Lokalitajiet li ma kellhomx servizzi ta’ gwardjani lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-bidu tas-sena kienx hawn xi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex li ma kenux qed jingħataw is-servizz tal-gwardjani lokali, imqar għal ftit żmien biss? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu dawn il-lokalitajiet u jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għal din is-sospensjoni fis-servizz?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Marsa u l-Furjana s-servizz tal-gwardjani lokali kien sospiż bejn id-9 u 29 ta’ Frar, 2016 u dan minhabba kwistjonijiet ta' ratifikazzjoni teknika ta' parti mill-operat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23456 u jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet għall-ċittadinanza li saru bejn l-1 ta Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 taħt il-programm ta' Ċittadinanza b’Investiment (IIP) u jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu u jgħid ukoll kemm kien in-numru ta' ċertifikati ta' ċittadinanza maħruġa mill-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor Interpellant illi n-numru ta’ applikazzjonijiet illi l-Agenzija irceviet bejn Jannar 2015 u Dicembru 2015 jammonta għal 578. 476 –il applikazzjoni għaddew għat-tieni fazi tal-proċess, jiġifieri, ippreżentaw l-applikazzjoni u d-dokumenti kollha neċċessarji lil Aġenzija sabiex jgħaddu mill-proċess ta’ skrutinju. Minn dawn kien hemm 147-il applikazzjoni illi ġew approvati filwaqt li kienu 54 dawk illi lestew il-proċess kollu u ingħataw ċittadinanza Maltija. 102-il applikazzjoni għadhom m'għaddewx għat-tieni fażi jew għax kien hemm nuqqas ta' dokumentazzjoni jew inkella għax ġew rifjutati.
Fondi għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn — Kriterji
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23045, il-Ministru spjega li l-għażla tal-kriterji ta’ dawk eleġibbli li jirċievu l-ikel taħt il-programm FEAD f’Malta u f’Għawdex, saret abbażi tal-flus mogħtija mill-Unjoni Ewropea u biex ikun żgurat li l-programm joffri għajnuna tanġibbli lil dawk li huma kkunsidrati relattivament l-ifqar? Jista’ jgħid allura fuq liema bażi l-kategorija ta’ persuna waħedha, li ma jkollha l-ebda dħul u li ma tirċievi l-ebda benefiċċju jew għandha benefiċċju żgħar ħafna, ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala waħda mill-kategoriji li huma l-ifqar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli. Interpellant illi fit-tweġiba li qed tirreferi għaliha hawn fuq, jien kont indikajt l-erba’ kategoriji ta’ nies f’Malta u Għawdex li huma eliġibbli li jibbenefikaw mit-tqassim tal-ikel taħt il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).
Meta ġejna biex nikkunsidraw liema kategoriji ta’nies kellhom ikunu eliġibbli biex jirċievu dan l-ikel, kellna nżommu quddiem għajnejna l-ammont ta’ flus mogħtija lill-Malta għal perjjodu kollu ta’ implimentazzjon, kif ukoll l-għażla tal-ikel li xtaqna li jkun imqassam. ; Żammejna f’moħħna l-kwalita’ tal-ikel, u li riedna li jitqassam fi kwantita’ li jista’jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dak li jkun.
Għaldaqstant, ingħatat prijorita’ lil dawk il-familji li għandhom żewġt itfal jew aktar taħt is-sittax- il -sena kif ukoll lil dawk li qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja (jew tax-xjuħ kif inhi magħrufa minn ħafna) iżda li ma jgħixux weħidhom. Ngħarraf lill-Onorevoli. Interpellant li, ma inkludejniex bħala waħda mill-kategoriji, persuni li jgħixu weħidhom għar-raġuni li r-rata ta’ pensjoni tagħhom hi relattivament aħjar meta mqabbla ma’ ta’ dawk li ma jgħixux weħidhom.
Ta’ min iżid ukoll li, fl-eventwalita’ ta’ -każ kif qed tindika l-Onorevoli .Interpellant, jekk il-persuna kkonċernata ma jkollha ebda dħul jew assi li jaqbżu t-test tal-mezzi stabbiliti għall-għoti ta’ benefiċċji mhux kontributorji taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, il-persuna tista’ tibbenefika minn tali benefiċċji non-kontributorji.
Għal darba oħra nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi se jkun hemm skema oħra mill-fondi pubbliċi li tolqot lill-eluf ta’ benefiċjarji li ma gawdewx mill-iskema ffinanzjata mill-Unjoni Ewropeja.
Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn – lista ta’ prodotti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-prodotti kollha li qegħdin jitqassmu mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)lil dawk il-persuni li huma fil-bżonn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti ta’ titli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-reġistrazzjoni saret f’dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b’xahar fir-Reġistru tal-Artijiet? Jista’ jgħid kemm minhom kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti u titli ta’ proprjetà u kemm minnhom kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ charges/ipoteki/privileġġi fuq proprjetà?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella t’hawn taħt:
Trasferimenti/titli
Charges,ipoteki,privileġġi
Awwissu 2015
435
354
Settembru 2015
357
245
Ottubru 2015
398
371
Novembru 2015
456
613
Diċembru 2015
375
278
Jannar 2016
277
249
Total
2298
2110
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti/titli u charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet li ġew ipproċessati f’dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jgħid kemm kien in-numru xahar b’xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella t’hawn taħt:
Trasferimenti/titli
Charges,ipoteki,privileggi
Awwissu 2015
840 (*)
-
Settembru 2015
606 (*)
-
Ottubru 2015
582
556
Novembru 2015
389
334
Dicembru 2015
479
315
Jannar 2016
390
362
(*) Il-figuri għal Awwissu u Settembru huma total tal-applikazzjonijiet u charges kollha għax statistika għal kull tip ta’ applikazzjoni bdiet tinzamm biss minn Ottubru 2015.
Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-trasferiment ta’ proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-trasferiment/titli ta’ proprjetà u għall-charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet li kienu għadhom pendenti sal-aħħar ta’ Jannar 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sal-aħħar ta’ Jannar 2016 kien hemm 8688 trasferimenti/titli pendenti, filwaqt li kien hemm 4397 charge, ipoteka jew privileġġ pendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ impjegati li jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti/titli u charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-proċess tal-applikazzjonijiet fih diversi stadji u għalhekk kull applikazzjoni tiġi pproċessata minn sezzjonijiet differenti.
B’kollox hemm 19-il persuna illi jaħdmu f’dawn is-sezzjonijiet u li kollha, f’xi stadju jew ieħor, ikunu involuti.
Barra minn dawn il-persuni, hemm żewg persuni oħra fil-Receiving Office illi għadhom kif bdew it-taħriġ fuq dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet għall-ċittadinanza li saru bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 taħt il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP)? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu u jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ ċertifikati ta’ ċittadinanza maħruġa mill-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19471, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-lift li jieħdok mil-livell tad-daħla tal-Belt Valletta sal-livell tal-Bank Ċentrali għadu mhux qed jopera meta dan kellu jibda jopera sal-aħħar ta' Novembru? Jista' jgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien għad-detriment ta’ persuni li jagħmlu użu minn wheelchair? Jista' jgħid meta ser ikun lest dan il-lift?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol oriġinali li kellu jsir fuq dan il-lift skont il-kuntratt huwa komplut.
Peress li l-lift indikat iwassal għal żona li, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, hija riżervata għall-użu esklussiv tal-Parlament, ġie deċiż li l-operat ta’ dan il-lift tkun taqa f’idejn din l-Istituzzjoni. Madankollu, wara diskussjonijiet li saru mal-Parlament u mal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità intlaħaq qbil sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan il-lift f’kull ħin tal-ġurnata.
Għaldaqstant, filwaqt li s-sistema elettronika ta’ aċċess fil-Parlament qiegħda tiġi estiża għal dan il-lift, fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi stallata sistema ta’ video intercom li tkun kontrollata fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum mill-pulizija assenjati għas-sigurtà tal-Parlament sabiex dawn il-persuni jkollhom aċċess kontinwu u bla xkiel.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23050, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-4,026 persuna li qed jirċievu Pensjoni għall-Invalidità kellhom żieda fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) skont kif imħabbar fil-Baġit 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika liema hi l-inizjattiva fil-Baġit 2016 li terreferi għall-Pensjoni tal-Invalidita’.
Peress illi jirriżulta li sal-lum il-Kummissarju għat-Tfal għada tokkupa l-kariga ta’ Deputy Chairperson fil-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), jistax il-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Tfal għandhiex l-intenzjoni li tirriżenja minn din il-kariga ta’ Deputy Chairperson f’dan il-Bord? Jista’ jgħid jekk talabx lill-Kummissarju għat-Tfal biex ma tibqax tokkupa din il-kariga ta’ Deputy Chairperson f’dan il-Bord?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma suppost taf, ma hemm xejn fl-Att dwar il-Kummissarju tat-Tfal u lanqas fl-Att dwar is-servizzi tal-Impjieg u Taħriġ li jimpedixxi li persuna tkun fiż-żewġ posizzjojiniet.
Il-Belt – Triq San Ġużepp – stallazzjonijiet ta’ lifts
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23043, jista’ l-Ministru jwieġeb jekk sarux diġà l-ispezzjonijiet neċessarji f’dawn il-blokkok u jekk ġiex stabbilit f’liema blokkok jistgħu jsiru dawn il-lifts?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet applikazzjoni waћda gћall-installar ta’ lift fi Triq San Ġużepp, Valletta.
Rigward l-applikazzjoni msemmija, saret spezzjoni fejn ġie mkejjel il-komun u sar studju fuq din il-blokka residenzjali mill-periti tal-Awtorita’ tad-Djar. Il-konklużżjoni kienet li l-
lift,
skont Standards maћruġin mill-KNPD, ma joqgħodx f’dan il-komun, minħabba kif inhi mibnija u mqassma l-istess parti komuni. Dan l-istudju sar darbtejn, u ġie konkluż li l-
lift
ma jistax jiġi kkunsidrat f’din il-Blokka. L-applikanti ġew notifikati bil-konklużjoni li mhux possibli li jkun installat
lift
fil-binja.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22679, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kwistjoni ġietx riżolta u jekk għadux jirċievi lmenti mir-residenti li joqogħdu f’dawk l-inħawi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-interess ewlieni tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u ta’ dan il-Ministeru huwa l-benesseri (well being) tal-minuri li jirrisjedu ġewwa Dar Thouret u dan kemm minħabba li huma mħarsa b’Ordni għall-Ħarsien (Care Order) u kemm għax għaddew minn bosta trawmi u placement break downs minn djar u residenzi oħra qabel ma spiċċaw fid-dar imsemmija.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qegħdin fil-proċess li nsibu post alternattiv u adekwat li jkun jista’ jiġi attrezzat bħala
therapeutic secure unit
, minn fejn dawn il-minuri jiġu mgħejjuna jegħlbu l-isfidi tagħhom b’mod ħolistiku. Fil-fatt, qegħdin anki f’kuntatt ma’ esperti barranin li jmexxu servizzi bħal dawn, kemm biex tkun imwaqqfa din il-
unit
b’mod professjonali u kemm biex nagħtu t-taħriġ meħtieġ lill-impjegati li se jkunu qed jaħdmu f’din il-unit.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex il-Gvern jibni aktar Dar tal-Anzjani f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jgħid fejn ser ikunu qed jinbdew dawn id-djar tal-anzjani u meta ser ikunu lesti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-pjanijiet tal-Gvern jinkludu kemm proġetti tal-Gvern stess kif ukoll proġetti mal-privat.
Transport Malta – diskussjonijiet dwar is-servizz ta’ trasport pubbliku fil-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet ma’ Transport Malta dwar servizz ta’ trasport pubbliku fil-Belt Valletta li sal-lum huwa wieqaf b’detriment ta’ ħafna residenti anzjani li kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilita', għaddejjin b'taħdidiet ma' Transport Malta b 'mod kontinwu, fuq diversi materji sabiex ikun żgurat li l-anzjani ikollhom kwalita' ta' ħajja aħjar. Bis-saħħa ta' din il-kollaborazzjoni, l-anzjani gawdew minn pakkett aħjar fejn jidħlu t-tariffi tat-trasport pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-servizz tat-trasport pubbliku madwar il-Belt Valletta huwa wieqaf? Jista’ jgħid meta se jerġa’ jibda jingħata dan is-servizz?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-trasport pubbliku madwar il-Belt Valletta mhux wieqaf.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti lill-Bord tal-Adozzjonijiet għall-adozzjoni bħalissa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interperlant illi, sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija il-Bord għall-Adozzjoni kellu quddiemu każ wieħed pendenti li jrid jerġa' jiġi diskuss, u 10 applikazzjonijiet ġodda li għad iridu jiġu diskussi skont id-data li daħlu għall-attenzjoni tal-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament ma għadhiex aktar intitolata għal Karta r-Roża?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet ikkuntattjata fejn ġie spjegat lilha l-eżitu tal-każ tagħha.
Ikel provdut skont il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-nies li kkwalifikaw għall-ikel provdut skont il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) għal din is-sena? Jista’ jagħti l-lista, lokalità b’lokalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ individwi li kkwalifikaw għall-ikel provdut skont il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), meta sar it-tqassim tal-ikel għall-ewwel darba f’Jannar 2016, ammonta għal 14,685. In-numru ta' benefiċjarji msemmija, kienu mqassma skont il-lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, skont kif qed jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sadanittant fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titħabbar għajnuna oħra mill-fond konsolidat.