Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali – Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ġiex ingaġġat f’position of trust jew intgħażilx wara sejħa pubblika u proċess sħiħ ta’ għażla?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), ġie appuntat mill-Gvern biex imexxi din il-Fondazzjoni fuq bażi ta’ position of trust kif kien isir fi żminijiet preċedenti.
Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali – Kap Eżekuttiv – kuntratt ta’ impjieg
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ impjieg tal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju annwali u l-perkaċċi kollha li jirċievi dan il-kap eżekuttiv?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-salarju annwali u l-perkaċċi relatati mal-pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv preżenti tal-FSWS huma dawk li kellha l-predeċessura tiegħu f'din il-pożizzjoni.
Proġett LEAP – parteċipazzjoni minn kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li qed jieħdu sehem fil-proġett LEAP? Jista’ jgħid kemm huma l-persuni li qed jibbenefikaw minn dan il-programm ma’ kull kunsill rispettivament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Proġett Leap hemm 15-il Kunsill Lokali li qed jieħdu sehem u n-numru ta’ benefiċjarji jammonta għal 30 persuna.
Il-lista tal-Kunsilli Lokali li qed jieħdu sehem fil-Proġett Leap tinsab hawn taħt.
Kunsill
Numbru ta’ Benefiċjarji
Kunsill Lokali Birzebbuga
3
Kunsill Lokali Qrendi
2
Kunsill Lokali Attard
1
Kunsill Lokali Għasri- Għawdex
1
Kunsill Lokali Għaxaq
1
Kunsill Lokali Luqa
2
Kunsill Lokali Paola- Raħal Ġdid
4
Kunsill Lokali Safi
2
Kunsill Lokali San Pawl il-Bahar
6
Kunsill Lokali Mosta
2
Kunsill Lokali Għarb
1
Kunsill Lokali Zurrieq
2
Kunsill Lokali Rabat
1
Kunsill Lokali Dingli
1
Kunsill Lokali Bormla
1
Tajjeb li ngħid li minbarra dawn, hemm 237 benefiċjarju ieħor li qed jibbenefikaw mill-programm, inkluż f’Għaqdiet Non-Governattivi.
Qasam tal-anzjani – impjegati Għawdxin jaħdmu f’Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati Għawdxin li jirrisjedu f’Għawdex u li jaħdmu ma’ kuntratturi privati li jagħtu servizz lill-Gvern fil-qasam tal-anzjani iżda jaħdmu f’Malta? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hu t-total ta’ dawn l-impjegati? Jista’ jgħid jekk kienx hemm talbiet sabiex dawn l-impjegati Għawdxin jaħdmu Għawdex minnflokk u jekk iva, għaliex dawn it-talbiet għadhom ma ntlaqgħux?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jindaħalx lis-Settur Privat lil min jimpjega u fejn jimpjegahom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk koppji Maltin li jkunu jridu jadottaw tfal minn pajjiżi barranin jingħatawx xi forma ta’ sussidju sabiex ikunu jistgħu jadottaw? Jekk le, jista’ jikkunsidra li jagħti xi forma ta’ sussidju lil dawn il-koppji peress li l-ispiża globali tista’ tammonda għal eluf kbar ta’ euro?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li koppji Maltin li jaddottaw tfal minn pajjiżi barranin għandhom l-għażla li jinqdew mill-Aġenzija Appoġġ li toffri s-servizz mingħajr ħlas. Għaldaqstant, jekk jagħżlu din l-Aġenzija, it-taħriġ li jingħata lill-koppji prospettivi, l-Home Study Reports u l-Post Adoption Reports isiru b’xejn.
Barra minn hekk ġentituri prospettivi jingħataw tilqim b’xejn jekk ikollhom bżonn isiefru ġo xi pajjiż fejn ikun meħtieġ li jingħata xi tilqim.
Servizzi oħra li jingħataw mingħajr ħlas huma xi testijiet mediċi u l-ispejjeż tal-
appostille
għall-awtentikazzjoni tad-dokumenti.
Minn din is-sena persuni li jaddottaw qed jingħataw il-maternity leave daqs li kieku welldu lit-tfal huma.
Awtorità tad-Djar – strateġija ġdida dwar il-qasam tad-djar
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15151, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija ġdida? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders konċernati u l-pubbliku inġenerali dwar din l-istrateġija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq din l-istrateġija tlesta fit-23 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll saret konsultazzjoni mal-istakeholders ikkonċernati. Il-feedback tal-pubbliku ġie meħud in konsiderazzjoni permess ta’ laqgħat mal-ħaddiema tal-customer care li jisimgħu l-ilmenti tal-pubbliku kuljum.
Jista’ l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadha ma rċeviet l-ebda risposta rigward ir-reviżjoni tal-Pensjoni tal-Invalidità tagħha meta jirriżulta li l-evidenza meħtieġa ġiet provduta lid-Dipartiment fil-15 ta’ Jannar 2015? Jista’ jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien u meta l-persuna konċernata se tkun qed tirċievi r-risposta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtha għal Mistqosija Parlamentari numru 15143, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kontra dak li qed jingħad fil-mistoqsija ta’ issa, kien id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li fl-14 ta’ Jannar 2015 bagħat ittra lill-persuna msemmija biex tipprovdi l-evidenza medika, liema evidienza medika waslet lura fid-Dipartiment mill-benefiċjarja fit-2 ta’ Marzu 2015. Il-każ issa qiegħed għand it-tobba għall-evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew adottati tfal mill-Islovakkja mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jgħid x’inhu l-perjodu ta’ żmien li koppji Maltin eliġġibli sabiex jaddottaw iridu jistennew sabiex jirnexxielhom jadottaw tfal mill-Islovakkja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Memorandum of Understanding ġie ffinaliżżat fit-8 ta’ Awwissu 2014, u għaldaqstant minn din id-data sallum it-23 ta’ Marzu 2015, ma ġew addottati l-ebda tfal mill-Islovakkja.
Rigward it-tieni domanda, m’hemm l-ebda perjodu ta’ żmien li koppji Maltin iridu jistennew sabiex jaddottaw. Intant il-Konvenzjoni tal-Ajja titlob li ma jkunx hemm dewmien li mhux neċessarju. Sabiex issir addozzjoni irid ikum hemm tfal li huma liberi li jiġu addottati. Jekk ma jkun hemm l-ebda tfal li l-awtoritajiet fl-Islovakkja jiddeterminaw li għandhom ikunu addottati minn persuni f’Malta allura tali Maltin jkollhom jistennew sakemm jinstabu tali tfal.
Ftehim bejn Gvern Malti u Gvern Slovakk – adozzjoni ta’ tfal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern huwiex qed jaffaċċja problemi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim milħuq bejn dan il-Gvern u l-Gvern tal-Islovakkja dwar l-adozzjoni ta’ tfal? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-problemi u x’qed jagħmel il-Gvern sabiex isolvi dawn il-problemi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward adozzjonijiet mill-Islovakkja, l-Awtorita’ Ċentrali f’Malta mhix taffaċċja problemi. Sa issa qatt ma ntbagħtet xi applikazzjoni lill-Islovakkja fejn a priori din ġiet rrifjutata u sadanittant hemm applikazzjoni li waslet fi stadju avvanzat sabiex jiġi adottat l-ewwel minuri Slovakk minn ġenituri f’Malta.
Irid jiġi nnotat li huwa kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Ajja dwar l-Addozzjonijiet Internazzjonali li Stat jagħmel xi forma ta’ pressjoni fuq Stat ieħor sabiex jitħaffef il-proċess ta’ addozzjoni, partikolarment sabiex jinqabżu ċerti proċeduri jew sabiex it-tfal li huma fil-bżonn jintbagħtu lejn pajjiż partikolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx limitu fl-età tat-tfal li jistgħu jiġu adottati minn koppji Maltin mill-Islovakkja? Jista’ jgħid kemm iridu jkollhom żmien it-tfal li jistgħu jiġu adottati u jekk hemmx restrizzjonjiet għaliex hemm dawn ir-restrizzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-Memorandum of Understanding (MOU) li ġie ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi, m’hemmx restrizzjoni fuq l-eta’ tat-tfal li jistgħu jiġu addottati.
Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellent illi restrizzjonijiet speċifiċi m’hemmx fil-
Memorandum Of Uunderstanding
li ġie ffirmat imma kull addozzjoni ssir fuq bażi individwali u l-awtoritajiet fl-Islovakkja għandhom diskrezzjoni kbira f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14671 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11259, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aktar żviluppi u x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet imsemmija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju qegħdin jiġu esplorati numru ta’ proposti u proġetti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13810 u jgħid jekk hemmx konflitt ta’ interess bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u xi kuntratturi minħabba xi xogħlijiet li huwa ġie imqabbad jagħmel? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mingħand l-entitajiet jew awtoritajiet finanzjarji biex juri li l-kap eżekuttiv preżenti ma għandu l-ebda shares jew rabtiet finanzjarji, kummerċjali jew oħrajn ma’ kuntratturi jew oħrajn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’hemmx konflitt ta’ interess bejn il-kuntratturi u x-xogħol tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.
L-Onorevoli membru għanda l-liberta kollha li taċċessa d-dokumenti mitluba tiegħu u ta’ kull min trid għax dawn jinstabu għall-iskrutinju pubbliku fil-website tal-MFSA.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12584, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda tal-Gvern fil-baġit għas-sena 2014 li l-Gvern jestendi s-servizz tal-Home Help saritx?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lis-Servizz tal-Home Help ġie estiż kif fil-fatt juru dawn l-istatistiċi: f’Diċembru 2013 kienu qed jingħataw 6,800 siegħa servizz ta’ Home Help fil-ġimgħa lil 2,680 benefiċjarji u bħalissa qed jingħataw 7,245 siegħa servizz tal-Home Help fil-ġimgħa lil 2,712-il benefiċjarju.
Sabiex inkomplu nestendu dan is-servizz għall-benefiċċju tal-komunità id-dipartiment se joħroġ iġdid li diġà ġie sotttomessa lid-Dipartiment tal-Kuntratti u qiegħed fil-proċess biex jinħareġ.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14521, jirriżulta li sa issa, l-Awtorità tad-Djar għadha ma kkonkludiet l-ebda waħda mill-418 applikazzjoni valida li saret fis-sena 2014? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kawża ta’ dan id-dewmien u għaliex l-applikanti mhumiex qed ikunu infurmati f’liema stadju waslet l-applikazzjoni tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuntrarju ta’ kif ingħad fil-mistoqsija, l-Awtorità tad-Djar ipproċessat 214 applikazzjoni kif jidher hawn taħt:-
- 89 ma ġewx aċċettati
- 35 kienu irtirati mill-applikanti
- 90 jinsabu fil-proċess ta’ konvenju/kuntratt
Matul is-sena 2014 ġew proċessati ukoll 169 applikazzjoni oħra li kienu pendenti saħansitra mill-2011.
Oltre dan, l-Awtorità tad-Djar qegħda tiproċessa 328 applikazzjoni oħra. Dan il-proċess jinkludi kejl ta’ proprjetà, stennija ta’ permessi meħtieġa mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għal bejgħ ta’ din il-proprjetà imbagħad hemm il-proċess biex isir l-ewwel il-konvenju u wara jsir il-kuntratt.
Peress li l-proprjetà li tista’ tiġi akkwistata mill-inkwilini hija fil-maġġor parti proprjetà tal-Gvern, l-Awtorità tad-Djar trid takkwista il-permessi meħtieġa mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern kif ukoll irid isir il-proċess fejn l-art li hemm mibni fuqha il-proprjetà tgħaddi mill-Gvern għal għand l-Awtorità permezz ta’ Avviż Legali.
Kull applikant li jistaqsi lill-Awtorità fiex waslet l-applikazzjoni tiegħu taħt kull skema inkluża Sir Sid Darek, jingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni taħt l-Iskema Sir Sid Darek bin-numru ta’ referenza li qed jingħata separatament? Jista’ jagħti raġuni għaiex din l-applikazzjoni għadha ma ġietx ipproċessata u għaliex għadhom ma ntalbux jersqu għall-kuntratt?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-applikazzjoni li n-numru tagħha ngħata separatament qegħdin jiġu kkumpilati u fil-jiem li ġejjin l-Awtorità tad-Djar se tinforma lill-applikant bil-prezz tal-appartament mikri lilu mill-Gvern sabiex dan jara jekk jixtieqx jipproċedi bix-xiri tal-fond mingħand l-Awtorità tad-Djar.
Awtorità tad-Djar – strateġija ġdida dwar il-qasam tal- housing
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14520, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità tad-Djar fassalx u lestiex l-istrateġija ġdida fuq il-qasam tal-housing kif ġie mwiegħed mill-Ministru ta’ qabel fis-sena 2013? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-istrateġija ġdida?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq din l-istrateġija tlesta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm liċenzji li qed jiġu pproċessati bħalissa mid-Dipartiment għas-Saħħa għal ftuħ ta’ spiżeriji ġodda? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet jinsabu u jgħid ukoll kemm ilhom pendenti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm sebgħa’ (7) applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati għal ftuħ ta’ spizeriji ġodda.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14672 u jgħid kemm-il persuna użat is-servizz tas-Sexual Assault Response Team (S.A.R.T.) li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul dan il-unit u x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' dan il-unit?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għamlu użu mis-servizz tas-Sexual Assault Response Team (S.A.R.T.), mit-twaqqif tiegħu, jammontaw għal 27. Il-Unit huwa riżultat ta’ partnership bejn tlett Ministeri – il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u l-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa. Is-servizzi offruti permezz tas- S.A.R.T. huma fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14675, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-ċentri/skejjel fil-lokalità tal-Ħamrun li jagħtu s-servizz ta’ Klabb 3-16 lid-19-il istudent li jattendu l-Klabb 3-16?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskola li tagħti s-servizz ta' Klabb 3-16 ġewwa l-Ħamrun hija:
Dun Ġorġ Preca Primarja ‘C’
Triq Ġuże’ Pace,
Ħamrun HMR 1032