Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni tal-invalidità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fir-reviżjoni tal-pensjoni tal-invalidità? Filwaqt li nifhem li kull każ jista’ jkun rivedut u dan skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien meta l-persuni li għandhom problemi fiżiki, mediċi u/ jew mentali jiddependu unikament minn din il-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn meta kien inbidel il-proċess ta’ reviżjoni ta’ kull Pensjoni għall-Invalidità fl-2007, tali proċess jitlob li l-pensjonant jerġa’ jipprovdi evidenza kurrenti illi tikkonferma l-kundizzjoni medika tiegħu sabiex il-bord mediku jkun jista’ jiddeċiedi jġeddidx il-pensjoni msemmija. Inżid illi għalkemm jista’ jkun hemm każijiet illi ma jipprovdux l-evidenza fil-ħin, id-Dipartiment jagħmel dak kollu possibli sabiex dawn xorta waħda jkollhom il-pagament estiż sabiex ma jispiċċawx mingħajr pensjoni.

Servizz tat-Telecare u telecare plus

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11188, jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjani li għandhom is-servizz tat-telecare u li tilfu il-pendent, issa hux qed ikollhom bilfors ibiddlu s-sett tat-telecare għal telecare plus li introduċa dan il-Gvern? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn ikollhomx iħallsu kera aktar għolja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba li s-sistema l-ġdida tat-Telecare Plus mhix kompatibli ma’ dik l-antika, il-pendent ma jkunx jista’ jiġi mibdul u b’hekk ikun meħtieġ li s-servizz jinbidel għal dak tat-Telecare Plus.

Servizz tat-telecare

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12586, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda tal-gvern fil-baġit għas-sena 2014 li l-Gvern, bi sħubija mal-privat, itejjeb is-servizz tat-Telecare permezz ta’ teknoloġija ġdida biex jiġi aġġornat għaż-żmien tal-lum, twettqitx? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-titjib?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Novembru 2013, il-Gvern u l-GO plc laħqu ftehim li bi sħubija mall-privat, jittejjeb is-servizz tat-Telecare permezz ta’ teknoloġija ġdida biex jiġi aġġornat għaż-żmien tal-lum. Dan il-ftehim jipprovdi li jinbidel l-apparat antik tat-Telecare għal wieħed teknoloġikament modern. L-apparat eżistenti tat-Telecare li beda jiffunzjona f’Marzu tat-1991 issa qed jinbidel ma’ wieħed bil-wisq aktar effiċjenti. Ma’ dan l-apparat li hu żgħir fil-qies, msejjaħ Telecareplus, jistgħu jiġu ikkonnettjati b’mod ta’ wireless sa 41 devices differenti. Il-funzjoni prinċipali tat-Telecare baqgħet li min juża t-Telecare għandu servizz ta’ 24 siegħa kuljum skont il-bżonn li jinqala’. L-aċċess isir b’għafsa ta’ buttuna jew minn fuq il-pendent jew minn mas-sett. Bidla importanti oħra li saret hija fis-software tas-sistema tat-Telecare. Dan ġie mibdul kompletament.

Servizz tat-Telecare u Telecare Plus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani applikaw għas-servizz tat-Telecare u Telecare Plus separatament minn xulxin? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet li għadhom pendenti u x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Minn Novembru 2013 kull min qed japplika qed jingħatalu s-servizz tat-Telecare Plus. In-numru ta’ klijenti li għandhom is-servizz tat-Telecare huwa: 6411 In-numru ta’ klijenti li għandhom is-servizz tat-Telecare Plus huwa: 2571 In-numru ta’ każijiet pendenti huwa: 103. Minn dawn, 23 għandhom jew linja mhux tal-GO u jrid isir proċess min-naħa tal-GO plc biex jikkonvertu għal-linja tal-GO, jew ma jkollhomx linja allura l-GO plc jipprovdulhom linja mal-installazzjoni tat-Telecare Plus. Hemm ukoll 40 applikant li jew ma bagħtux id-dokumenti meħtieġa jew qed jerġgħu jaħsbuha. Il-kumplament tal-applikazzjonijiet qegħdin fil-proċess biex jiġi nstallat is-servizz tat-Telecare plus.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13306 u 13700, jista’ l-Ministeu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-konsulenti msemmija li għadhom bil-kuntratt sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Klabb 3-16

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal jattendu fil-Klabb 3-16 li qegħdin fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, Santa Venera u l-Belt Valletta? Jista' jghid kemm-il persuna taħdem f'dawn il-Klabbs? Jista’ jagħti din l-informazzjoni b’mod separat? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-persuni jaħdmux fuq bażi full-time jew part-time, u jekk humiex jaħdmu fuq kuntratt definit jew indefinit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ tfal li jattendu l-Klabb 3-16 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija flimkien mat-total ta’ persuni li jaħdmu f’dawn il-klabbs, hu kif se nsemmi: Ċentru Ħamrun Sta. Venera Valletta Studenti reġistrati 19 49 18 Numru ta' Staff 7 (6 part-time u 1 full-time) 11 (10 part-time u 1 full-time) 6 (6 part-time) Mit-total ta’ 24 staff, disgħa huma fuq kuntratt definit filwaqt li 15 huma fuq kuntratt indefinit.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għat-Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11260, jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta' upgrading f'parti minn Triq il-Kbira San Ġuzepp fil-Ħamrun? Jista' jgħid jekk ħarġitx tender oħra għal xogħlijiet ta' upgrading f'partijiet oħra minn din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, id-Dipartiment tal-Kuntratti, ħareġ tender f’isem Transport Malta għal upgrading ta’ din it-triq. Dan it-tender għadu fi stadju ta’ Evalwazzjoni.

Ħamrun – asfaltar ta’ toroq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10634, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta inkludietx fil-lista ta' toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha u li jridu jiġu asfaltati, toroq fil-lokalità tal-Ħamrun?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11260 għadha tapplika.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett ta’ night shelter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11259, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aktar żviluppi u x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet imsemmija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sexual Assault Response Team

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna użat is-servizz tas-Sexual Assault Response Team (S.A.R.T.) li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jista’l-Ministru jgħid minn min hu magħmul dan il-Unit u x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' dan il-Unit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

EU Food Aid Programme – tqassim ta’ ikel

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 12033 u 13698, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx l-evalwazzjoni u jgħid ukoll min huma l-partner organisation/s li ser jassistu lill-Ministru fit-tqassim tal-ikel lil dawk il-persuni li huma kkunsidrati li l-aktar li huma fil-bżonn? Jista' jgħid ukoll jekk tbiddlux il-kriterji sabiex wieħed ikun intitolat għall-ikel ipprovdut mill-EU Food Aid Programme u jekk tbiddlu, jista' jgħid x'inhuma l-kriterji l-ġodda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess t’evalwazzjoni għadu mhux konkluż minħabba xi verifiċi amministrattivi li qed isiru u għaldaqstant għadu ma ġiex deċiż min ser ikun jew ikunu l-partner organisation/s li ser jassistu lill-Ministeru fit-tqassim tal-ikel. Għal dan il-programm il-ġdid ġew imfassla kriterji ġodda li jiddeterminaw min ser ikun intitolat li jirċievi dan l-ikel. Iżjed dettalji f’dan ir-rigward jiġu mħabbra aktar ‘l quddiem ġaladarba jiġu konklużi l-proċessi amministrattivi kollha.

Belt Valletta, Furjana, Ħamrun, Marsa u Santa Venera – reati ta’ serq rapportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm reati ta' serq irrapportati fil-lokalità msemmija hawn isfel, sena b'sena, fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013 u 2014: (a) Belt Valletta (b) Furjana (c) Ħamrun (d) Marsa, u (e) Santa Venera

Response (ABELA, CARMELO)

Ninoforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – lifts fi flats tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift għamlet l-Awtorità tad-Djar fis-sena 2014 fi blokkijiet ta’ flats u/ jew entraturi residenzjali tal-Gvern? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn il-blokok u/jew entraturi li fihom saru dawn il-lifs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2014, ma tlestewx liftijiet ġodda fil-blokki residenzjali tal-Gvern. Madanakollu, sar ix-xogħol kollu neċessarju sabiex jiġi formulat u approvat dokument ta’ tender li huwa aġġornat mar-regolamenti kurrenti. Dan id-dokument tfassal ukoll sabiex jippermetti proċess aktar mexxej fl-ipproċessar ta’ tenders. Permezz ta’ din il-ħidma, s’issa tlestew u nħarġu tenders sabiex matul din is-sena, jiġu nstallati 25 lift fi blokki residenzjali f’lokalitajiet differenti.

Awtorità tad-Djar –grant mogħtijiet lil sidien ta’ l-ewwel djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet l-Awtorità tad-Djar fis-sena 2014 għall-grant sabiex tassisti sidien fil-kostruzzjoni u/jew it-tkomplija jew riabilitazzjoni tal-ewwel dar tagħhom? Jista’ jgħid kemm kien jammonta komplessivament dan il-grant?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2014 l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 421 applikazzjoni għall-grant sabiex tassisti sidien fil-kostruzzjoni u/jew it-tkomplija jew riabilitazzjoni tal-ewwel dar tagħhom. Komplessivament dan il-grant ammonta għall- €1,347,167.

Awtorità tad-Djar – sussidju mogħti lil sidien tad-djar għal xogħlijiet ta’ ranġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tad-Djar fis-sena 2014 dwar sussidju għall-xogħlijiet ta’ irranaġar ta’ residenzi okkupati minn sidien jew minn kerrejja? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew ipproċessati sa issa u kemm minnhom għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jammonta globalment is-sussidju li ġie mogħti fis-sena 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 264 applikazzjoni fis-sena 2014 dwar sussidju għall-xogħlijiet ta’ irranġar ta’ residenzi okkupati minn sidien jew minn kerrejja. Sad-19 ta’ Frar 2015 ġew proċessati 179 applikazzjoni filwaqt li 85 għadhom pendenti. Globalment is-sussidju li ġie mogħti fis-sena 2014 jammonta għall-€463,594.90.

Awtorità tad-Djar – Executive Heads

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14186, jista’ l-Ministru jgħid min huma, bl-isem u l-kunjom, l-erba’ Executive Heads tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma narax il-validità li l-ismijiet ikunu pubbliċi.

Benefiċċju għall-korriment fuq ix-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-benefiċċju għall-korriment fuq ix-xogħol fis-snin 2012, 2013 u 2014 separatament minn xulxin? Jista’ jgħid kemm jgħaddi żmien bejn wieħed u ieħor minn meta ssir l-applikazzjoni sakemm l-individwu jibda jingħata l-benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba rigward talbiet għall-Benefiċċju tal-Korriment fuq ix-Xogħol huwa kif ġej: · 2012 – 3,053 talba; · 2013 – 3,056 talba; u · 2014 – 3,193 talba. Iż-żmien tal-ħlas minn meta ssir it-talba sal-pagament jiddependi minn jekk l-applikant jirritornax għax-xogħol fi żmien 10 t’ijiem mid-data tal-korriment jew le. Jekk l-applikant jirritorna għax-xogħol qabel 10 t’ijiem mid-data tal-korriment, u javża b’dan lis-sezzjoni kkonċernata, il-pagament dovut jinħareġ bejn 10 u 15–il jum mid-data tal-applikazzjoni. Jekk l-applikant javża lid-dipartiment li ma daħalx lura għax-xogħol minħabba l-korriment, u dan permezz ta’ tweġiba puntwali għall-Avviż NI-134, ikun jeħtieġ li jidher quddiem bord mediku tad-Dipartiment tas-Siġurta Soċjali biex dan jagħti parir jekk l-istess applikant ikunx tajjeb għax-xogħol jew le. F’każi bħal dawn, jekk il-bord mediku isib li l-applikant ikun għadu mhux tajjeb għax-xogħol; bejn in-notifika: 1. tal-avviż NI-134; 2. l-appuntament għall-bord mediku; 3. d-deċiżjoni tal-istess bord; u 4. l –avviż tal-ħlas dovut; Sal-pagament dovut; jgħaddu minn erba’ sa sitt ġimgħat dejjem jekk ma jkunx hemm intoppi ta’ notifika u attendenza mill-applikant għall-eżami tal-bord mediku.

Pensjoni tal-Wens u Għajnuna Soċjali għall-carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qiegħda attwalment tieħu l-pensjoni tal-wens jew għajnuna soċjali għall-carers? Jista’ jgħid kemm minnhom huma ġuvintur, xebbiet, romol u separati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ persuni li jirċievu pensjoni tal-wens huwa ta’ 113 filwaqt li 283 persuna jirċievu social assistance carers. Ir-risposta għall-aħħar parti tal-mistoqsija hija kif jidher hawn taħt : Ghajnuna Socjali - Carers (SAF) Females Males Total SINGLE 164 105 269 LEGALLY SEPARATED 6 4 10 DIVORCED 0 0 0 DE FACTO SEPARATED 4 0 4 Total 174 109 283 Pensjoni tal-Wens Females Males Total SINGLE 51 52 103 LEGALLY SEPARATED 2 6 8 DIVORCED 0 2 2 Total 53 60 113

Pensjoni tal-Wens u Għajnuna Soċjali għall-Carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mara miżżewġa li tgħix fid-dar matrimonjali ma’ żewġha, iżda ddur b’ommha jew missierha li tgħix jew jgħix mal-konjugi, hijiex intitolata għall-pensjoni tal-wens jew għajnuna soċjali għall-carers?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni miżżewwġa mhumiex intitolati għal pensjoni tal-wens jew għajnuna soċjali għall-carers (SAC). Sabiex tkun intitolata għal dawn il-benefiċċji, persuna trid tkun xebba jew guvni, armla jew persuna separata li mhux qed irabbu tfal u jkunu qed jieħdu ħsieb persuna li tiġi minnu kif stabbilit fil-liġi tas- Sigurta` Soċjali. Dawn il-benefiċċji huma means tested .

Għotja tal-ħalib għat-trabi — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna bħalissa qed tingħata l-għotja tal-ħalib (MG) għat-trabi? Jista’ jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u kemm huma dawn l-applikazzjonijiet pendenti? Jista’ jgħid jekk hemmx appelli pendenti u kemm huma dawn l-appelli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuni li qed jitħallsu l-għotja tal-ħalib (Milk Grant) bħalissa jammonta għal 32. Applikazzjonijiet pendenti hemm 18. Dan il-benefiċċju mhux appellabbli.