Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – impjegati – proċeduri dixxiplinarji

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16391, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sebgħa mit-tmien każijiet rigward assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni ngħataw kastig, filwaqt li ma ttieħdu l-ebda passi dixxiplinarji kontra l-persuna indikata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16656? Jista’ jgħid x’inhi d-differenza fil-każijiet imsemmija u għaliex l-Awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul imxew b’mod differenti bil-konsegwenza li ġiet aġevolata l-persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16656?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inforamzzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — kwotazzjoni tal-Iskema Sir Sid Darek - online

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix il-fakultà li mill-website tal-Awtorita tad-Djar titlob kwotazzjoni online rigward l-iskema Sir Sid Darek? Jekk le, jista' jgħid meta waqaf dan is-servizz? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dan is-servizz m'għadux disponibbli fuq il-website? Ma jħossx li dan imur kontra l-wegħda li għamel dan il-Gvern li jrażżan il-burokrazija u jżid it-transparenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi dan is-servizz ta’ kwotazzjonijiet online rigward l-iskema Sir Sid Darek kien disponibbli taħt l-iskema Sir Sid Darek 2013. F’din l-iskema kien ġie stabbilit prezz fiss għal kull appartament skont in-numru ta’ kmamar tas-sodda u l-lokalita’. B’hekk il-prezz ta’ appartament bi tlett 3 ikmamar tas-sodda b’daqs ta’ 105m² u ieħor ta’ 155m² kien l-istess. Din l-iskema kienet ingħalqet fil-5 ta’ Lulju 2013 minħabba diversi raġunijiet, fosthom din id-diskrepanza u l-inġustizzja li toħloq bejn l-inkwilini. Fl-iskema Sir Sid Darek 2014, li infetħet fil-21 ta’ Frar 2014, il-mekkaniżmu stabbilit huwa aktar ġust u preċiż, u l-prezz jinħadem wara li ssir spezzjoni fejn jiġi stabbilit id-daqs tal-post, il-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll fatturi oħra li jvarjaw minn post għal ieħor. Għaldaqshekk, mhux possibli, taħt l-iskema li ġiet introdotta fl-2014, li l-inkwilini jiksbu stima, u aktar minn hekk tkun provduta online, qabel ma ssir l-ispezzjoni u jittieħed il-kejl tal-post.

Il-Belt Valletta — Awtorità tad-Djar - djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar li jinsabu fil-Belt Valleta bidlet l-inkwilin? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar? Jista’ jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar votja li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar u li jinsabu fil-Belt Valletta issa ġew mgħoddija lill-applikanti? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inforamzzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – sejħiet interni għal postijiet vakanti

Question

Apparti t-23 sejħa interna msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13805, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aktar sejħiet interni fl-Awtorità tad-Djar? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien in-numru ta’ dawn is-sejħiet interni, għal liema post ħarġu dawn is-sejħiet interni u fiex wasal dan il-proċess tal-għażla?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar ħarġet 2 sejħiet interni apparti t-23 sejħa interna msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13805. Iż-żewġ sejħiet jikkonċernaw pożizzjoni ta’ Coordinator Technical Services u dik ta’ Coordinator Repairs and Maintenance. Fil-preżent għaddej l-proċess tal-għażla.

Persuni b'diżabilità — Independent Living Fund

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16450 u jgħid kemm ibbenefikaw persuni mill-fond Independent Living għall-persuni b'diżabilità fis-snin 2013, 2014 u 2015 sal-lum? Jista' jgħid kemm kien hemm allokati fondi għal dan il-fond fis-snin 2013 u 2014 separatament minn xulxin u kemm ġew allokati fondi għas-sena 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellanta lli mill-fond Independent Living għall-persuni b’diżabilita, ibbenefikaw 52 persuna; imqassma kif ġej: Dwar l-allokazzjoni tal-fondi, għas-sena 2013 ġew allokati €380,000, għas-sena 2014 kienu allokati €450,000, filwaqt li fis-sena 2015 kien hemm €450,000 fondi allokati. Dawn il-figuri jirriżultaw mill-estimi finanzjarji.

Dar tal-Anzjani — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16346 u jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex ikun rikoverat f'dar tal-anzjani? Tista’ din l-applikazzjoni tingħata preċedenza peress li l-applikant huwa persuna nieqsa mid-dawl u tgħix waħedha? Peress li l-applikant ilu li applika sentejn, jista' jgħid ukoll għaliex għadu qed jistenna li jiġi rikoverat meta l-każ ċertament jimmerita prijorità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal każi kollha li japplikaw għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani, dan il-każ segwa il-proċess ta’ assessment multidixxiplinarju. Id-deċiżjoni dwar prijorita u urġenza tkun ibbażata fuq kriterji (mediċi u soċjali) u tittieħed mit-tim multidixxiplinarju, skont il-mertu tal-każ.

Tfal f’out of home care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx tfal f’out of home care li huma aħwa u jinsabu mifrudin minn xulxin? Jekk iva, jista’ jgħid x’etajiet għandhom dawn it-tfal? Jista’ jgħid jekk kienx hemm aħwa li kienu flimkien iżda wara ġew mifruda minn xulxin? Jista’ jagħti r-raġuni għaliex dawn ġew mifruda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa impenjat, li fejn huwa possibli l-aħwa jinżammu flimkien. Kien għal dan il-għan li f’Ottubru 2013 infetħet s-Siblings Home bil-mottiv li tilqa’ fiha aħwa li jkunu taħt Ordni ta’ Ħarsien. Apparti minn hekk, f’kull ftehim bejn il-Ministeru u entitajiet li jipprovdu ħarsien fi djar residenzjali, qed ikun inkluż rekwiżit li kemm jista’ jkun l-aħwa jingħataw priorità sabiex jgħixu flimkien. Diversi foster carers qed jiġu mitluba wkoll sabiex fejn ikun possibli jaċċettaw li jindukraw aħwa minuri. Dawn l-inizjattivi huma kollha parti mill-impenn tal-Gvern biex itejjeb is-sistema ta’ ħarsien residenzjali għat-tfal u jiffaċilita’ l-opportunitajiet li l-aħwa jitrabbew flimkien. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-ammont ta’ aħwa li preżentament mhumiex jgħixu flimkien u tagħti wkoll ir-raġuni għal dan.

Qorti ta’ Malta u Għawdex – każijiet riferuti lill-avukati tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet riferuti lill-avukati tat-tfal fis-snin 2013 u 2014 separatament minn xulxin fil-Qorti ta’ Malta u ta’ Għawdex? Jista’ jgħid kemm ġew riferuti każijiet lil kull avukat separatament fis-snin imsemmija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali, hekk kif hija l-Qorti li tappunta l-Avukat tat-Tfal.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għal Triq il-Kbira, San Ġużepp

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16447, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tielet sejħa għall-offerti għalqitx? Kemm intefgħu offerti u min huma l-entitajiet/kumpaniji li tefgħu din l-offerta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għalqet u fil-fatt qegħda fl-istadju t’evalwazzjoni. Ninsab infurmat li ntefgħu tliet offerti minn dawn il-kumpaniji: - Schembri Barbros - Northwind Investments - V & C Contractors

Residenza San Vinċenz de Paul – impjegati – proċeduri dixxiplinarji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16391, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-kastig u/jew penali li weħlet kull persuna li nstabet ħatja tal-akkuża jew akkużi magħmula fil-konfront tagħhom kif imsemmija fir-risposta tal-Ministru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16391, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-penali li weħlet kull persuna li nstabet ħatja tal-akkuża jew akkużi magħmula fil-konfront tagħhom huma mqassma kif ġej: · Mit-8 każijiet rigward assenza mingħajr awtorizzazzjoni, 7 ingħataw twissija bil-miktub, waqt li wieħed skolpa ruħu; · każ wieħed rigward dikjarazzjoni falza u abbuż mill-attendenza nbidel fi twissija verbali; · każ wieħed rigward nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ kontroll u superviżjoni xierqa – il-persuna skolpa ruhu; · każ wieħed li jinvolvi arroganza lejn uffiċjali pubbliċi u assenza mingħajr awtorizzazzjoni spiċċa f’sospensjoni ta’ ġurnata xogħol; · każ wieħed li jinvolvi nuqqas ta’ dmir spiċċa f’sospensjoni ta’ 5 ijiem xogħol; · każ wieħed li jinvolvi arroganza, u charges oħra fejn l-individwu ikkonċernat naqas li jilbes tag u irrifjuta li jagħti ismu ngħata twissija bil-miktub; · każ wieħed rigward arroganza u diżubbidjenza – dan il-każ għadu pendenti u qiegħed fil-proċess biex jinstema’ quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku; · każ wieħed rigward imġieba aggressiva fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv spiċċa f’sospensjoni ta’ 5 ijiem xogħol; · każ wieħed rigward imġieba vjolenti fejn l-individwu saħansitra fera persuna – Dan il-każ deher quddiem il-Qorti, fejn ġie deċiż li l-individwu għandu jkun meħlus mill-akkuzi miġjuba kontrih; 3 każijiet ta’ negliġenza gravi waqt ix-xogħol - 2 minn dawn il-każijiet għadhom għaddejjin proċeduri dixxiplinarji interni waqt li l-każ l-ieħor għadu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

San Vinċenz De Paul – Waste Management Division — spezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-26 ta’ April 2015 saritx spezzjoni f’San Vinċenz De Paul fuq impjegati li jaħdmu mal-Waste Management Division? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu assenti mix-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni? Jista’ jgħid jekk itteħdux passi kontra dawn l-impjegati? Jista’ jgħid ukoll għaliex ma tteħdux passi kontra min instab li kien assenti minn fuq ix-xogħol, jekk dan huwa l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-26 ta’ April 2015 saret spezzjoni fuq impjegati li jaħdmu fis-sezzjoni tal-Waste Management Division, minn fejn irriżulta li kien hemm persuna waħda assenti. Il-persuna kkonċernata informa lil wieħed mill-kollegi fis-sezzjoni, bil-ħin li kien ser iqatta’ barra l-post tax-xogħol, u fil-fatt wara 45 minuta l-istess persuna reġgħet lura fuq il-post tax-xogħol. L-assentiżmu ġie irrekordjat fuq it-Temporary Absence Record Sheet, skont kif inhu stabbilit fil-Public Service Management Code. Għal din ir-raġuni, ma ttieħdu l-ebda passi ta’ dixxiplina kontra l-persuna ikkonċernata. Madanakollu, il-management immedjatament inforza miżura sabiex ikun hemm iżjed kontabbilita` u responsabbilta’ u li biha kull assenza minn fuq il-posta tax-xogħol għandha tkun ikkomunikata lis-supervisors tas-sezzjoni kkonċernata.

Il-Ħamrun — Persuni li jieħdu l-Pensjoni tal-Invalidità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm benefiċċjarji fil-Ħamrun li preżentement qegħdin jieħdu l-Pensjoni tal-Invalidità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ benefiċjarji fil-Ħamrun li preżentement qegħdin jieħdu l-Pensjoni tal-Invalidità huwa ta’ 94.

Il-Ħamrun — persuni li jieħdu pensjoni tal-Irtirar u Pensjoni tal-Età

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm benefiċċjarji fil-Ħamrun preżentement qegħdin jieħdu l-Pensjoni tal-Irtirar u l-Pensjoni tal-Età separatament minn xulxin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ benefiċċjarji fil-Ħamrun li preżentement qegħdin jieħdu l-Pensjoni tal-Irtirat u l-Pensjoni tal-Età, separatament minn xulxin, huwa ta’ 1,222 kif spjegat fit-tabella t’hawn taħt. Pensjoni tal-Eta' 254 Pensjoni tal-Irtirar 968 Total 1,222

Persuni li nqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nqabdet tabbuża mill-benefiċċji soċjali fis-sena 2014? Jista' jgħid x'kien l-ammont finanzjarju involut?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2014 inqabbdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali 592 persuna. L-ammont finanzjarju involut jammonta għal €3,831,983.

Awtorità tad-Djar — proċess tal-għażla - posts interni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċess tal-għażla għal diversi posts interni li huma miftuħin u li qegħdin isiru bħalissa fl-Awtorità ta' Djar? Jista' jgħid dawn ġewx konklużi? Jekk ġew konklużi, jista' jgħid min huma l-persuni magħżula? Jekk dan il-proċess għadu ma ġiex konkluż, jista' jgħid għaliex dan il-proċess qiegħed dejjem jittawwal u għadu għaddej?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-għażla għadu għaddej u għandu jiġi fi tmiemu fil-ġimgħat li ġejjin. Meta l-proċess tal-għażla jkun iffinalizzat, jitħabbru uffiċjalment l-ismijiet kollha ta' dawk magħżula.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għat-Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14669, jista' l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni tat-tender f'isem Transport Malta għall-upgrading fi Triq il-Kbira f'San Ġużepp il-Ħamrun tlestix? Jekk iva, jista' jgħid favur min ġiet aġġudikata din it-tender u meta se jibdew ix-xogħlijiet relattivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-evalwazzjoni li saret aktar kmieni din is-sena, irriżulta li l-bord tal-evalwazzjoni ma rrakkomandax l-għoti ta’ din l-offerta. Għaldaqstant, f’April ta’ din is-sena reġgħet ħarġet sejħa oħra, fejn ma ġew mitfugħa l-ebda offerti. Sussegwentament, ħarġet it-tielet sejħa għall-offerti fejn bħalissa qed tiġi evalwata.

Awtorità tad-Djar – strateġija ġdida dwar il-qasam tal-housing

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16268, jista' l-Ministru jgħid min huma l-istakeholders oħra minbarra l-Awtorità tad-Djar li ġew ikkonsultati sabiex isir ir-rapport dwar l-istrateġija l-ġdida dwar il-qasam tal-Housing? Jista' jgħid għaliex ma jridx jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-rapport fuq l-istrateġija l-ġdida tlesta fit-23 ta’ Diċembru 2013. L- Istakeholders involuti kienu l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, iċ- Chairperson u l-Membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorita’ tad-Djar, il-Kap Eżekuttiv, l-impjegati tal-Awtorita’ tad-Djar (inkluż ukoll dawk mis-Sezzjoni tal-Customer Care) u stakeholders oħra minn barra l-Awtorita’ tad-Djar.

Awtorità tad-Djar — applikazzjonijiet għall-stairlift

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjonijiet irċeviet l-Awtorità tad-Djar fi-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015 sal-lum separatament minn xulxin għall-stairlift fi djar privati? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu sena b'sena u kemm-il applikazzjoni għad hemm pendenti sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda tingħata fit-tabella t’hawn taħt: Applikazzjonijiet 2011 2012 2013 2014 2015 Irċevuti fis-sena 40 73 73 79 23 Aċċettati 33 59 57 66 10 Pendenti 0 0 0 3* 11 Invalidi/Kanċellati 7 14 16 10 2 *L-applikazzjoni tista tiġi proċessata ladarba l-applikant jissottmetti d-dokumenti mitluba mill-Awtorita’

Persuni b'diżabilità — fond Independent Living - fondi allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw persuni mill-fond Independent Living għall-persuni b'diżabilità fis-sena 2013, 2014 u 2015 sal-lum? Jista' jgħid kemm kien hemm allokati fondi għal dan il-fond fis-sena 2013 u 2014 separatament minn xulxin u kemm ġew allokati fondi għas-sena 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Proġetti finanzjati u ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti finanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea fis-sena 2013, 2014 u 2015 sal-lum? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn il-proġetti u t-tenders sottomessi rigward dan il-proġetti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn is-sena 2013 u Mejju 2015, ġew approvati 5 proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja li d-dettalji tagħhom jidhru kif elenkat hawn taħt: 3 proġetti ġew approvati mill-Fond Socjali Ewropew (ESF) b’ko-finanzjament ta’ 85% Fondi tal-Unjoni Ewropeja u 15% minn Fondi Nazzjonali. · ESF 3.234 - Leap! Building the future together, promoting social mobility li qed jiġi implimentat mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali b’valur ta’ €3 miljun · ESF 4.242- Capacity Building in care for the elderly and persons with Disability li qed qed jiġi implimentat mill-Ministeru għall-Famuilja u Solidarjeta Soċjali b’valur ta’ €325,938 · ESF 4.249 – Enhancing human capital in the regulation of Social Care li qed jiġi implimentat mid-Dipartiment għall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali (il- grant agreement għadu ma ġiex iffirmat, pero d- Dipartiment ghall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali kien applika għal total ta’ €372,923) 2 proġetti ġew approvati mill-Programm PROGRESS b’ko-finanzjament ta’ 80% Fondi tal-Unjoni Ewropeja u 20% minn Fondi Nazzjonali. · JUST/2012/PROG/AG/3715 – Fuq tlieta toqgħod il-borma: Partcipazzjoni, Inklużjoni, Aċċessibilita’ . Dan kien proġett implimentat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ b’valur ta’ €125,000 · JUST/2013/PROG/AG/4964 – Promoting the direct voice of disabled persons. Dan kien proġett implimentat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ b’valur ta’ €140,000.