Legislature:
Category:
Reset
Active:

Romol – Pensjoni tal-Irtirar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17231 u jgħid kemm huma dawk ir-romol li, għalkemm għandhom id-dritt għall-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom, minflok għażlu u qegħdin jieħdu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi bħalissa hemm 16,196 persuna li tirċievi pensjoni tar-romol, li minnhom 982 kellhom pensjoni tal-irtirar qabel ma bdew jirċievu l-pensjoni tar-romol. Dawn il-kważi elf (982) persuna ma jinkludux romol li meta romlu, kienu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar, u li seta’ ikollhom ukoll pensjoni tagħhom kieku ma romlux. Dan in-numru ma jistax ikun magħruf b’ċertezza. Mhux possibbli lanqas li nkunu nafu kemm hu l-ammont ta’ pensjoni li kieku jieħdu llum bħala pensjoni tal-irtirar, u għaldaqstant mhux possibbli nkunu nafu l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward, għax għal kull każ ikun irid isir assessjar tiegħu b’mod individwali skont il-medja ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati u s-salarji li fuqhom tinħadem il-pensjoni.

Sheltered Employment Training Project – applikazzjonijiet minn persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn persuni bi bżonnijiet speċjali sabiex jieħdu sehem fix-Sheltered Employment Training Project? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew imsejħa sabiex jieħdu sehem? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ applikanti fuq il-lista ta’ stennija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema proġett qiegħda tirreferi.

Sheltered Employment Training Project – kumpaniji privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-kumpaniji privati li qed jieħdu sehem fix-Sheltered Employment Training Project u li attwalment għandhom persuni b’diżabilità jaħdmu fil-kumpaniji tagħhom taħt dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema proġett qiegħda tirreferi.

Residenza San Vinċenz de Paul – Fondi allokati mill-Gvern għal taħriġ fil-kura tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi li ġew allokati mill-Gvern għaċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-kura tal-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-fondi qed jiġu ffinanzjati mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’kollox ġew allokati €391,828, li 85% minnhom ġew allokati mill-fondi tal-UE għaċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-kura tal-anzjani fir-Residenza San Vinċenz.

Residenza San Vinċenz de Paul – Ċentru ta’ Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sezzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul qiegħed iċ-Ċentru ta’ Taħriġ? Jista’ jgħid jekk dan iċ-Ċentru huwiex allokat f’parti mill-Active Ageing Section li qabel kienet magħrufa bħala l-Entertainment Section?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi ċ-Ċentru ta’ Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paul jinsab wara t-teatru ta’ San Vincenż. Iċ-Ċentru, li kien fi stat ta’ abbandun, u li minnu kull ma kienu qegħdin jiġu użati kienu biss żewġt ikmamar bħala dressing rooms, ikopri żewġ sulari. Is-sezzjoni tal-Anzjanita’ Attiva topera minn parti differenti, jew aħjar minn quddiem it-teatru tar-Residenza, u tieħu ħsieb li torganizza diversi attivitajiet kemm ġewwa kif ukoll barra r-residenza.

Persuni b'diżabilità — ħrieqi

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga għaliex persuni b’diżabilità mhux qed jingħataw ħrieqi? Jista’ jagħti spjegazzjoni u jara li din il-problema tiġi ri¿olta immedjatament peress li dan in-nuqqas qed jikkaġuna inkonvenjent kbir lill-persuni b’diżabilità? kbir?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ebda ħin ma kien hemm ħrieqi out of stock, jew persuni b’di¿abbilita mingħajr provista ta’ ħrieqi. Minħabba d-domanda sostanzjali li kien hemm dan ix-xahar, ingħataw ħrieqi ta’ ditta oħra wkoll.

Residenza San Vinċenz de Paul – CEO – prattika professjonali

Question

Peress li skont promozzjoni stampata riprodotta wkoll fuq l-internet, is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul għandha prattika professjonali privata mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:30 am sas-7:00 pm, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet uffiċjali li s-CEO tiddedika għar-rwol tagħha bħala CEO għal liema kariga hija qed titħallas aktar minn €68,000 apparti perkaċċi oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-informazzjoni fuq il-paġna elettronika msemmija hija waħda mhux aġġornata u għaldaqstant skoretta. Il-ħinijiet indikati, kif miġjub fil-promozzjoni stampata, kif qed jiġi indikat fil-Mistoqsija Parlamentari, huma ta’ qabel il-ħatra tagħha bħala Kap Eżekuttiv. Ir-riżultati miksuba fir-Residenza, b’rekord ta’ proġetti miksuba, huma prova ċara tal-ħidma li qiegħda issir.

Residenza San Vinċenz de Paul – CEO – permess għax-xogħol privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul għandhiex il-permess mis-Segretarju Permanenti sabiex tagħmel xogħol privat u dan skont paragrafu 7.4.2.1 tal-Public Service Management Code?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għa-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17327.

Residenza San Vinċenz de Paul – awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-parametri tal-awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti sabiex is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet li s-CEO ingħatat permess biex tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid x’miżuri ħa sabiex jara li ma jkun hemm ebda konflitt ta’ interess skont paragrafu 7.4.1 tal-Public Service Management Code?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-parametri tal-awtorizzazzjoni tas-Segretarju Permanenti huma f'konformita ma' kif stipulat fil-Public Service Management Code.

Awtorità tad-Djar — konvenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex konvenji ffirmati iżda li mhumiex irreġistrati mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni u allura hemm riskju li l-first time buyers jibbenefikaw mill-estensjoni ta’ ħlas ta’ bolla skont Avviż Legali 393/2013? Jista’ jgħid jekk dawn il-first time buyers intalbux biex jerġgħu jiffirmaw konvenju ieħor sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-Avviż Legali? Jista’ jgħid kemm huma l-applikanti li ġew infurmati biex jerġgħu jersqu għall-konvenju u kemm minnhom resqu għal dawn il-konvenji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex konvenji ffirmati u li mhumiex irreġistrati mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Kien hemm b’kollox total ta’ 76 applikant first time buyers, li erġajna sejjaħnilhom biex jiġu jiffirmaw il-konvenju sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-Avviż Legali 393/2013. Dawn is-76 applikant iffirmaw il-konvenju tagħhom sal-25 ta’ Ġunju 2015.

Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16388, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mill-Procurement Officer tar-Residenza San Vinċenz de Paul li nħatar f’position of trust? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dan il-procurement officer fir-rwol li qed jokkupa llum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – impjegati – proċeduri dixxiplinarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16902 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16391, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sebgħa mit-tmien każijiet rigward assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni ngħataw kastig, filwaqt li ma ttieħdu l-ebda passi dixxiplinarji kontra l-persuna indikata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16656? Jista’ jgħid x’inhi d-differenza fil-każijiet imsemmija u għaliex l-Awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul imxew b’mod differenti bil-konsegwenza li ġiet aġevolata l-persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16656?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għaliex il-persuna kkonċernata ma ttieħdu ebda passi kontriha hija li, kif diġa informajt lill-Onor. Interpellant, il-persuna nfurmat lill-kollega tas-sezzjoni qabel kienet assenti mill-post tax-xogħol, fl-istess waqt li hija ukoll kienet koperta bit-temporary absence record sheet. Mill-banda l-oħra, l-persuni kkonċernati li referenza għalihom qed issir fil-mistoqsija parlamentari 16391, ġew mgħotija kastig għaliex bid-differenza għall-mod ta’ kif imxiet il-persuna imsemmiha hawn fuq, dawn is-7 persuni ma kienu infurmaw lill-ħadd li se jassentu ruħhom temporanjament u anqas kienu koperti bit-temporary absence record sheet.

Il-Belt Valletta — Awtorità tad-Djar - djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16979 u jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar li jinsabu fil-Belt Valleta bidlet l-inkwilin? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar? Jista’ jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar vojta li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar u li jinsabu fil-Belt Valletta issa ġew mgħoddija lill-applikanti? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-15 ta’ Ġunju 2015, kienu 3 l-appartamenti li jaqgħu taħt l-Awtorita’ tad-Djar li jinsabu ġewwa l-Belt Valletta u li bidlu l-inkwilin. In-numru ta’ appartamenti li jaqgħu taħt l-Awtorita’ tad-Djar fil-Belt Valletta u li ġew mgħoddija lill-applikanti kien ukoll ta’ 3. Id-dettalji tal-postijiet ikkonċernati tista’ issir referenza għalihom fit-tabella t’hawn taħt: INDIRIZZ TAL-APPARTAMENT RAĠUNI L-Appartamenti li sarilhom tibdil fl-inkwilin TRIQ SAN NIKOLA VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN MA INKWILIN IEHOR TRIQ IL-MERKANTI VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN PERMEZZ TA’ RIKONOXXIMENT TRIQ IL-MERKANTI VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN PERMEZZ TA’ RIKONOXXMENT L-Appartamenti li ġew mgħoddija lill-Applikanti TRIQ SANT’URSOLA VALLETTA ALLOKAZZJONI TRIQ SANT' URSOLA VALLETTA ALLOKAZZJONI TRIQ IR-REPUBBLIKA VALLETTA ALLOKAZZJONI

Romol – persuni tal-Irtirar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-romol li, għalkemm għandhom id-dritt għall-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom, għażlu minflok u qegħdin jieħdu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Hon. Interpelant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghal daqs tant it-twegibha tinghata f'seduta ohra.

Pensjonanti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16788, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-pensjonanti li jirċievu anqas minn €500 għandhom bejn 60 u 75 sena u kemm minnhom għandhom ’il fuq minn 76 sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella iżjed t’hawn isfel: Tip ta' Pensjoni Età Pensjonanti -60 60 -75 76+ Total Pensjoni Kontributorja 1,343 5,462 1,273 8,078 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz) * 154 6,302 774 7,230 Pensjoni Kontributorja (RA) ** 167 1,002 471 1,640 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz u RA) *** 2 113 324 439 Pensjoni Kontributorja u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 446 175 621 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz ) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 0 2 2 Pensjoni Kontributorja (RA) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 61 24 85 Pensjoni Mhux Kontributorja 0 2,883 1,243 4,126 Total 1,666 16,269 4,286 22,221

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul ma ħadet ebda passi dixxiplinarji kontra impjegat li jaħdem bħala general hand li kien ilu għal diversi xhur jokkupa binja ħdejn il-kamra mortwarja tar-Residenza San Vinċenz de Paul u dan mingħajr ebda permess jew awtorizzazzjoni? Jista’ jgħid meta s-CEO saret taf b’dan l-abbuż u x’passi immedjati ħadet biex jieqaf dan l-abbuż? Jista’ jgħid meta waqaf dan l-abbuż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellanta, illi nhar it-3 ta’ April 2015, ic-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul, irceviet rapport li allegatament kien hemm xi forma ta irregolaritajiet f’kamra biswit il-kamra mortwarja. Immedjatament, ic-CEO talbet investigazzjoni minn fejn ħareġ li l-kamra inkwistjoni kienet attwalment qiegħda tintuża bħala ‘staff room’ mill-ħaddiema tal-kamra mortwarja, l-ħaddiema tat-tindif u l-ġardinara, li lkoll kemm huma jaqgħu taħt l-istess sezzjoni. Fit-tfittxija li saret, instabu diversi oġġetti, li xi uħud minnhom kienu jappartjenu għall-ħaddiema li ma għadhomx jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz, kif ukoll oġġetti personali li ma kienux permessi li jinġiebu mill-impjegati tar-Residenza San Vinċenz. Meta l-persuna imsemmija fil-grad ta’ general hand , fil-mistoqija parlamentari kien infurmat li tali aġir ma kienx permess u xieraq, il-persuna skużat ruħha u indikat li ma kinitx taf li tali aġir ma setgħax isir. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata ngħatat ‘verbal warning’, u dan wara li ttieħdet inkonsiderazzjoni li din kienet l-ewwel ommissjoni perpetwata mill-persuna u għaldaqhekk ġie ordnat sabiex jiżgombra u jnaddaf il-kamra msemmija. Sat-12 ta’ April 2015, il-persuna kkonċernata neħħiet l-oġġetti personali tagħha mill-post li kienet qed tokkupa.

Applikazzjoni għal lift rifjutata

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għal lift, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex it-talba ġiet rifjutata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ lift fil-blokk imsemmi ma ġietx approvata minħabba nuqqas ta’ spazju biżżejjed fit-tromba tat-taraġ li hemm komuni. Għalkemm hemm possibilta’ li jsir lift fuq barra, u dan ikun possibli billi tittieħed parti mill-ġnien ta’ wara ta’ tnejn mill-appartamenti li hemm fil-pjan terran, instab li dan ma kienx prattiku minħabba oġġezzjoni mir-residenti fl-istess appartamenti biex tkun tista’ tittieħed parti mill-ġnien għal dan il-għan. Anke jekk il-lift isir minn naħa ta’ barra kif propost, xorta ma jkunx direttament aċċessibbli mill-appartamenti hekk kif b’dan il-mod ikun jista’ jieqaf biss fuq indana ‘l isfel jew ‘il fuq mill-bibien tal-appartamenti.

Applikazzjoni għal lift

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għal lift, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bitħa fuq wara tal-appartament numru 1 hijiex proprjetà tal-Awtorità tad-Djar jew ta’ terzi? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hijiex proprjetarja tal-bitħa fuq wara tal-appartament numru 2? Jekk is-sidien ta’ dawn il-btieħi huma terzi persuni, jista’ jgħid jekk saritx xi talba minn dawn il-proprjetarji għal kumpens in kambju tal-porzjon ta’ art li tista’ tittieħed mill-Awtorità tad-Djar sabiex ikun jista’ jiġi stallat il-lift? Jekk din it-talba ma saritx mill-proprjetarji, jista’ jikkunsidra li jagħti dan il-kumpens sabiex dan il-lift jkun jista’ jiġi stallat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dwar il-binja msemmija, l-Awtorita’ tad-Djar tikkonferma li, Appartament Nru. 1 flimkien mal-bitħa fuq wara huwa ta’ terzi, filwaqt li Appartament Nru. 2 u l-bitħa fuq wara għadhom propjeta’ tal-Gvern li se tiġi trasferita lill-Awtorita’ tad-Djar fi żmien qasir. Kemm is-sid t’Appartament Nru. 1 kif ukoll l-inkwilin t’Appartament Nru. 2 oġġezzjonaw li tittieħed parti mill-bitħa biex isir il-lift, u fl-istess ħin l-Awtorita’ tikkonferma li ma saret l-ebda talba għal kumpens. M’hijiex il-policy tal-Awtorita’ tad-Djar li tittieħed b’mod sforzat propjeta’ li tkun mibjugħa jew mikrija lil terzi okkupanti tal-istess blokka.

EU Food Aid Programme – it-tieni sejħa

Question

B’referenza għall-press release numru 15330 rigward l-EU Food Aid Programme, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ħariġx it-tieni sejħa meta l-ewwel sejħa ħarġet fit-28 ta’ Novembru 2014? Jista’ jgħid għaliex dan il-Gvern għadu ma ħariġx it-tieni sejħa meta għaddew diġà seba’ xhur mill-ħruġ tal-ewwel waħda? Ma jaħsibx li dan il-proċess miexi bil-mod wisq meta fit-23 ta’ Frar li għadda, fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14673, il-Gvern ma għamel l-ebda aċċenn li kien hemm problemi fl-ewwel sejħa iżda ddikjara li l-proċess għadu għaddej?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda problema fl-ewwel sejħa li ħarġet kemm fil-każ tat-tender għal fornitura, pakkeġġar u distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel, kif ukoll fil-każ tas-sejħa għal partner organisation/s biex iqassmu l-ikel lil dawk il-familji li huma ntitolati jirċievuh. Dawn inħarġu fil-ħin u ngħata ż-żmien rikjest mir-regolamenti rispettivi sabiex jiġu sottomessi offerti. Malli għalqu, beda l-proċess ta’ aġġudikazzjoni iżda ġara li ebda applikant ma kien teknikament konformi mar-rekwiżiti tas-sejħa kkonċernata u għaldaqstant dawn kellhom jiġu kkanċellati. Wara ingħata wkoll iż-żmien stipulat għad-dritt ta’ appell li, minħabba li huma tenders ta’ valur kbir u li allura ikunu miftuħa għal operaturi fl-Unjoni Ewropea kollha, huwa itwal. L-Onor. Interpellant għandha tapprezza li f’każijiet bħal dawn, hemm ċerti proċeduri li jridu jiġu osservati u li jitolbu wkoll ċertu termini ta’ żmien. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li dawn ir-rekwiżiti kollha ġew irrispettati u immedjatament ttieħdet l-azzjoni meħtieġa biex kemm it-tender tal-ikel kif ukoll is-sejħa għal partner organisation/s jiġu reveduti sabiex jerġgħu jinħarġu mill-aktar fis possibli. Huwa għalhekk ta’ dwejjaq il-fatt li l-Opposizzjoni qed tipprova tagħmel kapital politiku mingħajr raġuni ġustifikata minn materja li m’għandhiex tiġi ippolitiċizzata.