Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet ser ikun qed jagħmel investiment f'postijiet għall-akkomodazzjoni soċjali bil-proġett ta' €50 miljun kif imsemmija fil-Baġits tal-2016 u tal-2017? Jista' jagħti lista sħiħa ta' dawn il-postijiet u tal-lokalitajiet kif ukoll kemm huma l-persuni li ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-lokalitajiet fejn ser ikunu qed jinbnew l-postijiet għall-akkomodazzjoni soċjali, bil-proġett tal-€50 miljun, jinkludu; Birkirkara, Bormla, Kirkop, Attard, Luqa, Msida, Naxxar, Qrendi, Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Minħabba li qed jiġu finalizzati xi emendi fil-permessi eżistenti, in-numru preċiż ta’ units li ser ikunu qed jinbnew għad irid jiġi stabbilit.

Birkirkara – Da tal-anzjani ġdida

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27894, jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta din id-Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa’ għidt f’Mistoqsija Parlamentari numru 27894, dalwaqt ser inkunu qed nippublikaw l-Espressjoni ta’ Interess inkonnessjoni mal-proġett ta’ din id-Dar.

Pensjonanti single li għandhom pensjoni minima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pensjonanti single illum, li għandhom pensjoni minima?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ pensjonanti single li qegħdin jirċievu pensjoni minima għall-Irtirar huwa ta’ 9,414.

Pensjonanti single li għandhom pensjoni tal-età

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pensjonanti single illum, li jieħdu l-Pensjoni tal-Età?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninformal lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ pensjonanti single li llum qed jieħdu l-Pensjoni tal-Età jammonta għal 4,141 persuna.

Ħamrun – Day Centre tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jattendu d-Day Centre tal-anzjani fil-Ħamrun? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-aħħar attività li saret għall-anzjani li jattendu dan id-Day Centre? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk l-anniversarju mill-ftuħ ta' dan id-Day Centre, għadux jiġi ċċelebrat kull sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fiċ-Ċentru ta’ Anzjanita’ Attiva tal-Ħamrun hemm 116–il membru. Bħal f’kull ċentru ta’ Anzjanita’ Attiva ieħor, ġewwa ċ-Ċentru tal-Ħamrun hemm programm ta’ Anzjanita’ Attiva li kull ġimgħa joffri lill-membri attivitajiet varjati. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-anniversarju ta’ dan iċ-Ċentru għadu jiġi ċċelebrat kull sena.

Akkomodazzjoni Soċjali – Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Akkomodazzjoni Soċjali – Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija persuna b’diżabilità li sfortunatament ilha tistenna akkomodazzjoni soċjali għal dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Unemployment Assistance, Social Assistance and Social Assistance for Single Unmarried Parents – tapering of benefits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema tat-Tapering of Benefits tapplikax ukoll għall-persuni li jkunu fuq l-Unemployment Assistance (UA), Social Assistance (SA) jew Social Assistance for Single Unmarried Parents (SUP) imma li jsibu mpjieg b’paga li tkun taqbeż in-National Minimum Wage?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-sistema tat-Tapering tapplika għal dawk kollha li jaħdmu u jaqilgħu l-Paga Minima Nazzjonali jew aktar. Il-persuni eleġibbli mit-Tapering of Benefits huma: · Persuni li jkunu jirċievu Għajnuna Soċjali (SA), inkluż tal-Qagħad (UA), li jkunu ilhom sentejn fl-aħħar tlett snin fuq l-Għajnuna Soċjali u li jibdew jaħdmu sew bħala impjegati kif ukoll għal rashom imma li d-dħul tagħhom ikun l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar. · Single Parents li jinkludu wkoll single unmarried mothers (SUP) bi tfal taħt it-23 sena u li jibdew jaħdmu anke part-time tal-anqas bi dħul tal-ekwivalenti ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa, bir-rata fis-siegħa tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar. Persuni li jkunu benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali li jidħlu fi żwieġ jew f’Unjoni Ċivili, u li l-konjuġi tagħhom ikun jaħdem u jaqla’ l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar.

Baġit 2017 – għajnuna supplimentari lill-pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għajnuna supplimentari li tħabbret fil-Baġit 2017 huwiex ser tingħata wkoll lill-pensjonanti single li għandhom dħul baxx?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif tħabbar fid-Diskors tal-Baġit, barra l-koppji miżżewġa, ir-riforma fl-Għajnuna Supplimentari għall-2017, tikkonċerna wkoll lill-persuni single li jgħixu għal rashom, jaħdmu u għandhom dħul nett li jlaħħaq sa €9,012, jew persuni single mhux kapijiet ta’ familja li jaħdmu u għandhom il-paga minima. Ser ikunu qed jibbenefikaw ukoll, ġenituri weħidom li għandhom tfal ta’ bejn is-sittax-il sena u t-23 sena, li mix-xogħol jaqilgħu l-paga Minima jew sa’ €9,012 netti, u li ser jibbenefikaw wkoll miż-żieda li tlaħħaq għal €126.3 fis-sena. Ir-riforma fl-Għajnuna Supplimentari se tkompli fl-2018.

Pensjonanti miżżewġin li għandhom pensjoni minima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti miżżewġin illum, li għandhom pensjoni minima?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ pensjonanti miżżewġin li qegħdin jirċievu pensjoni minima għall-Irtirar huwa ta’ 3,444

Pensjonanti miżżewġin li jieħdu l-pensjoni tal-età

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti miżżewġin illum, li jieħdu l-Pensjoni tal-Età?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ pensjonanti miżżewġin li llum qed jieħdu Pensjoni tal-Età, jammonta għal 698 persuna.

Birkirkara – djar tal-anzjani ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett għal Dar tal-Anzjani ġewwa Birkirkara?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, rigward il-proġett għal Dar tal-Anzjani ġewwa Birkirkara, tlesta x-xogħol preparatorju biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun tista’ toħroġ l-Espressjoni ta’ Interess.

Skema ta’ Live-in Carer – anzjani li bbenefikaw

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27727, jista' l-Ministru jgħid kemm-il anzjan jew anzjana qed jibbenefikaw minn din l-iskema meqjusa bħala proġett pilota u kemm intefqu sa issa mill-miljun ewro intiżi għal dan il-proġett pilota?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skema Live in Carer jew Carer at Home

Question

B'referenza għal-leaflet li ntbagħat f'kull household dwar l-iskema tal-Live-in Carer jew Carer at Home, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex anzjan jew anzjana jibbenefikaw minn din l-iskema? Jista' jgħid jekk din l-iskema hijiex qed tiġi offruta lil dawk l-anzjani li sal-lum mhumiex qegħdin fil-lista ta' stennija biex jidħlu f'Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-fuljett li qed issir referenza għalih, u li fuqu hemm id-dettalji kollha li qed tistaqsi l-Onorevoli. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, din l-iskema qiegħda tkun offruta lil dawk l-anzjani li sal-lum mhumiex qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani.

Djar tal-Anzjani – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kemm naqset il-lista ta' stennija għad-Djar tal-Anzjani peress illi qegħdin jingħataw l-għajnuna permezz tal-iskema Live-in Carer jew Carer at Home?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi benefiċjarji tal-iskema msemmija Carer at Home ma jitilfux posthom fuq il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-djar tal-anzjani.

Kontribuzzjonijiet fil-kalkoli tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern huwiex qiegħed jikkunsidra l-kontribuzzjonijiet li persuna tkun ħallset sal-età ta' 18-il sena, fil-kalkoli tal-pensjoni? Jekk iva, jista' jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed jibbenefikaw minn din il-miżura u x'qed tkun l-ispiża żejda tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern qiegħed jikkunsidra rakkomandazzjoni li kienet saret mill-Grupp ta’ Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet li kontribuzzjonijiet imħallsa qabel l-eta’ ta’ 18-il sena minn persuni imwielda qabel l-1962 ikunu jgħoddu għall-pensjoni.

Housing estates ġodda

Question

Jista' l-Ministu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' bini ta' housing estates ġodda li saru fis-snin-2014, 2015 u 2016 sal-lum, separatament minn xulxin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-2014 tlestew 9 units tal-Awtorita’ tad-Djar. Kif żgur taf l-Onorevoli Interpellant bħalissa għaddejja ħidma fuq il-proġett ta’ Housing Soċjali ta’ 50 miljun Ewro li ser ikun qiegħed jikkonsisti f’numru ta’ units ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali, li jammontaw għal ħafna aktar units minn dawk mibnija minn amministrazzjonijiet preċedenti.

Xogħlijiet ta’ tiswija u upgrading fi blokka

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta' tiswija u upgrading li kellu jsir fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-kuntratt għal xogħlijiet ta’ tiswijiet u upgrading fil-blokk imsemmi, ingħata f’Settembru 2016. Ix-xogħlijiet inbdew minnufih, fejn diġa’ bdew jinqalgħu soqfa perikolużi, bdiet tinbarax żebgħa fil-partijiet komuni u xogħlijiet oħra relatati.

Akkomodazzjoni Soċjali – talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali sal-lum u jagħti l-informazzjoni kollha skont il-lokalità li minnhom ġejjin l-applikanti? Jista' jgħid kemm minnhom huma għall-ewwel dar tagħhom u kemm minnhom qed jitolbu li jbiddlu l-post għal post ieħor għal xi raġuni jew oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha tinsabb fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni Soċjali – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27768.