Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni kontributorja singola — rata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hi r-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja singola u kemm se tkun ir-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja singola mill-1 ta’ Jannar 2016 skont il-miżura kif imħabbra fil-Budget 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għaddejjin diskussjonijiet interni sabiex jiġi konkluż kif ser tkun qiegħda tiġi mplimentata l-miżura msemmija u għaldaqstant mhux f’pożizzjoni li nagħti tweġiba f’dan l-istadju.

Pensjoni kontributorja ta’ miżżewġin — rata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hi r-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għal persuna li għandha pensjoni kontributorja tal-miżżewġin u kemm se tkun r-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja tal-miżżewġin mill-1 ta’ Jannar 2016 skont il-miżura kif imħabbra fil-Budget 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ogħla Pensjoni Minima Nazzjonali ta’ persuna miżżewġa illum hija ta’ €138.03ċ fil-ġimgħa. Fl-2016 din se titla għal €141.83ċ fil-ġimgħa. Ma’ din ir-rata jitħallas il-Bonus għall-Ogħli tal-Ħajja li fl-2016 se jkun ivarja minn €5.83ċ fil-ġimgħa (żieda ta’ €0.35ċ) għal €0.35ċ fil-ġimgħa. B’hekk dawn il-pensjonanti bejn il-pensjoni u l-Bonus għall-Ogħli tal-Ħajja se jkunu żdiedu €4.15ċ fil-ġimgħa kif imħabbar fil-Baġit.

ETC – Vocational Education and Training Award for Care Workers for the Elderly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors ‘Vocational Education and Training Award for Care Workers for the Elderly’ hux attwalment qed jiġi offrut mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)? Jista’ jgħid meta beda dan il-kors, meta se jkun qed jintemm u kemm huma l-persuni li bħalissa qegħdin isegwu dan il-kors?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ bħalissa mhux qed toffri l-kors ‘Vocational Education and Training Award for Care Workers for the Elderly’. Dan il-kors se jerġa' jibda f’Jannar tas-Sena 2016 u huwa twil 336 siegħa maqsuma f’236 siegħa taħriġ teoretiku u 100 siegħa taħriġ prattiku.

Il-Ħamrun – Xogħlijiet fuq blokka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Awtorità tad-Djar sabiex il-blokka magħrufa bħala Okella Agius fi Triq Ħal Qormi, il-Ħamrun li tikkonsisti f’48 appartament, tkun irranġata u jsirilha r-riparazzjonijiet meħtieġa sabiex din il-blokka tiġi waħda abitabbli? Jista’ jgħid meta se jkunu qed jinbdew dawn ix-xogħljiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar qed tippjana biex fil-binja imsemmija, isiru xogħlijiet ta’ tiswija, tibdil ta’ soqfa u kontrabjut kif ukoll upgrading tal-partijiet komuni estensivi tal-binja. Għal dan il-għan, qed jiġi kkompilat it-tender document sabiex toħrog sejħa għall-offerti bil-ħsieb li x-xogħlijiet meħtieġa isiru s-sena d-dieħla.

Pensjoni għall-Wens

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 18192 u 14497, jista’ l-Ministru jgħid x’jirrapreżenta t-tnaqqis fil-persuni li qed jieħdu l-Pensjoni tal-Wens? Jista’ jagħti r-raġunijiet speċifiċi għal dan it-tnaqqis u kemm huma l-każijiet għal kull raġuni speċifika?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-tnaqqis fil-persuni li qed jieħdu l-Pensjoni tal-Wens kien wieħed normali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm 27 każ li twaqqfu filwaqt li kien hemm 5 każijiet ġodda li kkwalifikaw għall-Pensjoni tal-Wens. Ir-raġunijiet wara dan it-tnaqqis qed jingħataw hawn isfel, u jinkludu fosthom: Pazjenti li mietu - 18 -il każ Applikaw għall-Pensjoni tal-Età - 2 każijiet Ma baqax jieħu ħsieb il-pazjent - 2 każijiet Il-benefiċjarju beda jaħdem - 2 każijiet Il-benefiċjarja kellha tarbija - 1każ Il-benefiċjarju beda jfittex ix-xogħol - 1każ Il-każ ġie sospiż minħabba investigazzjoni- 1każ

Baġit – żieda fil-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għażel li jagħti żieda fil-pensjonijiet kkontemplati fil-Baġit, lil min għandu pensjoni kontributorja biss? Jista’ jgħid kif se jkun qed jikkumpensa lil dawk il-foqra u li għandhom pensjoni mhux kontributorja? Jista’ jgħid jekk iż-żieda ta’ €1.75 għall-għoli tal-ħajja hijiex biżżejjed għal dawn il-pensjonanti li għandhom pensjoni mhux kontributorja sabiex ma jibqgħux jgħixu fil-faqar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern fil-Baġit li għadda beda l-ewwel pass konkret lejn l-implimentazzjoni tar-riforma proposta mill-Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet. Bid-diversi miżuri imħabbra fil-Baġit: · 23,000 pensjonant bil-pensjoni minima se jieħdu żidiet, ħafna minnhom sostanzjali, fil-pensjoni tagħhom sabiex il-faxxa ta’ taħt nett tingħata l-ewwel imbuttatura ‘l fuq – dawn il-pensjonanti se jibqgħu jiġu mgħejjuna fis-snin li ġejjin fil-ġlieda li l-Gvern ilu li ħabbar kontra l-faqar · 25,000 pensjonanti oħra li jħallsu t-taxxa, fosthom ħafna pensjonanti tas-servizz, se jgawdu mir-roħs fit-taxxa li tħabbar apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Madwar 5,000 pensjonant (u kull sena dejjem jiżdiedu) li għandhom pensjoni tas-servizz se jkomplu jieħdu u se jibqgħu jiehdu fis-snin li ġejjin żieda fil-pensjoni tas-sigurta’ soċjali apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Madwar 5,000 pensjonant ieħor li kienu jaħdmu f'azjendi li għalqu (bħat-Tarzna iżda mhux biss) jew kienu f’xogħol li issa m’għadux jeżisti se jkomplu jkollhom il-pensjoni tagħhom riveduta skont parametri ġodda li se jwassluhom biex jieħdu żidiet b’lura mill-2011 apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Aktar minn 1,000 armla li kienu jaħdmu u tilfu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom għax jieħdu il-pensjoni tar-romol, huwa wkoll se jieħdu żieda sostanzjali fil-pensjoni tagħhom · Aktar minn 1,000 pensjonant ieħor li kienu impjegati għal aktar minn 20 sena imma fl-aħħar snin tagħhom spiċċaw bħala self-employed u b'pensjoni baxxa se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn pensjoni ogħla maħduma fuq is-snin li jkunu għamlu bħala impjegati · Madwar 3,200 pensjonant ġdid tal-irtirar u 800 armla ġodda kull sena se jibdew jieħdu l-pensjoni mill-għada li jirtiraw jew mill-għada li jmut il-konjugi u mhux mis-Sibt ta' wara kif jiġri illum · Mijiet mhux żgħar ta' nisa li bit-tibdil li kien iddaħħal fl-2007 kienu tilfu id-dritt għall-pensjoni minħabba li l-pensjoni ma baqgħetx tinħadem fuq 30 sena imma bdiet tinħadem fuq 35 sena issa se jibdew jieħdu pensjoni għall-ewwel darba bis-saħħa tat-tibdil li daħal fil-krediti tal-bolla għal ġenituri li jkunu waqqfu mix-xogħol biex irabbu l-uliedhom · Eluf ta' nisa li bit-tibdil li kien iddaħħal fl-2007 kienu raw l-ammont ta’ pensjoni li setgħu jikkwalifikaw għalih jonqos minħabba li l-pensjoni ma baqgħetx tinħadem fuq 30 sena imma bdiet tinħadem fuq 35 sena issa jistgħu jieħdu żieda fil-pensjoni tagħhom bis-saħħa tat-tibdil li daħal fil-krediti tal-bolla · Eluf ta' persuni li baqgħu jistudjaw fl-edukazzjoni terzjarja se jgawdu minn dritt għal pensjoni ogħla milli kieku kienu jieħdu meta jirtiraw bis-saħħa tal-krediti ġodda tal-bolla li ddaħħlu għalihom · Eluf ta' persuni (għalissa fis-settur privat) se jkunu jistgħu jibbenefikaw jekk iridu minn pensjoni ogħla jekk jagħżlu li jibqgħu jaħdmu (bi qbil ma’ min iħaddihom) u japplikaw għall-pensjoni aktar tard. Il-Gvern diġa agħmilha ċara li r-riforma se tkompli fis-snin li ġejjin u fost l-oħrajn se nkunu qed naħsbu wkoll f’dawk li għandhom pensjoni mhux kontributorja. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti il-pensjonanti imsemmija qatt ma ngħataw żidiet għajr dawk tal-ogħli tal-ħajja.

Pensjoni ta’ diżabilità – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti sal-lum għall-pensjoni tad-diżabilità? Jista’ jgħid kemm iddum applikazzjoni bħal din sabiex tiġi pproċessata u x’qed jagħmel il-Gvern sabiex dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fl-iqsar żmien possibbli? Jista’ jgħid liema data ġġib l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, preżentement hemm 44 applikazzjoni pendenti għall-Pensjoni ta’ Diżabilità. Dawn huma mqassma kif ġej: · 24 minħabba diżabilità severa, · 3 minħabba vista batuta u; · 17 minħabba diżabilità intellettwali. L-ammont ta’ każi pendenti kien ftit għola minn snin oħra, grazzi għall-miżura tal-baġit fejn persuna tista’ taħdem u taqla’ kemm trid u tibqa’ tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità. Infatti l-ammont ta’ pensjonanti mill-ewwel tas-sena żdied b’iżjed minn 200. Normalment, meta tidħol applikazzjoni ta’ dan it-tip, il-bord mediku jara lill-klijent fi żmien 3 jew 4 ġimgħat. Dan il-proċess jibda wara li jinfetaħ il-file, jgħaddi għand l-assessur biex jiġi vverifikat il-każ li jissodisfa l-kriterji tat-test tal-mezzi u wara li jkun żgurat li hemm id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, biex finalment tinħareġ l-ittra tal-appuntament tal-bord mediku. Il-klijent jingħata minn ġimgħa sa għaxart ijiem żmien mid-data tal-ittra sad-data tal-appuntament. Wara li l-klijent jidher quddiem il-bord mediku, jinħareġ ir-rapport jekk il-każ ġiex aċċettat jew le. Naturalment, meta l-każ ma jkollux id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, ż-żmien ta’ kemm idum biex jiġi deċiż il-każ ikkonċernat jitwal ftit, sakemm il-klijent jipprovdi, permezz tal-uffiċċju distrettwali, dawk id-dokumenti mediċii nieqsa, jew sakemm jiġu ċċarati xi mistoqsijiet relevanti. Bordijiet tal-benefiċċji mhux kontributorji jsiru darbtejn fil-ġimgħa u dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet jidhru quddiem dawn l-istess bordijiet li jevalwaw tipi oħra ta’ benefiċċji mhux kontributorji. Isir kull sforz biex l-appuntamenti jsiru kemm jista’ jkun malajr u mingħajr dewmien. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aktar applikazzjoni pendenti tmur lura għat-12 ta’ Jannar 2015. Id-dipartimenti induna, f’dan il-każ partikolari, li l-klijent kien qed jirċievi l-Pensjoni tal-Wens, u kien għalhekk li d-Dipartiment induna b’irregolarità fl-istess ħlas tal-Pensjoni tal-Wens. Din l-applikazzjoni għadha pendenti peress li d-Dipartiment għaddej bl-investigazzjoni tiegħu biex jinġabar il-ħlas li ngħata żejjed.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jkun qed jinfetaħ in-Night Shelter fil-Ħamrun skont kif kien imħabbar fil- Budget 2016? Jista’ jgħid fiex wasal dan il-proċess u meta se jkun qed jibda jiffunzjona?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-Night Shelter fil-Ħamrun infetaħ fis-6 ta’ Novembru 2015, ġewwa Casa Francesco. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 20797.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jkun eleġibbli sabiex juża n-Night Shelter li se jinfetaħ fil-Ħamrun skont kif kien imħabbar fil- Budget 2016? Jista’ jgħid jekk hux se jkun miftuħ kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, kif ukoll jekk dan ix-xelter huwiex se jkun miftuħ għall-anzjani Ħamruniżi biss, għall-anzjani li joqogħdu fil-lokalitajiet viċini jew għall-anzjani kollha minn kull lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-Night Shelter li ssemma’ fil-Baġit 2016, li nfetaħ fis-6 ta’ Novembru 2015 ġewwa l-Ħamrun, huwa miftuħ għall-anzjani kollha, nisa u rġiel, minn kull lokalita’.

Ċertifikat ta’ Care Assistant: Care of the Elderly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-kors li jwassal għaċ-ċertifikat “Care Assistant: Care of the Elderly: Theory and Practice (LAS1101)” li kellu jibda f’Settembru li għadda? Jista’ jgħid eżattament meta beda dan il-kors u kemm minn dawk li applikaw, ġew aċċettati u qed isegwu dan il-kors?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li, għall-kors li jwassal għaċ-ċertifikat “Care Assistant: Care of the Elderly: Theory and Practice (LAS1101)” li beda f’Settembru 2015, applikaw 76 applikant, filwaqt li 61 applikant/a ġew aċċettati u qed isegwu l-kors.

Kerrejja — Problemi ta’ Mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ kerrejja li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilità? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar biex jiġu identifikati n-numru ta’ kerrejja li għandhom dawn l-isfidi? Jista’ jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorità tad-Djar sabiex tindirizza dawn l-isfidi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtoritá tad-Djar m’għandhiex informazzjoni kemm huwa n-numru ta’ kerrejja f’residenzi mikrija mill-privat jew mill-Gvern, li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilità. Madanakollu, l-Awtorità tad-Djar għandha skemi li jgħinu lill-persuni b’diżabilitá jagħmlu xogħlijiet li jrendu r-residenza tagħhom adegwata għall-bżonnijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-Awtoritá tinsab impenjata bi sħiħ sabiex tagħmel ir-residenzi mikrija minnha jew mill-Gvern aktar aċċessibbli għall-persuni bi problemi ta’ mobilitá billi żiedet b’ammont sostanzjali l-programm tagħha ta’ installazzjoni ta’ lifts fil-blokki ta’ dawn l-appartamenti.

Arbitri – appelli pendenti

Question

B’referenza għat-tweġba għall-mistoqsija parlamentari 20212, jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien kollu tant li hemm 465 appell li għadhom ma ġewx appuntati quddiem l-Arbitru? Jista’ jara li ma jkunx hemm daqstant dewmien li jkun ta’ detriment għal persuni li jkunu qegħdin jagħmlu l-appell?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel minn kollox sabiex l-appellanti ma jdumux jistennew għas-smiegħ tal-appell tagħhom. Fejn qabel appellant kien idum aktar minn sena jistenna, dan id-dewmien tnaqqas bejn wieħed u ieħor għal 6 xhur. Tajjeb li l-Onor. Interpellant tkun taf li matul l-10 xhur ta’ din is-sena daħlu total ta’ 809 appell ġdid, jew medja ta’ 81 appell fix-xahar. Dawn ivarjaw minn 55 appell li daħlu f’Jannar sa 120 appell li daħlu f’April. It-tabella t’hawn taħt turi in-numri ta’ appelli li l-uffiċċju tal-Arbitru irċieva matul l-aħħar 10 xhur. Xahar (2015) Numru ta’ Appelli Jannar 55 Frar 81 Marzu 83 April 120 Mejju 74 Ġunju 83 Lulju 69 Awwissu 90 Settembru 57 Ottubru 97 Ta’ min jirrimarka li l-każijiet li l-Uffiċċju tal-Arbitru jirċievi jiġu imqassma bejn 8 Arbitri, li wieħed minnhom jara speċifikament appelli relatati ma’ Pensjonijiet ta’ Invalidita’ sabiex dawn jitħaffew kemm jista jkun. F’xahar qed isiru medja ta’ tletin seduta, fejn f’dawn is-seduti barra li jiġu nklużi l-appelli l-ġodda, jiġu nklużi wkoll appelli li jkunu ġew diferiti f’seduti preċedenti għal raġunijiet varji. Kull appell jingħata l-attenzjoni u ż-żmien tiegħu sabiex ikun żgurat li l-appell ikun mismugħ bl-aktar mod ġust u eżawrenti.

Awtorità tad-Djar – Deputy CEO – pakkett finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20609 u 19970 u jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju kollu, inkluż il-perkaċċi kollha tad-Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Miżura tal-Baġit dwar pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun qed tidħol il-miżura tal-Budget 2016 dwar pensjonanti li fl-aħħar snin ta’ ħidma tagħhom kienu self employed u d-dħul tagħhom kien wieħed baxx bil-konsegwenza li llum għandhom pensjoni baxx? Jista’ jgħid min huma l-pensjonanti li se jibbenefikaw u x’se jkunu l-kriterji sabiex pensjonant jibbenefika minn din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-miżura msemmija se tidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016. B’din il-miżura se jkunu qegħdin jibbenefikaw pensjonanti li fl-imgħoddi kienu impjegati u ħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Ewwel Klassi għal mhux inqas minn 20 sena u li komplew iħallsu tali kontribuzzjoni għal mhux inqas minn ġimgħa fl-aħħar 10 snin ta’ qabel l-irtirar tagħhom u wara dan il-perjodu, bdew jaħdmu għal rashom u bdew iħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tat-Tieni Klassi ta’ valur inqas minn dak imħallas fis-snin meta kienu impjegati u li b’konsegwenza ta’ dan, ġew intitolati għal rata ta’ pensjoni aktar baxxa. Għaldaqstant, bis-saħħa ta’ din il-miżura, dawn il-pensjonanti ser ikun possibbli għalihom li jiġu intitolati għal rata ta’ pensjoni ogħla minn dik li qegħdin jirċievu fil-preżent.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien kompost il-Bord li evalwa l-oġġezzjonijiet li saru mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li ħarġu fl-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, billi kien “interview”, il-Bord li evalwa l-oġġezzjonijiet li saru mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li kienet ħarġet l-Awtorita’ tad-Djar, kien kompost mill-istess membri li kienu jagħmlu parti mill-Bord tal-Għażla.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx evalwati l-oġġezzjonijiet kollha li setgħu daħlu mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li ħarġu fl-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid x’kien l-eżitu tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord li kkonsidra dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kandidati li oġġezzjonaw għar-riżultati li ħarġu, ingħatawx l-opportunità li jidhru quddiem il-Bord li twaqqaf sabiex jiġu kkunsidrati dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, dawn l-oġġezzjonijiet ġew trattati mill-Bord tal-Għażla li analizza bir-reqqa kull oġġezzjoni li daħlet.

Skema Strutturi Perikolużi – Awtorità tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna bbenefikat taħt l-Iskema Strutturi Perikolużi (SSP) maħruġa mill-Awtorità tad-Djar fis-sena 2013, 2014 u 2015 sal-lum separatament minn xulxin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt turi l-ammont ta’ persuni li bbenefikaw taħt l-Iskema Strutturi Perikolużi (SSP) maħruġa mill-Awtorità tad-Djar fis-sena 2013, 2014 u 2015:- Applikazzjonijiet 2013 2014 2015 Applikazzjonijiet riċevuti 6 47 26 Applikazzjonijiet approvati (sar ftehim mall-applikanti) 5 37 13 Pagamenti effettivi 2 15 2

Skema sidien ta’ djarhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkwilini saru sidien ta' djarhom sal-lum permezz tal-iskema li ġiet varata fi Frar 2014 sal-lum? Jista' jgħid ukoll fejn jinsabu l-postijiet ta' dawn l-inkwilini li saru sidien ta' djarhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-ammont ta’ inkwilini li saru sidien ta’ djarhom taħt Sir Sid Darek li ġiet varata fi Frar 2014. It-tielet kolonna (Konvenji Iffirmati) tinkludi dawk il-kazijiet li għadhom fuq konvenju u li l-kuntratt għandu jiġi finalizzat fix-xhur li ġejjin.

Awtorità tad-Djar – self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19984? Jista' jgħid ukoll kemm hu t-terminu ta' dawn iż-żewġ kuntratti ta' servizz u meta se jiskadu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentai 19984.