Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spezzjonijiet ta’ Playgrounds — rapporti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11579 u 11951, li oriġinarjament saru lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u peress li fir-risposta għall-mistoqsija 11951 intqal li l-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-playgrounds li nstabu mhux safe matul din is-sena mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa għaddejja ħidma bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u s-Segretarjat responsabbli mill-Gvern Lokali fuq dawn ir-rapporti li ħadmet fuqhom l-Awtorità ghall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Għaldaqstant minħabba s-sesittivita’ ta’ dawn l-investigazzjonijiet kopja tar-rapporti ma’ tistax tiġi ppublikata f’ dan l-istadju qabel ma ssir l-analiżi meħtieġa.

MCCAA – spezzjonijiet tal-Playgrounds — spiża

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11580 u 11952, li oriġinarjament saru lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim kuntrattwali bejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali dwar l-ispezzjonijiet tal-playgrounds fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm tiswa kull spezzjoni li ssir mill-MCCAA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ewwel kuntratt iffirmat bejn l-MCCAA u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali fil-21 ta’ Diċembru 2010, u kopja tat-tieni kuntratt iffirmat bejn l-MCCAA u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali fit-28 ta’ Frar 2013 hekk kif mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

Skola ta' Santa Venera — użu ta' pestiċidji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjoni ttieħdet mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur warali skola f'Santa Venera kellha tingħalaq minħabba użu eċessiv ta' pestiċidji?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtoritá kellmet lill-bidwi kkonċernat u ndagat kemm fuq il-prodotti tal-pestiċidji li ntużaw kif ukoll fuq kif dawn intużaw. Saret ukoll spezzjoni fuq il-lant u minn dak li rriżulta lill-Awtorita’ jidher li kemm il-prodott kif ukoll il-mod ta’ kif intuza huma skond il-liġijiet applikabbli. Minħabba dan l-Awtorita’ ma ħaditx aktar passi fuq il-bidwi.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – għaqdiet konformi mar-rekwiżiti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11815, tista’ l-Ministru tpoġġi r-rapport tal-Kunsill rigward l-eżerċizzji msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Qed npoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Kunsill kif mitluba fil-mistoqsija parlamentari.

MCCAA — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) b’kuntratt definittiv? Tista’ tgħid kull kuntratt meta jagħlaq u dwar liema post jirreferi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hemm 36 impjegat b’kuntratt definittiv kif gej: Post Numru ta’ postijiet Data tal-gheluq Direttur Generali 1 22.05.14 Diretturi 4 22.05.14 Direttur 2 30.09.14 Direttur 1 13.11.14 Direttur 1 25.03.15 Direttur 1 09.11.17 Assistent Direttur 1 31.07.14 Assistent Direttur 1 15.09.16 Kap – Corporate Services 1 09.05.15 Senior Manager 1 12.08.14 Contract of Service 1 31.01.15 Contract for Service 1 31.03.15 Contract of Service 2 31.03.15 Skrivan Part time 1 01.01.15 Skrivan Part time 1 12.01.15 Market Surveillance Part Timers 16 31.12.14

MCCAA – spezzjonijiet ta’ lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għamlet spezzjonijiet ta’ lifts l-MCCAA matul din is-sena? Kemm minnhom instabu li mhumiex skont ir-regolamenti, u x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li sa issa din is-sena saru 20 spezzjoni ta’ lifts mill-Awtorita’. Kollha nstabu li kellhom xi nuqqas ta’ konformita’ jew oħra mall-ligi. Min dawn l-20, żewg lifts ingħalqu minħabba li kienu meqjusa li jimponu riskju serju lil min jużahom u wieħed instab mhux f’pożizzjoni li jaħdem minħabba xi makkinarju nieqes. F’kaz ieħor, l-Awtorita’ qed tistenna ċertifikazzjoni meħtiega filwaqt li fil-każ tas-16 l-oħra, l-Awtorita’ qed tinsisti ma min hu kkonċernat sabiex ikunu reġistrati skond il-liġi. L-Awtorita’ qegħda tikkunsidra li tibda’ ssemmi operaturi li jpoġġu fis-suq lifts li m’humiex konformi. Barra min hekk l-Awtorita’ tuza ukoll il-medja sabiex twassal il-messaġġ dwar il-bzonn li lifts f’Malta jkunu ċċertifikati u rreġistrati skond il-ligi.

MCCAA – ċertifikati ta’ type approval

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ċertifikat ta’ type approval inħarġu matul din is-sena u x’introjtu kella l-MCCAA minn din l-attività?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s'issa ħargu 310 type approval certificates. Billi din hi attivita kummerċjali ikun aħjar li informazzjoni fuq dħul ikun evitat.

MCCAA – Awtorità dwar il-Mediċini

Question

Peress li meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) il-pjanijiet kienu li fi żmien opportun din tieħu taħt idejha l-Awtorità dwar il-Mediċini, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk il-Gvern preżenti għadux miexi fuq din il-policy?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li fil-preżent l-Gvern mhux miexi fuq din il-policy. Jiena nfurmata ukoll li din il-policy kienet intefgħet fil-ġenb mill-Gvern preċedenti.

Awtorità dwar il-Mediċini – Kap Eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-post ta’ kap eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Mediċini huwiex vakanti u jekk le, tista’ tgħid min qed jokkupa din il-pożizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol qed isir miċ-Chairperson kif inhu permess bil-liġi.

Awtorità dwar il-Mediċini — trasferiment

Question

Peress li oriġinarjament l-Awtorità dwar il-Mediċini kellha tiġi ttrasferita għall-ispazju ppjanat apposta f’Mizzi House, tista’ l-Ministru tgħid jekk dan għadux il-każ u jekk le fejn se tiġi allokata l-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għadha ma tteħditx id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-Awtoritá tal-Mediċini.

Awtorità dwar il-Mediċini – uffiċjali professjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali fl-Awtorità dwar il-Mediċini f’Jannar 2013 u kemm hemm uffiċjali professjonali f’Ottubru 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru totali ta’ uffiċjali professjonali li jinkludu management, spiżjara fi gradi differenti, tobba kif ukoll pharmaceutical officers baqa’ ta' 30 impjegat kemm f'Jannar 2013 kif ukoll f'Ottubru 2014. Rigward uffiċjali professjonali fuq bażi ta’ kuntratt (contract for service), kien hemm 4 f'Jannar 2013 u 7 f`Ottubru 2014. Il-kuntratti ġodda huma ma’ studenti farmaċisti li qed jagħmlu apprentistat mal-Awtorita’ filwaqt li qed isegwu dottorat.

Awtorità dwar il-Mediċini – tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-Awtorità dwar il-Mediċni saret responsabbli mit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċina, rwol li qabel kien tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur hija l-Awtorità kompetenti għall-prezzijiet tal-mediċini. Ninformha ukoll li l-Awtorità dwar il-Mediċini qed tgħin f’dan il-proċess li qed jagħti l-frott.

Spezzjonijiet ta’ Playgrounds — rapporti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11579, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-playgrounds li nstabu mhux safe u f’liema lokalitajiet qegħdin? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur hija kuntrattata biex tagħmel spezzjonijiet dwar is-sikurezza tal-playgrounds mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Dan id-dipartiment huwa legalment responsabbli mill-playgrounds. Għaldaqstant nitlob li d-domanda tagħha ssir lil Ministru konċernat.

MCCAA – spezzjonijiet ta’ Playgrounds — spiża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11580, tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa kull spezzjoni lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, tista’ minflok tpoġġi l-ftehim kuntrattwali li l-MCCAA għandha mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellanta għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari 11951.

Il-Ħamrun – Triq San Ġorġ Preca – Pelican Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li tissewwa u tinxtegħel il-pelican zebra crossing li tinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq San Ġorġ Preca, il-Ħamrun, peress li mhijiex taħdem u l-arblu tal-pelican beacon ilu mal-art għal diversi ġimgħat b’detriment għal kull min jgħaddi minn fuq il-bankina u għall-istudenti kollha li jużaw din iż-zebra crossing?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, eżiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Il-Ħamrun – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Ħamrun lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità tal-Ħamrun minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li waqt laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun f'Mejju, kien hemm talba għal Zebra Crossing fi Triq Ħal Qormi bid-data 18 ta' Mejju 2013. L- Awtorità tat- Trasport ħejjiet il-disinji neċessarji u approvat din it-talba fit-23 ta' Settembru 2013. Wara li ġew analizzati xi suġġerimenti oħra li daħħlu, din it-talba ser tigi mplementata mill-Awtorità.

Il-Pietà/Gwardamangia – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Pieta lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità tal-Pietà/Gwardamangia minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm żewġ talbiet għal zebra crossing li saru mill-Kunsill Lokali tal-Pietà. Saret talba għal zebra crossing fi Triq Marina fit- 22 ta' Mejju 2013 fejn l-Awtorità tat-Trasport talbet għal aktar informazzjoni jumejn wara. L-Awtorità ma rċevietx tali informazzjoni. Saret talba għal zebra crossing fi Triq San Luqa fit - 23 ta' Mejju 2014 fejn l-Awtorità tat-Trasport ħejjiet id-dokumenti meħtieġa u dawn ntbagħtu lill-Kunsill fl-4 ta' Awwissu 2014. L-Awtorità għadha qed tistenna l-kummenti tal-Kunsill.