Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni tal-Invalidità – żidiet fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed igawdu minn Pensjoni tal-Invalidità u li llum qed jibbenefikaw minn żidiet fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għalgħoli tal-ħajja) skont kif imħabbra fil-Budget 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-numru ta’ pensjonanti li, skont l-aħħar pagament li seħħ f’Jannar li għadda, qegħdin jirċievu Pensjoni għall-Invalidità huwa ta’ 4,026.

Persuni bla saqaf fuq rashom — proċedura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li tintuża f’każijiet ta’ persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom u li jkunu jenħtieġu kenn b’mod immedjat sakemm jinstabilhom post alternattiv fejn joqogħdu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23040.

Pulizija ta’ Malta – postijiet ta’ kenn għal persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikolliex talbiet mill-Pulizija ta’ Malta għall-postijiet ta’ kenn għal dawk il-persuni li jmorru f’xi għassa tal-Pulizija jiddikjaraw li spiċċaw bla saqaf fuq rashom? Jista’ jgħid x’jiġri f’dawn iċ-ċirkostanza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Appoġġ diversi drabi tirċievi rapporti ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom mill-Pulizija ta’ Malta. Il-ħaddiema soċjali fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ jaħdmu mal-individwu kkonċernat fejn jidentifikaw ir-raġuni għalfejn persuna spiċċat bla saqaf fuq rasha u wkoll jekk il-persuna għandhiex sors ta’ dħul finanzarju, fejn, jekk ikun il-każ, tingħata iktar informazzjoni dwar diversi hostels madwar Malta fejn dik il-persuna tkun tista’ tmur tgħix. L-Aġenzija Appoġġ tibqa’ ssegwi lil din il-persuna, jekk taċċetta l-għajnuna. Għal dawk li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji u li l-Ħaddiema Soċjali jikkonkludu li huma każijiet ġenwini, isiru arranġamenti temporanji ma’ diversi entitajiet li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, għandha kuntratt ta’ Public Social Partneship magħhom.

Residenza San Vinċenz de Paule – night shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li sal-lum qed jagħmlu użu min-night shelters fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li jista’ jospita f’daqqa dan in-night shelter?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-night shelter ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul għandu kapaċita' ta' 8 sodod, li bħalissa huma kollha okkupati.

Awtorità tad-Djar — lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift installat l-Awtorità tad-Djar fi blokkijiet ta’ appartamenti u/jew entraturi residenzjali tal-Gvern fis-sena 2015? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn il-blokok u/jew entraturi li fihom saru dawn il-lifts?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba dwar installazzjoni ta’ lifts mill-Awtorità tad-Djar fis-sena 2015 huwa kif ġej: Lifts installati fl-2015 skont il-Lokalità Numru ta’ Lifts L-Isla 1 L-Imtarfa 6 Pembroke 4 Birkirkara 1 San Ġwann 2 Is-Siġġiewi 1 L-Imġarr 3 In-Naxxar 1 Xogħlijiet fuq lifts mibdija fl-2015 u qed jitkomplew fl-2016 Ta’ Xbiex 3 In-Naxxar 1 Tenders ta’ lifts li nħarġu darbtejn fl-2015 imma ma ngħatawx San Ġwann 1 L-Isla 1

Il-Belt – Triq San Ġużepp – stallazzjonijiet ta’ lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu stallati lifts fil-blokok ta’ appartamenti fi Triq San Ġużepp, Valletta? Jista’ jgħid jekk sarux l-ispezzjonijiet neċessarji f’kull blokka u ġiex stabbilit f’liema blokka jistgħu jsiru dawn il-lifts? Jista’ jgħid meta se jibdew jiġu stallati dawn il-lifts?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Fondi għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn – persuni li ma jirċievux benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna waħedha, li ma jkollha l-ebda dħul u li ma tirċievi ebda benefiċċju, hijiex intitolata għall-għajnuna mill-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-kriterji stabbiliti, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, dawk eliġibbli f’Malta u Għawdex li jirċievu l-ikel taħt il-Programm FEAD, huma dawk li jidhru hawn taħt: I. Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u means tested u li għandhom 2 itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena; II. Familji li għandom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali; III. Familji li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali; IV. Familji (mhux single ) fejn id-dħul ġej prinċipalment mill-Pensjoni tal-Età mhux kontributorja. Taħt dan il-programm qed jingħataw żewġ pakketti ta’ ikel, wieħed (Pakkett A) li hu akbar mill-ieħor (Pakkett B). Dawk kollha li jaqgħu f’xi waħda mill-kategoriji imsemmija fuq se jkunu qed jingħataw Pakkett A. Iżda dawk il-familji li jaqgħu taħt kategorija II, minħabba li d-dħul finanzjajru huwa inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali, jikkwalifikaw kemm għal Pakkett A kif ukoll għal Pakkett B. Anke dawk li jaqgħu taħt waħda mill-erba’ kategoriji msemmija bħala dħul, u li għandhom tliet itfal jew aktar ta’ taħt is-16 il-sena, qegħdin jingħataw huma ukoll, iż-żewġ pakketti; jiġifieri kemm Pakkett A kif ukoll Pakkett B. Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna waħedha li hi kap ta’ familja u li m’għandiex dħul u m’għandiex kapital li jeċċedi €14,000 tista tikkwalifika għall-għajnuna soċjali jew pensjoni tal-età, skont kemm għandha żmien. Sadanittant fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titħabbar għajnuna oħra mill-fond konsolidat.

Awtorità tad-Djar — Social Housing - proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Ministru se jkun qed iwaqqaf kumpanija ġdida sabiex timplimenta u timmaniġġja l-proġetti għas-social housing f’pajjiżna? Jista’ jgħid għaliex dawn il-proġetti ma jistgħux ikunu qegħdin jiġu mfassla u implimentati mill-Awtorità tad-Djar stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorià tad-Djar m’għandiex biżżejjed riżorsi sabiex tlaħħaq waħidha ma’ dan il-proġett ta’ kostruzzjoni li jammonta għal madwar €50 miljun. Din il-kumpanija se tkun tista’ tiffoka l-ħidma tagħha fuq dan il-proġett u tara li x-xogħol ikun qiegħed jiġi implimentat.

Social Housing Projects – diretturi tal-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jkunu d-diretturi tal-kumpanija l-ġdida, li se tkun imwaqqfa sabiex tieħu ħsieb is-Social Housing Projects?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-diretturi tal-kumpanija l-ġdida għadhom iridu jintgħażlu. Ġaladarba dawn ikunu magħżula, ikunu rreġistrati uffiċjalment mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Social Housing Projects – Kopja tal-Memorandum and Articles tal-kumpanija l-ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum and Articles tal-kumpanija l-ġdida li se tieħu ħsieb it-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Social Housing Projects?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-Memorandum and Articles tal-kumpanija l-ġdida, li se tkun qiegħda tieħu ħsieb it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ housing soċjali, għadu m’huwiex iffinalizzat. Ġaladarba dan ikun lest u rreġistrat mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), il-Memorandum and Articles ikun aċċessibli permezz tas-sit elettroniku tal-istess MFSA.

Pensjoni kontributorja singola — rata

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20865, jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hi r-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja singola?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ir-rata ta’ Pensjoni Minima Nazzjonali għal persuna waħedha, li għandha medja massima ta’ kontribuzzjonijiet, hija ta’ €130.30 fil-ġimgħa. Iżda, meta żżid il-bonus għall-għoli tal-ħajja, persuna bħal din ma tistax taqbad anqas minn €140 fil-ġimgħa skont il-miżura mħabbra fil-Baġit 2016. U ma’ dawn jitħallas ukoll il-bonus addizzjonali ta’ €3.12 fil-ġimgħa u b’hekk b’kollox f’idejha tirċievi €143.12c fil-ġimgħa.

Servizz ta’ Home Help

Question

B’mod konkret, jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun qed jipprovdi s-servizz tal-Home Help b’mod immedjat lil dawk l-anzjani li minħabba nuqqasijiet fis-servizz, ilhom mingħajr servizz ta’ Home Help għal diversi ġimgħat u wħud għal diversi xhur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ii, issa li ngħata l-kuntratt il-ġdid, kull talba pendenti se tiġi indirizzata fi żmien qasir.

Awtorità tad-Djar – sistema tal-Informazzjoni Teknoloġija — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender għal sistema ta’Informazzjoni Teknoloġika fl-Awtorità tad-Djar ħarġitx? Jista’ jgħid kemm intefgħu offerti u min ħa dan it-tender? Jista’ jgħid meta se tkun implimentata din is-sistema sabiex jiġu mmaniġġjati l-proprjetajiet u s-servizzi li jingħataw mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-tender għal sistema ta’ Informazzjoni Teknoloġika fl-Awtorità tad-Djar kienet ippublikata u għalqet fl-4 ta’ Frar 2016. Għal din it-tender, kien hemm erba’ offerti; liema offerti għad iridu jiġu evalwati. Is-sistema l-ġdida mistennija tibda tiġi implimentata gradwalment, fuq perjodu ta’ 18-il xahar minn meta tiġi mogħtija t-tender.

Thouret House — rapporti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17824, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ittieħdu sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni li żviluppat fil-madwar ta’ Dar Thouret f’Santa Venera? Jista’ jgħid jekk ġewx assenjati fuq il-post sabiex jissorveljaw il-post u l-madwar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija kompliet bis-sorveljanza tagħha madwar ir-residenza msemmija permezz ta’ patrols frekwenti sabiex jiġi evitat disturb tal-kwiet u l-paċi publiku. Barra minn hekk, infurmat li kull meta l-assistenza tal-Pulizija distrettwali tintalab f’Thouret House infisha, il-Pulizija distrettwali tirrikorri fid-dar in kwistjoni sabiex tistħarreġ ir-rapport u tieħu passi jekk ikun il-każ dwar kull rapport li jiġi rrapurtat. Dan barra laqgħat li żammew il-Pulizija tad-distrett mad-diriġenti ta’ din id-dar fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ fuq l-istess problemi.

Dar Thouret – laqgħat mar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonjiet ittieħdu minnu wara l-laqgħa li kellu mar-residenti li jgħixu viċin Dar Thouret f’Santa Venera? Jista’ jgħid x’se jkun qed jagħmel biex jissodisfa l-ilmenti tar-residenti li jgħixu fil-madwar kif ġie mwiegħed li se jsir fl-istess laqgħa li kellu mar-residenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ir-residenti li jgħixu viċin Dar Thouret, f’Santa Venera huma nfurmati dwar dak kollu li qiegħda tagħmel il-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, sabiex din il-kwistjoni tkun riżolta b’mod sodisfaċenti, kemm għar-residenti u fuq kollox, fl-interess tal-minuri li joqgħodu f’Dar Thouret.

Residenza San Vinċenz de Paul – koppji anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm koppji anzjani li qegħdin jistennew li jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul u li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba ma tinżammx fil-lista ta’ stennija għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern jew SVPR minħabba li din tkun ibbażata fuq il-ħtieġa u l-livell ta’ dipendenza tal-anzjan jew anzjana. Jekk issir talba minn koppja, din tiġi ikkunsidrata sa fejn ikun possibbli għaliex mhux dejjem ikun possibbli li koppja jiddaħħlu fl-istess Dar jew it-tnejn SVPR għax il-livell ta’ dipendenza tagħhom jista jvarja.

Residenza San Vinċenz de Paul – anzjani li huma aħwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx anzjani li huma aħwa u li qegħdin li jistennew li jidħlu flimkien fir-Residenza San Vinċenz de Paul u li qegħin fuq il-lista ta’ stennija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-informazzjoni mitluba ma tinżammx fil-lista ta’ stennija għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern minħabba li din tkun ibbażata fuq il-ħtieġa u l-livell ta’ dipendenza tal-anzjan jew anzjana. Iżda jekk żewġt aħwa juru din ix-xewqa it-talba tagħhom tiġi ikkunsidrata sa fejn ikun possibbli għaliex mhux dejjem ikun possibbli li żewġ aħwa jiddaħħlu fl-istess Dar għax il-livell ta’ dipendenza tagħhom jista' jvarja.

servizzi residenzjali – live in carer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjan jew anzjana li jkunu fuq il-lista ta’ stennija għas-servizzi residenzjali u li japplikaw għall-proġett pilota tal-live in carer u li jkollhom qarib li jgħix fl-istess dar magħhom, jekk jibbenefikax minn dan is-sussidju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-formola hemm il-kriterji ta’ eliġibilta’ u d-Dipartiment jevalwa kull applikazzjoni skond dawn il-kriterji.

Servizz residenzjali – live in carer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk koppja anzjana li tkun fuq il-lista ta’ stennija għas-servizzi residenzjali u li tapplika għall-proġett pilota ta’ live in carer humiex intitolati għas-sussidju ta’ nofs il-paga ta’ żewġ carers?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sussidju permezz tal-proġett pilota ta’ Live in Carer huwa limitat għal sussidju ta’ massimu ta’ nofs paga minima jew prorata jekk tkun taħdem a bażi ta’ part time.

Residenza San Vinċenz de Paul – menu ta’ ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-menu tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paul nhar it-3 ta’ Jannar 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari numru 22465.