Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Santa Venera lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità ta’ Santa Venera Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm talba mill-Kunsill lokali ta' Santa Venera bid-data tal-5 ta' Marzu 2014 sabiex zebra crossing li tinsab fi Triq il-Kanun issir pelican crossing. Din it-talba ma ġietx milqugħa permezz ta' ittra bid-data 12 t' Awwissu 2014 minħabba raġunijiet varji. Kien hemm talba oħra mill-Kunsill Lokali bid-data 3 ta' Novembru 2014 għal pelican crossing fi Triq il-Kbira San Ġuzepp. Jumejn wara l-Awtorità talbet għall- informazzjoni addizzjonali.

Għaqdiet tal-Konsumatur – għajnuna mill-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11238, peress li taħt l-Amministrazzjoni l-oħra, l-Għaqda tal-Konsumatur kienet għamlet talba lill-Gvern biex tingħata allokazzjoni minn fejn tkun tista’ topera, tista’ l-Ministru tikkonferma li l-Għaqda tal-Konsumatur ma għamlet l-ebda talba simili lil dan il-Gvern?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li saret talba mill-Għaqda kkonċernata biex tingħata allokazzjoni minn fejn tkun tista’ topera l-istess kif kienet saret taħt l-Amministrazzjoni preċedenti bid-differenza li l-gvern preżenti alloka minn jeddu u minghajr ebda pressjoni mill-UE post b’ftehim kuntrattwali fuq perjodu mal-istess Għaqda liema ftehim offra forma ta’ sikurezza.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – għaqdiet konformi mar-rekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar eżerċizzju skont Artiklu 28(a) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap 378) u jekk jirriżultax li l-għaqdiet reġistrati humiex konformi mar-rekwiżiti imposti mil-liġi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-aħħar eżerċizzju li sar skont Artiklu 28(a) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap 378) kien f’April 2014 fil każ ta’ l-Għaqda tal-Konsumaturi ta’ Malta. Ir-reġistrazzjoni ta’ din l-għaqda ġiet ippublikata fil-gazzetta tal-Gvern tad-29 t’April ta’ l-2014. L-istess eżerċizzju sar fil –kaz tal-għaqda l-oħra l-Assoċjazzjoni għad Drittijiet tal-Konsumatur. Ir-reġistrazzjoni ta din l-għaqda ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-24 ta’ Jannar 2014. Iż-żewġ għaqdiet kienu konformi mar rekwiżiti imposta mill-ligi.

Kunsill tal-Konsumaturi – rapporti dwar għaqdiet tal-konsumaturi f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapporti li għamel il-Kunsill tal-Konsumatur dwar l-għaqdiet tal-Konsumaturi f’Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li bejn l-2008 ‘l hawn ma sar ebda rapport mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Għaqdiet tal-Konsumaturi f’Malta.

Tribunal tal-Konsumatur — arbitri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il arbitru hemm fit-Tribunal tal-Konsumatur u kif jiġu assenjati l-kawżi li jitressqu quddiem it-Tribunal? Tista’ tgħid min huma dawn l-arbitri u x’inhi l-onorarja tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fit-Tribunal hemm 4 arbitri. Il-kawżi jiġu assenjati ugwalment. Dawn l-arbitri huma: a. Dr Michela Spiteri b. Dr Martin Fenech c. Dr Gabriella Buttigieg d. Dr Richard Sladden L-onorarja ta’ dawn l-Arbitri hi ta Euro 5823.43 per annum

MCCAA — teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li għandhom it-teleworking? Tista’ tgħid fiex jikkonsisti dan it-teleworking ta’ kull individwi u kif qiegħed jiġi utilizzat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li hemm 25 uffiċjal fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-affarijiet tal-Konsumatur li preżentament jibbenefikaw mit-teleworking bħala family friendly measure. Dawn huma: Skrivani Seniors – 5 Eżekutivi – 6 Uffiċjali – 3 Uffiċjali Professjonali - 2 Uffiċjali Professjonali Seniors – 7 Diretturi – 2 Ix-xogħol li jsir waqt it- telework ivarja skont l-entita’ li l-impjegat ikun jaħdem fiha u dan jiġi rakkomandat mid-Direttur Ġenerali, Direttur jew kap responsabbli għall-uffiċjali skond l-esiġenzi tal-entita’ kkonċernata.

Information Officer

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-post ta’ Information Officer fl-entità tal-Affarijiet tal-Konsumatur imtlietx? Tista’ tgħid min hi l-persuna maħtura u xi kwalifiki għandha din il-persuna jekk ġiet maħtura?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proċess tal-għażla ta’ dan il-post għadu għaddej.

MCCAA –Diretturi Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien qed jokkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-erba’ entitajiet tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sal-1 ta’ Ottubru 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-Sur Marcel Pizzuto kien jokkupa il-kariga ta’ Aġent Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) u s-Sur Godwin Mangion kien jokkupa il-pożizzjoni ta’ Agent Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) sal-1 ta’ Ottubru 2014. Il-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali fiż-żewġ entitajiet l-oħra f’din l-Awtorita’ huma preżentament vakanti.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni — każijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta’ kull għamla kienu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, taħt liema kategorija jaqgħu u kemm ilhom pendenti dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal–24 ta’ Ottubru 2014 l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni għandu 47 każ pendenti. Minn dawn is-47 każ, 45 jikkoncernaw investigazzjonijiet dwar il-ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jew/u it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeja, kaz dwar konċentrazzjoni u każ minnhom huwa nkjesta settorjali. Fost dawn il-każijiet li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju hemm: Każ wieħed li nfetah fl-2006 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2007 Tlett każijiet li nfetħu fl-2008 Tlett każijiet li nfetħu fl-2009 Ħames każijiet li nfetħu fl-2010 Seba’ każijiet li nfetħu fl-2011 Għaxar każijiet li nfetħu fl-2012 Seba` każijiet li nfetħu fl-2013 Disa` każijiet li nfetħu fl-2014

MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi nħarġu sal-lum mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid x’inhuma l-ħlasijiet li jridu jagħmlu dawk li jitolbu ċ-ċertifikazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtoritá, ħarġet 25 ċertifikat għall- organizzazzjonijiet li jimmaniġġaw prodotti organiċi. Il- ħlasijiet li jridu jagħmlu dawk il-produtturi u l-proċessuri li jitolbu ċ-ċertifikazzjoni jvarjaw skond id-daqs tal-operatur minn €120 sa €540. Importaturi minn pajjiżi terzi jħallsu miżata annwali ta' €800.

MCCAA – uffiċjali kkwalifikati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ikkwalifikati biex jispezzjonaw organizazzjonijiet li jitolbu ċertifikazzjoni għall-prodotti organiċi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għandha tlett uffiċjali ikkwalifikati biex jispezzjonaw organizazzjonijiet li jitolbu ċertifikazzjoni għall-prodotti organiċi.

MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li fl-aħħar missjoni tal-FVO (Food and Veterinary Office) tal-Unjoni Ewropea fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) dawn sabu problemi dwar kif l-Awtorità qiegħda toħroġ iċ-ċertifikati tal-prodotti organiċi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport tal-FVO għadu ma ntbgħatx lill-Awtorità kompetenti għall-prodotti organiċi. Għalhekk hu prematur li wieħed jikkumenta f’dan l-istadju.

MCCAA – livelli ta’ pesticide residue

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm każijiet fejn il-livell tal-pesticide residue kien daqs jew aktar mil-livell aċċettat? Jekk iva, tista’ tgħid kemm-il darba dan irriżulta, liema kienu l-prodotti involuti u x'azzjoni ttieħdet mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn testijiet li saru matul din is-sena, pesticides residues daqs jew għola mill-livell aċċettat instabu fi ħdax il-kampjun ta’ solanum tuberosum u żewg kampjuni ta’ cucumis sativus. L-Awtoritá qegħda tieħu l-passi neċessarji skont l-Att dwar il-Kontroll tal-Pestiċidi.

MCCAA – uffiċjali li jagħmlu xogħol ieħor wara l-ħin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li matul din is-sena ngħataw permess biex jaħdmu xogħol ieħor wara l-ħin? Jekk iva, minn min u meta nħareġ dan il-permess?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorita’ ma rċeviet l-ebda talba minn xi uffiċċjali tagħha għal permess biex jaħdem overtajm fil-perjodu msemmi.

MCCAA – online questionnaire

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8781, tista’ l-Ministru tpoġġi koja tar-riżultat tas-survey li sar fost l-impjegati tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ngħatat preżentazzjoni fuq ir-riżultati ta' dan is-Survey lill-Bord tal-Gvernaturi. Kif indikat fiċ-ċirkolari li ntbagħtet lill-impjegati, dan l-eżerċizzju kellu jkun wieħed konfidenzjali biex iħajjarhom jipparteċipaw u għalhekk jidhrilna li m’għandniex nippublikawh barra din l-Awtorita’. Barra minn hekk anke fl-istess rapport hemm enfasi biex tiġi prottetta il-kunfidenzjalita.

MCCAA – uffiċjali professjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda mill-erba’ entitajiet tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’Jannar 2013? Tista’ tgħid kemm hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda minn dawn l-entitajiet tal-MCCAA f’Ottubru 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ uffiċjali professjonali full timema’ l-MCCAA huwa dan : Jannar 2013 Ottubru 2014 Uffiċċju tal-Kompetizzjoni 7 3 Diviżjoni għar-regolamenti tekniċi 15 18 Istituzzjoni tal-Istandards u l-Metroloġija 19 15 Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur 14 9

Spezzjonijiet ta’ Playgrounds

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet sal-lum fil-playgrounds matul din is-sena? Tista’ tgħid kemm hemm uffiċjali li jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet u kemm-il playground instab li mhuwiex safe u f’liema lokalitajiet instabu dawn? Tista’ tgħid x’miżuri ttieħdu sabiex jitrażżan il-periklu u jitranġaw in-nuqqasijiet li nstabu fihom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li saru 158 spezzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum. L-Awtorita’ dejjem kellha uffiċjal wieħed li jagħmel dawn l-ispezzjonijiet u jirriżulta li nstabu 34 playground li ma ġewx ikklassifikati bħala safe. L-Awtorita’ ipprezentat ir-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-playgroundsjinżammu safe.

MCCAA – spezzjonijiet tal-Playgrounds — spiża

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa kull spezzjoni li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tagħmel tal-playgrounds? Tista’ tgħid ukoll min qed iħallas għal dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ispejjeż kollha relatati mal-ispezzjonijiet tal-playgroundhuma koperti minn ftehim kuntrattwali li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandha mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

Direttorat tal-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret mid-Direttorat tal-Affarijiet tal-Konsumatur matul il-perjodu April – Settembru 2014 fil-lokalitajiet kummerċjali li l-Ministru ħabbret li se jkunu qegħdin isiru? Tista’ tgħid liema huma dawn il-lokalitajiet li fihom saru dawn il-laqgħat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li f’Jannar ta’ din is-sena bdew jittellgħu information desks f’erba’ stabbillimenti kummerċjali li qegħdin il-Belt, il-Ħamrun, Raħal Ġdid u tas-Sliema. Uffiċjal mill-Awtorità ikun preżenti kull gimgħatejn f’kull wieħed minn dawn l-istabbillimenti biex jagħti l-informazzjoni lil min jitlobha.

Stabbilimenti — Unit Pricing

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu dawk l-istabbilimenti li f’Ottubru 2014 kienu jridu juru unit pricing? Tista’ tgħid kemm-il spezzjoni saret f’dawn l-istabbilimenti matul is-sena 2014 u kemm kien hemm minnhom li nstabu li ma kinux konformi mal-liġi? Tista’ tgħid x’azzjonijiet ittieħdu mill-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dawk l-istabbilimenti li f’Ottubru 2014 kienu jridu juru unit pricinghu ta’ 73. Matul is-sena 2014, saru 157 spezzjonijiet f’dawn l-istabbilimenti. Kien hemm 4 każi fejn ingħatat twissija verbali jew bil-miktub.