilma fit-triq imsemmija bdew, filwaqt li x-xogħol fuq it-triq jitkompla hekk kif ix-xogħol tal-ilma jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm toroq residenzjali ġew asfaltati fil-lokalità tal-Ħamrun minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid liema huma dawn it-toroq u kemm ġew jiswew triq triq? Jista' jgħid jekk hemmx toroq oħra residenzjali li se jkun qed isir xogħol fuqhom sal-aħħar tas-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern kompla fuq il-programm ta’ toroq residenzjali li kien hemm minn Gvern preċedenti. Madankollu, fil-listi tal-2013, ma kien hemm inkluż ebda xogħol fil-Ħamrun.
L-uniku xogħol li jidher li kien ippjanat, huwa r-rikostruzzjoni ta’ Triq Joe Gasan, li kien inħareġ tender għaliha u Transport Malta qed tkompli bix-xogħol kif kien ippjanat.
Inżid ngħid li Transport Malta se tkun qed taħdem fuq toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta tagħha skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm toroq residenzjali ġew asfaltati fil-lokalità tal-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid liema huma dawn it-toroq u kemm ġew jiswew triq triq? Jista' jgħid jekk hemmx toroq oħra residenzjali li se jkun qed isir xogħol fuqhom sal-aħħar tas-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Marsa ġiet asfaltata Triq Garrick, li hija stmata li tiswa EUR 92, 462.
Inżid ukoll li Transport Malta ser tkun qed taħdem fuq toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tagħha, skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskejjel tal-Ħamrun fis-sena 2013? Jista' jindika f'liema skejjel sar dan il-bullying u x'passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, minn Jannar 2013 sal-aħħar ta’ Diċembru 2013, fl-iskejjel tal-Ħamrun ġew irrapportati lis-Servizz Kontra L-Ibbuljar 15-il każ. L-iskejjel li rreferew il-każijiet kienu:
Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja Tas-Subien, il-Ħamrun - 7 każijiet
Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja Tal-Bniet, il-Ħamrun – 2 każijiet
Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja Ħamrun (School Street) – 2 każijiet
Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja Ħamrun (Ġużè Pace Str) – 4 każijiet
L-uffiċjal li huwa inkarigat minn dawn l-iskejjel ħadet azzjoni fuq kull każ li ġie rreferut lis-Servizz. Inħadem pjan ta’ azzjoni għal kull każ. Fosthom dan jinkludi intervent mal-klassi sħiħa, sessjonijiet individwali mal-vittma u l-bully u meta meħtieġ ma’ gruppi żgħar kif ukoll sessjonijiet mal-ġenituri. Saru wkoll kuntatti mal-professjonisti oħra bħal guidance teachers, Counsellors, College Prefect of Descipline, u INCO biex jagħtu s-sapport professjonali fejn meħtieġ skont in-natura tal-każ. Kien hemm każ fejn il-Pulizija kienet involuta.
Skemi tal-Unjoni Ewropea – applikazzjonijiet pendenti minn kunsilli lokali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm u liema huma l-iskemi tal-Unjoni Ewropea li għad għandhom applikazzjonijiet pendenti għalihom, jekk hu l-każ, il-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, il-Furjana, l-Ħamrun, Pietà/Gwardamangia, Santa Venera u l-Marsa? Jista' jgħid meta saru l-applikazzjonijiet u meta se jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti tal-kunsilli lokali konċernati rigward proġetti li jaqgħu taħt il-fondi amministrati mill-Ministeru.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10250, tista’ l-Ministru tippreċiża kif il-prezz ta’ żjara ta’ ġurnata u l-prezz ta’ żjarat ta’ tlitt ijiem u iżjed kienu l-istess u ċjoè ta’ €706? Tista’ tgħid minn meta beda jingħata refund għall-attendenza ta’ laqgħat li mhumiex organizzati mill-Unjoni Ewropea, bħal laqgħat ta’ ISO Eurament CEN u CENELEC? Tista’ tgħid jekk kienx hemm uffiċjali li użaw titjiriet business/club class għal dawn il-laqgħat?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista pprovduta tat il-medja tal-ispejjeż kif ukoll refunds involuti għas-safar kollu li sar minn uffiċċjali tal-MCCAA. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma jingħatawx refunds għall-attendenza ta’ laqgħat li mhumiex organizzati mill-Unjoni Ewropea, bħal laqgħat ta’ ISO Eurament CEN u CENELEC imsemmija fil-mistoqsija. Ninformha wkoll li ma siefer ebda uffiċċjal tal-MCCAA fuq business/club class, minkejja li ċerti uffiċċjali huma intitolati għal dan.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapport annwali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għas-sena 2013?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport imsemmi tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hawn taħt għall-viżti li saru barra minn Malta minn Uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul il-perijodu Jannar 2014 – Ġunju 2014: L-uffiċjal/i li pparteċipaw fil-viżta u l-kariga tagħhom, id-data u l-pajjiż fejn saret il-viżta, it-tema tal-viżta li attendew, kemm qamet kull viżta u liema kienu dawk il-viżti fejn lis-spejjeż in konnessjoni ma kienux akkarigu tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitulba fuq il-Mejda tal-Kamra.
MCCAA – pensjonanti li qed jaħdmu full-time/part-time
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni dwar kemm hemm uffiċjali full-time u part-time fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li huma pensjonanti? Tista’ tgħid x’kariga għandhom u x’inhu l-ħlas annwali ta’ kull wieħed minn dawn il-pensjonanti li qed jaħdmu full-time u/jew part-time?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Multi Amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il administrative fine (multi amministrativi) ġew eżegwiti mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2013? Tista’ tgħid ukoll kemm kien l-ammont ta’ dawn il-multi u x’kienet ir-raġuni li ngħataw dawn il-multi skont kif stipulat fil-Kapitolu 378 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2013 kien hemm multa amministrattiva waħda ta’ €2,329.37 li ġiet konfermata mit-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur. Il-każ kien dwar reklamar qarrieqi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx appuntati żewġ segretarji (wieħed Malta u ieħor Għawdex) għat-Tribunal tal-Konsumatur? Tista’ tgħid min huma dawk li qegħdin jaqdu din il-funzjoni bħalissa u kif ġew appuntati?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-segretarja għat-Tribunal tal-Konsumatur ta’ Malta ġiet appuntata. Is-segretarju tat-Tribunal ta’ Malta ġeneralment jaqdi ukoll il- funzjonijiet għat-Tribunal ta’ Għawdex u għal din ir-raġuni qatt ma kien ġie appuntat segretarju għat-Tribunal għal Għawdex. L-isem tal-persuna maħtura ġiet publikata fil-gazzetta tal-gvern.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa l-aħħar edizzjoni tal-magażin “L-Għażla”? Tista’ tgħid jekk il-ħruġ ta’ dan il-magażin inkluż is-setting, il-pubblikazzjoni u t-tqassim tiegħu ngħatax b’direct order?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-aħħar edizzjoni tal-magażin ‘L-Għażla’ ġiet tiswa €20,384.40. Is-setting tal-magażin, li sewa €1,274.40, ingħata b’direct order.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7530, tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġi ppubblikat dan il-business plan kif ġie kommess li jsir?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Business Plan ġie sottomess mill-Bord tal-MCCAA għall-approvazzjoni. Dan jiġi ppublikat wara li tintemm il-konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi.
MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ standard internazzjonali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7465, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-eżitu tal-aħħar awditjar tal-ISO 9001 li kellu jsir f’Marzu li għadda?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-awditjar sar fl-24 u l-25 ta’ Marzu li għadda. L-MCCAA żammet iċ-ċertifikazzjoni li kellha.
Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – talbiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien n-numru ta’ talbiet quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sal-aħħar tas-sena 2013? Kemm kienu t-talbiet ġodda sal-aħħar ta’ April 2014 u kemm kien hemm pendenti sal-aħħar ta’ April 2014?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa l-aħħar tas-sena 2013 kien hemm tlett mija u sitt (306) talbiet quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Daħlu disgħin (90) talba ġdida sal-aħħar ta’ April 2014. Kien hemm mija u għaxar (110) talbiet pendenti sal-aħħar ta’ April 2014.
Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija – applikazzjonijiet għal Direttur Ġenerali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ dawk li tefgħu l-applikazzjoni biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ntefgħu ħames applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u ħames applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija.
Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija – proċess għal għażla ta’ Direttur Ġenerali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif se jitmexxa l-proċess biex jintgħażel id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u d-Direttur tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija liema applikazzjonijiet għalqu fil-25 ta’ April 2014?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kontra kif sar qabel fi żmien il-Gvern Nazzjonalista, meta d-Diretturi Ġenerali kienu jkunu hand picked mill-Ministru stess din id-darba l-għażla għad-Diretturi Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u l-Istitut dwar l-iStandards u l-Metroloġija se tkun fdata f’idejn interviewing board.