B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22224, jista’ l-Ministru jgħid xi jrid ifisser b’“Familji mhux single u li jirċievu pensjoni għall-anzjanità mhux kontributorja”? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-“Familji mhux single u li jirċievu pensjoni għall-anzjanità mhux kontributorja” li bbenefikaw mill-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’familji mhux single, qed nifhmu dawk il-familji li huma komposti minn aktar minn persuna waħda u liema familji jridu jkunu qed jirċievu l-Pensjoni tal-Età mhux kontributorja, liema tip ta' pensjoni hija marbuta mat-test tal-mezzi..
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, meta sar l-ewwel tqassim tal-ikel, f'Jannar li għadda, in-numru ta’ familji fil-kategorija fuq imsemmija li bbenefikaw mill-programm tal-ikel kien jammonta għal 625 familja, jew aħjar 1,429 persuna, li minnhom, 16-il persuna kienu tfal ta' taħt is-16-il sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu s-ceiling għal dawk il-familji li jirċievu benefiċċju mhux kontributorju u li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ 16-il sena li jibbenefikaw mill-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ma kienx hemm cieling marbut mal-kategorija ta' familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u li għandhom 2 itfal jew aktar taħt is-sittax-il sena u li bbenefikaw minn dan il-programm. L-għoti ta’ dawn il-benefiċċji mhux kontributorji huwa diġa' determinat minn test tal-mezzi, hekk kif inhu stabbilit fil-Liġi tas-Sigurta’ Soċjali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19471, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-lift li jieħdok mil-livell tad-daħla tal-Belt Valletta sal-livell tal-Bank Ċentrali għadu mhux qed jopera meta dan kellu jibda jopera sal-aħħar ta’ Novembru? Jista’ jgħid x’wassal għal dan id-dewmien għad-detriment tal-persuni li jagħmlu użu minn wheelchair?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri f'każ li jkun hemm ħsara fis-set ta' Telecare, liema ħsara tkun waħda irreparabbli? Jista' jgħid jekk l-anzjan ikunx irid jerġa' japplika mill-ġdid għas-servizz ta' Telecare Plus? Jista' jgħid ukoll jekk dak l-anzjan ikunx suġġett għal xi forma ta' ħlas, tariffi jew charges? Jekk iva, jista' jgħid kemm jammontaw dawn il-ħlasijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’każ li jkun hemm ħsara irreparabbli tat-Telecare, irid isir Upgrade għat-TelecarePlus.
· Il-Klijent ma għandux għalfejn jerġa japplika għas-servizz. Irid iħallas
€25 li huma refundable mat-tmiem is-servizz tat-TelecarePlus u €4.00 inkluż il-VAT, kull xahar mal-kont tal-GO plc. Ir-raġuni ta’ dan il-ħlas hija minħabba li l-benefiċjarju ikun qaleb min Telecare għal TelecarePlus.
· Dejjem min għandu il-karta r-Roża u huwa eliġibbli, il-kera tat-TelecarePlus ma titħallasx.
Jista' l-Ministru jgħid min hu eliġibbli għas-servizz tal-handyman u kemm huma l-ħlasijiet li jridu jsiru minn anzjani li ma għandhomx il-karta r-roża? Jista' jgħid x'inhu l-ħlas minimu u l-ħlas massimu li jista' jintalab?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuni eliġibbli għas-Servizz tal-Handyman huma dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn sittin sena. Il-ħlas għal dawk il-persuni li m’għandomx karta roża ivarja skont is-servizz li jkollhom bżonn. Il-ħlas minimu huwa ta’ meta jintalab biex jinbidel ċilindru tal-gas, liema ħlas huwa dak ta` € 1.16, filwaqt li l-ħlas massimu huwa ta` meta jsir bdil ta` waterheater (Geyser); liema ħlas jammonta għal €11.65.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fis-snin 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex persuna tkun intitolata għall-Pensjoni tad-Diżabilità Severa (SVP)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sabiex persuna tikkwalifika għall-Pensjoni tad-Diżabilità Severa, trid l-ewwel tissodisfa t-test tal-mezzi, kif stabbilit fit-Taqsima V tat-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurta` Soċjali (Kap 318), u wara li tidher quddiem Panel Mediku sabiex jiġi stabbilit jekk id-diżabilità hijiex elenkata fid-definizzjoni fl-Artikolu 2 tal-istess Att.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jieħdu l-Pensjoni tad-Diżabilità Severa (SVP) llum u jgħid ukoll kemm minnhom qegħdin f’impjieg full-time jew part-time?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni li qed jieħdu Pensjoni tad-Diżabilità jammonta għal 3087 persuna. Minn dan in-numru, hemm jaħdmu 339 persuna full time, filwaqt dawk li jaħdmu part time huwa ta’ 248 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' anzjani li jagħmlu użu mis-Social Work Unit? Jista' jgħid jekk hemmx anzjani li qegħdin jistennew li jingħataw dan is-servizz u jgħid ukoll kemm idumu jistennew sabiex jingħataw dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2015 ġew reġistrati 361 każ soċjali ġdid li jirrigwardjaw persuni anzjani. Minn dan l-ammont id-Dipartiment għadu jsegwi 89 każ; liema każijiet jirrikjedu moniteraġġ fit-tul. Il-bqija tal-każijiet imsemmija hawn fuq, li daħlu fis-sena 2015 ġew konklużi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed igawdu minn Pensjoni tal-Irtirar u li llum qed jibbenefikaw minn żidiet fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) skont kif imħabbra fil-Budget 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23049.
Awtorità tad-Djar – blokok ta’ appartamenti — sistema ta’ lifts
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja għandha l-Awtorità tad-Djar konsistenti fi blokok ta’ appartamenti li huma attrezzati bis-sistema ta’ lift imma li attwalment mhumiex qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid fejn huma dawn il-lifts u jsemmi l-blokka konċernata bl-indirizz sħiħ? Jista’ jgħid kemm ilu wieqaf kull lift u jagħti d-data meta dawn il-lifts se jkunu qed jerġgħu jibdew jiffunzjonaw?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-aħħar informazzjoni li kisbet l-Awtorità tad-Djar jirriżulta li, hemm 13-il lift li mhux qed jiffunzjonaw, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward dawk il-lifts fejn qiegħed ikun indikat illi t-tender tagħhom qed tiġi evalwata, huwa mistenni li jitlestew din is-sena, dejjem jekk kien hemm sottomissjoni teknikament u finanzjarjament aċċettabli. Il-bqija tal-informazzjoni fuq il-lifs l-oħra, hemm indikat fit-tabella, bir-rimarki ta’ f’liema stadju wasal il-proċess.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed titħallas lura n-nominal fee li jħallas fil-ġimgħa kull anzjan li jagħmel użu mill-home help meta dan is-servizz ma jingħatax?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ir-rifużjoni tat-tnaqqis li jseħħ mill-pensjoni ta’ persuna li tuża l-home help, tiżdied mal-pagament tal-pensjoni li jkun dovut jirċievi l-pensjonant, wara li tinħadem l-istess rifużjoni.
Servizz ta’ Home Help – verifiki biex ma jitnaqqsux flus mill-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’verifiki qegħdin isiru mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiżguraw li pensjonanti li ma jkunux qed jirċievu s-servizz ta’ home help ebda ħlas għas-servizzi ma jitnaqqsilhom mill-pensjoni tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferri lill-Onor. Interpellant li, bis-saħħa tas-simplifikazzjoni li qed issir f’għadd ta’ proċessi u proċeduri fil-Ministeru tiegħi, issa r-rifużjonijiet lil mijiet ta’ pensjonanti qegħdin jinħadmu b’mod awtomizzat. Fil-fatt fejn sa sena ilu konna qegħdin b’madwar sena u nofs rifużjonijiet b’lura, sal-aħħar ta’ dan nix-xahar ser inkunu qegħdin tlett xhur biss b’lura. Dak huwa il-massimu li wieħed jista’ jilħaq għaliex l-informazzjoni ta’ dawk il-pensjonanti li jkollhom dritt għal rifużjoni tinġabar sħiħa kull 3 xhur bi proċess awtomizzat.
Servizz ta’ Telecare u Telecare Plus – tariffi u charges
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-tariffi u ċ-charges kollha li qed jitħallsu mill-anzjan li diġà jagħmel użu mis-servizz ta’ Telecare jew li diġà qed jagħmel użu mis-servizz ta’ Telecare Plus, f’kull każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-Tariffi tat-Telecare huma mqassmin hekk:
· Telecare Biss: It-tariffi għadhom dawk li kienu taħt l-amministrazzjoni preċedenti : €2.33 + VAT (€2.50) kull xahar mal-kont tal-GO plc;
· TelecarePlus: €4.00 inkluż il-VAT kull xahar mal-kont tal-GO plc;
· Min għandu il-karta r-Roża u huwa eliġibbli, il-kera tat-Telecare/TelecarePlus ma titħallasx.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-tariffi u ċ-charges kollha li jridu jitħallsu mill-anzjan li se jibda jagħmel użu mis-servizz ta' Telecare Plus? Jista' jgħid jekk hemmx ħlasijiet marbuta mal-installazzjoni tal-hub? Jekk hemm ħlasijiet, jista' jgħid kemm huma dawk il-ħlasijiet u min iħallashom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, t-tariffi u ċ-charges kollha li jridu jitħallsu mill-anzjan li se jibda jagħmel użu mis-servizz ta' Telecare Plus huma dawn:
· €25 deposit mal-installazzjoni lit-Technician;
· TelecarePlus: €4.00 inkluż il-VAT kull xahar mal-kont tal-GO plc
· Min għandu l-karta r-Roża u huwa eliġibbli, il-kera tat-TelecarePlus ma titħallasx.
Il-hub huwa l-istess package tat-TelecarePlus u għalhekk jitħallsu mill-klijent tat-TelecarePlus.
Fondi għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn — Kriterji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħass li jirristrinġi l-kriterji sabiex persuni jikkwalifikaw għall-programm kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għażliet li saru dwar x’ikel jitqassam, f’liema ammonti, meta u lil min, ġew iddeterminati mill-ammont ta’ flus li ngħatat Malta mill-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tħaddem dan il-programm, kif ukoll skont ix-xewqa tal-Gvern biex ikun żgurat li dak li jitqassam jagħmel differenza għal individwu waqt li jgħinu jtejjeb il-kwalita’ ta’ ħajja li jkun qed jgħix.
Għaldaqstant, aktar milli fittixna illi nirrestrinġu l-kriterji, riedna niżguraw li l-programm joffri għajnuna tanġibbli lil dawk li huma ikkunsidrati relattivament l-ifqar.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22224, jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar l-iskema li se jkun qed joħroġ dan il-Gvern, dwar it-tqassim ta’ ikel minn fondi pubbliċi li biha se jkunu qed jibbenefikaw persuni li huma fil-bżonn iżda li mhux qed jibbenefikaw mill-programm kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar skema ġdida. Iktar dettalji jingħataw malli tkun finalizzata l-iskema.
ETC – Bord tad-Diretturi u Chairman — remunerazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) illum? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 23047 - ETC - Board of Directors.xlsx
Budget 2016 – differenza fir-rati ġodda tal-pensjonanti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx differenza fir-rati l-ġodda għall-pensjonanti kif imħabbra fil-Budget 2016 għal persuna miżżewġa u għal persuna waħedha li għandhom rekord ta’ kontribuzzjonijiet sħiħ marbuta mal-età ta’ 75 sena? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi din id-differenza u x’inhuma r-rati l-ġodda f’kull każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, persuna miżżewġa li għandha medja massima ta’ kontribuzzjonijiet, li tirċievi l-Pensjoni Minima Nazzjonali u li ilha tirċievi din il-pensjoni msemmija mis-sena 2008 jew qabel, tirċievi rata ta’ pensjoni fil-ġimgħa li tammonta għal €147.66, filwaqt illi persuna miżżewġa li tirċievi l-Pensjoni Minima Nazzjonali u li bdiet tirċievi l-pensjoni msemmija wara s-sena 2008 tirċievi rata ta’ pensjoni fil-ġimgħa inqas, li tista’ tkun ta’ bejn €146.96 u €142.18 skont is-sena tal-irtirar.
Fir-rigward ta’ persuna waħedha li għandha medja massima ta’ kontribuzzjonijiet u li tirċievi l-Pensjoni Minima Nazzjonali, tirċievi rata ta’ pensjoni fil-ġimgħa li tammonta għal €140.00, irrispettivament mill-età tal-pensjonant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed igawdu minn Pensjoni tar-Romol u llum qed jibbenefikaw minn żidiet fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) skont kif imħabbra fil-Budget 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-miżuri imħabbra fil-Baġit 2016 kienu sostanzjali dawn sa issa għadhom ma ġewx implimentati kollha. Għaldaqstant għadu kmieni wisq biex nagħti numri preċiżi. Madankollu huwa stmat li:
Madwar 12,000 pensjonant (aktar minn 3,000 minnhom romol) se jkunu ibbenefikaw miż-żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet minimi;
Madwar 24,000 se jibbnenefikaw mir-roħs fit-taxxa tad-dħul u allura se jibqalhom żieda netta addizzjonali f’idejhom;
Madwar 5,000 pensjonant tas-servizz li għal darboħra se jgawdu minn żieda addizzjonali bis-saħħa tal-miżura tal-€200 fis-sena, liema miżura issa hija garantita minn issa ‘l quddiem għal kull sena;
Madwar 5,000 pensjonant li kienu jahdmu f'azjendi li ghalqu bhat-Tarzna se jkomplu jiehdu zidiet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom;
Madwar 1,100 armla li għandhom l-eta’ tal-irtirar u li ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifikaw għal pensjoni tal-irtirar se jiehdu zieda addizzjonali għaliex se jingħataw il-pensjoni sħiħa tar-raġel;
Mijiet ta’ pensjonanti li kienu impjegati għal aktar minn 20 sena imma fl-ahhar snin qabel irtiraw spiccaw bhala self-employed u ma kellhomx dħul ogħli se jkunu jistghu jibdew igawdu minn pensjoni oghla maħduma fuq il-perjodu li kienu impjegati;
Madwar 3,200 pensjonant gdid tal-irtirar u 800 armla godda kull sena se jkunu intitolati għall-pensjoni mill-ghada li jirtiraw jew mill-ghada li jmut il-konjugi u mhux mis-Sibt ta' wara kif kien jigri qabel. B’hekk mhux ser jitilfu ġranet ta’ benefiċċju kif kien isir qabel.
Eluf ta' ġenituri (l-aktar nisa) li bit-tibdil li kien iddaħħal fis-sistema tal-pensjoni fl-2007 jew tilfu d-dritt għall-pensjoni inkella kienet se tonqsilhom il-pensjoni futura tagħhom, issa jew se jibdew jirċievu l-pensjoni jew se jiehdu pensjoni ogħla bis-sahha tat-tibdil li ddaħħal fil-krediti tal-bolla;
Eluf ta' persuni li baqghu jistudjaw se jgawdu minn dritt għal pensjoni ogħla milli kieku kienu jieħdu meta jirtiraw bis-saħħa tal-krediti ħodda tal-bolla li ddaħħlu;
Għadd kbir ta' persuni fis-settur privat se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni ogħla jekk jagħzlu li jibqgħu jaħdmu u japplikaw ghall-pensjoni aktar tard.
Dan kollu jfisser li matul l-2016 mhux biss ser jiżdiedu l-pensjonanti għall-ewwel darba f’25 sena talli se jkun hemm aktar minn 50,000 pensjonanti tal-lum li se jieħdu żiediet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom u eluf oħra se jibqgħu igawdu mill-miżuri tal-Baġit fis-snin li ġejjin meta jirtiraw.