Residenza San Vinċenz de Paule – Ċentru għat-Taħriġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tħarrġet fiċ-Ċentru għat-Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paule minn meta ġie inawgurat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevli Interpellant, illi minn meta ġie inawgurat iċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-Faċilita’ għall-Kura fit-Tul fir-Residenza San Vinċenz de Paul, ġew mħarrġa 127 persuna.
Residenza San Vinċenz de Paule – awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17518 u 17519, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti sabiex is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule tkun tista’ tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid jekk jarax li s-CEO għandha kunflitt ta’ interess meta hija tipprattika x-xogħol professjoni tagħha filwaqt li hija wkoll is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi filwaq li s-C.E.O tar-Residenza San Vinċenz de Paule għandha l-approvazzjoni mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, wara talba li kienet għamlet hija stess. Din setgħet tagħmel dan skont il-Kuntratt li għandha mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali.
Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratt tal-kċina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-kuntratt tal-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule, peress li f’Mejju li għadda kien għadu qed jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-Kuntratti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-proċess ta' tender fuq il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule, għadu f'fażi fejn irid jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-kuntratti. Sadanittant, ġiet approvata l-applikazzjoni tal-MEPA għax-xogħlijiet.
Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratturi privati għall-ikel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jagħlaq il-kuntratt proviżorju li ngħata lill-kuntrattur privat sabiex jipprovdi l-ikel lill-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-kuntratt proviżorju li ngħata lill-kuntrattur privat sabiex jipprovdi l-ikel lill-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule jagħlaq fid-9 ta’ Jannar 2016.
Residenza San Vinċenz de Paule – xogħlijiet fuq il-kċina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru xi xogħlijiet fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid x’inhuma dawn ix-xogħlijiet li qed isiru jekk inhu l-każ, min qed jagħmel dawn ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew s’issa dawn ix-xogħlijiet? Jekk ebda xogħlijiet mhuma qed isiru, jista’ jgħid għaliex dan ix-xogħol għadu ma bediex, meta se jibda u min se jkun qed jagħmlu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi x-xogħlijiet fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule jibda meta jiġi aġġudikat it-tender relattiv.
Residenza San Vinċenz de Paule – rapporti dwar l-ikel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule ikkummissjonatx li jsir rapport u/jew survey indipendenti, dwar l-ikel li qed jingħata lir-residenti tar-Residenza San Vinċenz de Paule minn meta l-ikel mhuwiex qed isir fil-kċina tar-Residenza stess? Jista’ jgħid kemm-il rapport sar s’issa, minn min saru u kemm ġew jiswew? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn ir-rapporti u/jew surveys fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi skont kif inhu stipulat fil-kuntratt tax-xogħol, il-kuntrattur huwa obbligat li jipprovdi audit indipendenti wara sena ta’ operat. Bħalissa qegħda tinġabar l-informazzzjoni u kummenti oħra mingħand ir-residenti biex jitħejja dan ir-rapport.
Dan ix-xogħol ta’ surveys u awditjar isir b’mod regolari wkoll mill-Quality Assurance Team ta’ San Vincenz, permezz ta’ surprise checks fis-swali kif ukoll minn spezzjonijiet li jsiru fuq l-ikel ipprovdut mill-Catering Managers impjegati ma’ San Vinċenz. Il-kummenti, ilmenti u riżultati li joħorġu mill-awditjar, jiġu diskussi mal-kuntrattur biex ikun hemm titjib kontinwu fis-servizz provdut.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-menu tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paule għadux l-istess menu ġdid li kien ġie introdott fl-2014, ftit qabel ingħalqet il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-menu tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paule għadu l-istess menu li kien ġie introdott fl-2014, ftit qabel ma ngħalqet il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule. Il-menu huwa wieħed varjat, bil-kontenut jitbiddel ukoll perjodikament, sabiex ir-residenti ikollhom għażla varjata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li sal-lum qegħdin igawdu mis-servizz tal- Meals on Wheels? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li għandhom dan is-servizz lokalità b’lokalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi n-numru ta’ anzjani li sallum qegħdin igawdu mis-servizz tal-Meals on Wheels huwa ta' 344. It-tqassim skont il-lokalita' hu kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt :
Statistika ta' Lokalitajiet b'numru ta' Applikanti li jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels
ATTARD
14
MTARFA
2
BALZAN
10
NAXXAR
9
B'KARA
14
PAOLA
12
BIRŻEBBUĠIA
12
PACEVILLE
2
BORMLA
9
PIETA'
4
BUĠIBBA
5
QAWRA
1
DINGLI
3
QORMI
3
FGURA
11
RABAT
11
FLORIANA
4
SAN ĠWANN
17
GĦARGĦUR
1
SAN ĠILJAN
11
GWARDAMAĠIA
3
SANTA LUĊIJA
6
GUDJA
2
SAN PAWL IL-BAĦAR
8
GŻIRA
12
SANTA VENERA
3
ĦAMRUN
16
SLIEMA
38
ISLA
2
SWIEQI
6
KIRKOP
2
TARXIEN
4
LIJA
1
TA' XBIEX
3
LUQA
3
VALLETTA
13
MARSA
3
XGĦAJRA
2
MARSASKALA
3
ŻABBAR
14
MDINA
1
ŻEBBUĠ
0
MELLIEĦA
4
ŻEJTUN
6
MOSTA
19
ŻURRIEQ
1
MSIDA
14
TOTAL
344
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali — lista ta’ direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17639 u 17363 u jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Jannar li għadda sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Awtorità tad-Djar – passi kontra ko-proprjetarji – alterazzjonijiet strutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura tintuża mill-Awtorità tad-Djar u x’passi jittieħdu kontra ko-proprjetarji li jagħmlu alterazzjonijiet strutturali fil-proprjetà mixtrija mingħand l-Awtorità tad-Djar meta dawn huma projbiti milli jagħmlu dan mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar skont kif stipulat fil-kuntratti tal-akkwist tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn il-każijiet, l-Awtorita’ tad-Djar tagħmel ispezzjoni fil-proprjeta’ u jsir rapport. Jekk jirriżulta li saru alterazzjonijiet mhux aċċettabli jittieħdu passi legali. Jekk wara tlett xhur l-alterazzjonijiet ikunu għadhom ma tneħħewx tinfetaħ kawża ċivili.
Foundation for Social Welfare Services – position of trust
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17823, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawn il-persuni li ġew appuntati mill-Ministru fil-karigi msemmija u dan peress li naqas milli jirrispondi din il-parti tal-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandix aktar xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17823.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17824, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel il-Pulizija sabiex tassigura li r-residenti tal-madwar ikunu protetti u l-ambjent jibqa’ wieħed sikur?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li sabiex tassigura li r-residenti ta’ madwar Thouret House ikunu protetti u l-ambjent jibqa’ wieħed sikur il-Pulizija distrettwali qiegħda tagħmel ronda frekwenti ħdejn id-dar sabiex jiġi assigurat li jinżamm l-ordni pubbliku u ma jkun hemm ebda ksur ta' liġi.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17824, jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta’ PIRS No. 7/P/2125/2015 ma ttieħdet ebda azzjoni kriminali filwaqt li fil-każ ta’ PIRS No.7/P/2124/2015 ittieħdu passi kriminali?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dwar il-każ li jġib ir-referenza 7/P/2515/2015 (mhux 7/P/2125/2015) il-Pulizija kienet għadha m’għamlitx arranġamenti biex tipproċedi fil-Qorti minħabba li kienet għadha qed tistenna il-veduti tal-kwerelanti fuq dan il-każ. Fil-fatt wara li l-kwerelanti ma kkomunikawx iktar fuq dan il-każ, il-Pulizija ser tipproċedi għal-Qorti ukoll f’dan il-każ u f’każijiet oħra fil-futur fejn ikun hemm xi ksur tal-ligi.
Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) – approvazzjoni ta’ kirja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-sena 2010 il-Ministeru tiegħu kellux talba mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) għall-approvazzjoni ta’ kirja ta’ xi fond ġdid jew alternattiv bħala uffiċini tagħha? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ din il-binja, , inkluż l-indirzz tagħha fejn kien? Il-Ministeru tiegħu kien approva tali kirja annwali? Wara l-2010 (u qabel l-2013) l-Ministeru tiegħu kien ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-PSC tkun akkomodata f’binja fi Strada Rjali fil-Belt Valletta liema binja l-Gvern kien akkwistaha u li allura għaliha l-PSC ma kenitx se tħallas kera?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-2010 kienet saret talba lill-Ministeru tal-Finanzi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, sabiex jitkompla l-proċess li kellu iwassal għall-akkwist ta’ propjeta fi’ 52/53/54 Triq Melita, Valletta, biex isservi bħala uffiċini ghall-ammont ta’ kiri ta’ €100,000 fis-sena. Għalkemm il-Ministeru tal-Finanzi kien ħareġ l-approvazzjoni sabiex jitkompla l-proċess, jirriżulta li l-propjeta ma ġietx mikrija mill-Kummissjoni.
Minn wara l-2010 sa qabel l-2013, il-Ministeru tal-Finanzi ma hariġx approvazzjoni li permezz tagħha l-PSC tkun akkomodata f’xi binja oħra.
Public Service Commission — binja użata bħala uffiċini
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17687, jista’ l-Prim Ministru jgħid għal liema binja/fond qed jirreferi li dwarha l-Kummissjoni qed tinnegozja l-kirja tagħha u li kellha l-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-fond, li għalih tirreferi t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17687, huwa dak ta’ 52, Old Theatre Street, Valletta. L-approvazzjoni għall-kirja tiegħu kienet ingħatat mid-Direct Orders Section, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi , fit-13 t’Awissu 2009 (Ref MF100/2000/6).
Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17520, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rwol ta’ procurement officer huwiex se jispiċċa hekk kif se jiġi ngaġġat procurement manager?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17520, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-procurement officer tar-Residenza San Vinċenz de Paul inħatar f’position of trust mentri l-ingaġġ għall-procurement manager se jiġi ngaġġat permezz ta’ sejħa? Jista’ jgħid jekk hux se tinħareġ sejħa għall-procurement officer ukoll sabiex dawn iż-żewġ posts jimtlew b’sejħa kif suppost?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont kif spjegat f’mistoqsija parlamentari 17520, dak iż-żmien l-ingaġġ ried isir immedjat minħabba r- rapport tal-Awditur Ġenerali għalhekk kien jirrikjedi li jiġi ngaġġat xi ħadd fuq bażi ta’ fiduċja. Għaddej il-proċess sabiex jiġu ngaġġati l-uffiċjali meħtieġa.
Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – Tackling Domestic Violence
Question
Wara l-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’ u b’referenza għall-klawsola 3.2.4 ta’ dan ir-rapport, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun qed jagħmel sabiex l-Aġenzija Appoġġ tkun f’pożizzjoni li tara l-klijenti tagħha wara l-ewwel kuntatt magħhom f’inqas minn 31 ġurnata u dan sabiex ma jkunx hemm dewmien li jista’ jkun ta’ detriment għall-persuni li jeħtieġu s-servizz tal-Appoġġ li potenzjalment jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn il-ħajja tal-persuna tkun fil-perikolu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna li tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ fuq każ ta’ vjolenza domestika, tingħata attenzjoni immedjata permezz ta’ ħaddiema soċjali li tevalwa l-ka¿ u jsir risk assessment. F’kull każ ikun hemm kuntatt mal-vittma. Dan isir sabiex jiġi assigurat l-protezzjoni u l-ħarsien tal-vittma. F’ka¿ijiet fejn ir-riskju għal persuna jirriżulta li jkun serju, tittieħed azzjoni immedjata u jiġi offrut kull għajnuna possibli, mill-ewwel.
L-Aġenzija tħaddan is-sistema ta’
family friendly measures
u għaldaqstant ikun hemm perjodi fejn ammont ta’ ħaddiema soċjali jkunu fuq
paternity/maternity leave
jew jidħlu lura x-xogħol b’inqas siegħat. Biex ma jkunx hemm nuqqas fil-ħin tal-operat tas-servizz, risorsi finanzjarji ġew allokati sabiex l-operat tas-servizz ikun jistgħa jibqa’ għaddej. Ġew approvati ukoll finanzjament għal sigħat ta’ sahra sabiex is-servizz illaħqu mad-domanda.
B’referenza għall-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett sabiex l-Aġenzija Appoġġ ikollha case management software li huwa tant meħtieġ u dan peress li jirriżulta mill-istess rapport li l-Appoġġ għandha nuqqas ta’ consolidated electronic databases? Jista’ jgħid meta dan is-software se jkun lest u stallat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess sabiex tiġi ddisinjata u installata din is-sistema, kien wieħed twil u kumpless, u sar bl-għajnuna u n-nies esperti tal-MITA. Il-MITA ilha taħdem fuq dan il-proġett għal aktar minn 4 snin sabiex jiġi kuntrattat ix-xogħol meħtieġ.
Il-
Case management software
qiegħed issa fi stadju avvanzat fl-implimentazzjon tiegħu. L-ewwel servizz li qed jiġi introdott f’din is-sistema huwa l-
Family Support Service
bħala l-akbar servizz ġeneriku tal-Aġenzija, peress li dan is-servizz ikollu l-ikbar ammont ta’ każijiet u sitwazzjonijiet diversi. Dan iż-żmien inizjali qiegħed iservi wkoll bħala ‘testing’ tas-sistema u huwa ta’ importanza kbira sabiex jiġu identifikati diffikultajiet fis-sistema u jiġu rranġati b’mod immedjat. Il-ħsieb huwa li fi żmien qasir, ikunu servizzi oħrajn li wkoll jiġu introdotti f’din is-sistema sakemm finalment is-servizzi kollha tal-Aġenzija Appoġġ ikunu qed jagħmlu użu min din is-sistema.
B’referenza għall-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’ u għall-konklużjonijiet magħmula mill-Awditur Ġenerali li l-Aġenzija Appoġġ m’għandiex biżżejjed personnel li għandhom it-taħriġ adegwat, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jkun qed jingaġġa aktar persuni li għandhom dan it-taħriġ? Jista’ jgħid jekk huwiex se joffri t-taħriġ adegwat lill-ħaddiema tal-Appoġġ u jekk iva, meta se jkun qed jingħata bidu għal dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2014, l-Aġenzija Appoġġ provdiet 33 kors ta’ taħriġ differenti lil ħaddiema tas-Servizz għall-Vjolenza Domestika. Kull settur jevolvi u għalhekk it-taħriġ irid ikun wieħed kontinwu għall-aħjar tas-servizz u l-klijenti.
Ta’ min jgħid ukoll illi kull meta jiġu nkaġġati ħaddiema soċjali ġodda, dawn jgħaddu min perjodu ta’ taħriġ, mentoring u taħriġ speċjalizat.