Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE FEAD – tqassim ta’ ikel

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21032, jista' l-Ministru jgħid min kienu t-tenderers l-oħra li ħadu sehem fit-tender u applikaw sabiex ifornu l-ikel taħt il-programm iffinanzjat mill-UE Fead?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm fl-ewwel tender (li ma kienx ġie aġġudikat għax l-offerta ma kinitx teknikament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba) u kemm fit-tieni tender (li issa ġie aġġudikat għax kien teknikament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba) kien hemm tenderer wieħed li inċidentalment kien l-istess wieħed fiż-żewġ okkażjonijiet.

Għases tal-Pulizija – rapporti ta’ serqiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20953, jista' l-Ministru jgħid kemm mir-rapporti li saru rigward pick-pocketing f'kull lokalità msemmija, spiċċaw il-Qorti? Jista' jgħid ukoll jekk mill-persuni li ttelgħu fuq pick-pocketing, kemm instabu ħatja, lokalità lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Għases tal-Pulizija – rapporti ta’ serqiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20953, jirriżulta illi filwaqt li fl-2014 kien hemm 113 każ ta’ pick-pocketing fil-Belt Valletta, din is-sena sal-lum kien hemm 219 każ, żieda ta' 106 każ. Jista' jgħid x'qiegħed jagħmel biex irażżan il-pickpocketing? Jista' jgħid x'miżuri ħa, qiegħed jieħu u ser ikompli jieħu biex jara illi dawn ir-reati jitrażżnu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21123, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali Ħamrun ma kienx ikkonsultat? Jista' jgħid għaliex il-Kunsill Lokali Ħamrun lanqas biss kien infurmat b'dan is-servizz ġdid fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21123.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20796, jista' l-Ministru jgħid b'kemm qiegħed iħallas il-Gvern għal dan is-servizz, inkluż il-kera li qiegħed iħallas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità qed iħallas €7 kuljum b’sena bil-quddiem għall kull sodda li hemm għal-użu tan-Night Shelter.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20796, jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu qed iħallsu l-anzjani li se jagħmlu użu minn dan in-night shelter? Jista' jgħid x'se jkun jinkludi s-servizz li se jkun disponibbli għal dawn l-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjani li se jagħmlu użu mis-servizz tan-Night Shelter iridu jħallsu €2 għal kull lejl, b’erba’ ġimgħat bil-quddiem. Is-servizz jinkludi: · Irqad ta’ bil-lejl u tibdil ta’ lożor skont il-ħtiega · Ikollhom te/kafe/toast li jiġi servut kemm fil-għaxija u wkoll filgħodu · Servizz ta’ Carer f’każ ta’ Emerġenza · Jistgħu jagħmlu użu mill-parti komuni sabiex jaraw it-televiżjoni · Jistgħu jagħmlu użu mit-toilets u showers li huma aċċessibli għall-anzjani.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20796, jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-massimu ta’ anzjani li jistgħu jkunu qegħdin jagħmlu użu minn dan in-night shelter fl-istess ħin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa massimu ta’ erba' anzjani jistgħu jagħmlu użu minn Night Shelter tal-Ħamrun fl-istess ħin.

Home Help – każ ta’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-servizz tal-Home Help li kien qiegħed jingħata darba fil-ġimgħa lill-koppja li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament, ġie sospiż jew addirittura twaqqaf? Jista' jgħid jekk tbiddlux il-kriterji sabiex dawn l-anzjani jikkwalifikaw għal dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz mogħti lill-koppja msemmija ġie temporanjament sospi¿ b’effett mis-16 ta’ Novembru 2015, minħabba li l-helper li kienet tipprovdi s-servizz lill-koppja, itterminat ix-xogħol tagħha. Id-Dipartiment qiegħed fil-proċess biex jalloka helper oħra lil din il-koppja fl-aqsar żmien possibbli. Il-kriterji għal min jikkwalifika għal dan is-servizz ma tbiddlux.

Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx anzjani li kellhom is-servizz tal-Home Help interrott, sospiż jew imwaqqaf mill-1 ta' Jannar sal-lum? Jista' jgħid kemm kienu dawk l-anzjani li kellhom dan is-servizz interrott, sospiż jew imwaqqaf xahar b’xahar? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani għadhom bla servizz, kemm ilhom bla servizz u għaliex għadhom bla servizz? Jista' jgħid ukoll meta ser jingħatalhom lura dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif normalment jiġri kull sena, kien hemm total ta’ 909 anzjan li kellhom is-Servizz tal-Home Help interrott, sospiż jew imwaqqaf mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum. It-total ta’ anzjani minn dawn li sal-lum għadhom mingħajr is-servizz huwa ta’ 125 bl-iktar każ li ilu huwa mill-14 ta’ Settembru 2015 u l-inqas każ li ilu huwa mit-18 ta’ Novembru 2015. Huwa ppjanat li din il-problema ta’ kull sena tissolva malli jibda jibda jopera l-kuntrattur il-ġdid.

UE FEAD – tqassim ta’ ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex jaħdem il-programm iffinanzjat mill-UE Fead (Fund for European Aid to the Most Deprived)? Jekk iva, jista’ jgħid meta beda, kif qed jitqassam dan l-ikel u liema huma ċ-ċentri f’Malta u f’Għawdex li fihom qed isir dan it-tqassim? Jista jgħid min hu l-fornitur tal-prodotti li qed jiġu mqassma u min huma l-partner organisations li qed iqassmu dan l-ikel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri amministrattivi ġew iffinalizzati u f’Diċembru li ġej dawk kollha intitolati għall-għotja ta’ ikel taħt dan il-Programm ser jirċievu ittra li tinfurmahom meta u minn fejn għandhom jiġbru il-pakkett/i tal-ikel tagħhom. L-ikel ser jiġi mqassam minn numru ta’ ċentri mifruxa f’lokaltajiet differenti f’Malta kif ukoll minn ċentru ieħor f’Għawdex. Il-fornitur tal-ikel huwa Vivian Corporation Ltd filwaqt illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali hija l- partner organisation li ser tqassam dan l-ikel.

Il-Ħamrun – Xogħlijiet fuq blokka

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20908, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun qed jinbdew ix-xogħlijiet estensivi li hemm bżonn issir fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fi Triq Ħal Qormi fil-Ħamrun? Jista’ jgħid x’qed isir mill-Awtorità tad-Djar sabiex fil-frattemp u sakemm isiru x-xogħlijiet kollha, jitneħħa l-periklu li jeżisti f’din il-blokka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġa’ ngħad fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 20908, bħalissa qed jiġi kkompilat tender document, bil-għan li tinħareġ sejħa għall-offerti fil-bidu tas-sena d-dieħla. Ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew hekk kif jingħata l-kuntratt tax-xogħlijiet. Fil-frattemp, diġà ttieħdu xi miżuri ta’ tiswijiet ta’ soqfa fejn kien meħtieġ.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20796, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan in-night shelter li nfetaħ fis-6 ta’ Novembru li għadda f’Casa Francesco, huwiex tal-privat jew tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-Night Shelter fil-Ħamrun, huwa mikri mingħand il-privat.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20796, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun dwar il-ftuħ ta’ dan in-night shelter? Jista’ jgħid x’kien is-sehem tal-kunsill f’dawn id-diskussjonijiet u jekk il-kunsill intalabx jikkontribwixxi fl-operat ta’ dan in-night shelter?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jidħlu servizzi fil-komunità, tista’ ssir kollaborazzjoni ma’ entitajiet diversi, inkluż Kunsilli Lokali. In-Night Shelter fil-Ħamrun sar f’kollaborazzjoni mas-settur privat u mhux mal-kunsill lokali.

Kunsill Lokali Ħamrun – night shelter

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 15172, 11259 u 8856, jista’ l-Ministru jgħid x’ġara mill-proposta tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun sabiex isir night shelter fi Triq Villambrosa fil-Ħamrun? Peress li din il-proposta kienet qed tiġi evalwata mill-Gvern, jista’ jgħid x’wassal sabiex din il-proposta tiġi skartata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-residenti tal-Ħamrun għandhom night shelter ġdid fil-Ħamrun stess. Is-servizz jista’ jikber skont id-domanda li jkun hemm.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20797, jista’ l-Ministur jgħid jekk hemmx anzjani li diġà qegħdin jagħmlu użu minn dan in-night shelter? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm u mil-liema lokalità ġejjin? Jista’ jgħid jekk hijiex qed tingħata preċedenza lill-anzjani li jkunu joqogħdu l-Ħamrun jew fil-biswit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qegħdin isiru sessjonijiet ta’ orjentazzjoni għall-persuni li huma interessati li jużaw is-servizz ta’ dan in-night shelter. Normalment, dawn iċ-ċentri jintużaw minn nies li jkunu residenti fil-lokalita’ jew inkella jkunu jgħixu fil-qrib. Madanakollu mhix prassi li tingħata preċedenza abbażi ta’ lokalità.

Il-Marsa – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu fil-Marsa fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minnbara diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita’ saru dawn ix-xogħlijiet: · Road surface repair works , Triq Garibaldi, Marsa, Estimate Euro 11,012.26. · Road surface repair works , Triq Aldo Moro, Marsa, Estimate Euro 65,019.07. · Road surface repair works fl- islip road fi Triq Diċembru Tlettax, Marsa, Estimate Euro 98,800,00. · Road surface repair works fil-Ħamrun/Marsa Bypass, Marsa, Estimate Euro 281,200. · Installazzjoni ta’ pelican crossing , xogħlijiet ta’ upgradin g fuq bus bay u footpath s fi Triq il-Labour, Marsa, Estimate Euro 8,000. · Xogħlijiet ta’ tiswija fuq il- bridge fi Triq Diċembru 13, Marsa, Estimate Euro 50,000. · Patching works at Triq Aldo Moro, Marsa, Estimate Euro160,000. · Triq it-Tiġrija, Marsa, Estimate Euro 310,000. · Xogħlijiet fil-Malta Shipbuilding icw Junior Eurovision, Marsa, Estimate Euro120,000. · Kostruzzjoni ta’ Underpass/Sea Passenger Link , Triq Diċembru 13, Marsa, Estimate Euro 7M

Tal-Pietà u Ġwardamanġia – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu f’Tal-Pietà u Gwardamanġia fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettaq dan ix-xogħol fil-lokalita’ tal-Pieta’ u Gwardamanġia fil-perjodu imsemmi; Zuntier tal-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima €15,000 Ex-Sptar San Luqa – Bini mill-ġdid ta’ ħitan u xogħlijiet oħra €61,615 Barra minn hekk, Transport Malta minnbara diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita’ għamlet u qed tagħmel dawn ix-xogħlijiet: · Resurfacing works , Triq Gwardamangia u Triq Hookham Frere, Pieta’, Stima ta’ €340,000,00. · Xogħliijiet ta’ manutenzjoni fl-akwati ta’ l-Isptar San Luqa, Pieta’, Stima ta’ €48,000.

Santa Venera – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu f’Santa Venera fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita saru dawn ix-xogħlijiet: • Kostruzzjoni u asfaltar ta’ p/o Triq l-14 ta’ Novembru u Triq il-Kanonku Bonnici, Santa Venera, Stima ta’ Euro 90,572.50. • Kostruzzjoni u asfaltar ta’ n/s ġewwa Triq l-Imsida (Triq il-Madonna tal-Kkarmnu), Santa Venera, Stima ta’ Euro 178,644,10. • Tiswijiet ta’ wiċċ it-triq, Triq Ġuże’ Flores, Santa Venera, Stima ta’ Euro 115,000,00. • Bdil ta’ crash barriers, Triq Reġjonali, Santa Venera, Stima ta’ Euro 15,000.

Santa Venera – Bus Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bus shelter twaħħlu fil-lokalità ta’ Santa Venera fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jgħid fejn twaħħlu u jgħid jekk ġiex deċiż li jitwaħħlu bus shelters oħra f’din il-lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu imsemmi ma’ twaħħlu l-ebda bus shelters fil-lokalita ta’ Santa Venera. Infurmat ukoll li Transport Malta kkunsidrat li twaħħal bus shelter ġdid fi Triq il-Kappillan Mifsud, kif ukoll li tibdel il-bus shelter li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Madanakollu, minħabba limitazzjoni ta’ spazju f’dawn iż-żewġ postijiet, ma’ setgħux jitwaħħlu bus shelters tat-tip illi preżentament qegħdin jintużaw. Għaldaqstant, Transport Malta qeda tevalwa alternattivi oħra sabiex tkun tista’ twaħħal bus shelters ġodda f’dawn iż-żewġ postijiet.

Għases tal-Pulizija – rapporti ta’ serqiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati serqiet fl-għases tal-pulizija tal-lokalitajiet segwenti fl-2014 u fl-2015 sal-lum, xahar b’xahar: (a) Il-Belt Valletta; (b) Il-Furjana; (c) Il-Ħamrun; (d) Santa Venera; (e) Il-Marsa; u (f) Tal-Pietà u Gwardamangia?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.