Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għadhiex bil-ħsieb li ssib post alternattiv minn fejn topera? Jekk iva, jista' jgħid jekk inbedix il-proċess ta' procurement f'dan il-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar għaddejja bi studju sabiex jinstab post alternattiv għall-uffiċini tagħha. Għalhekk, il-proċess ta’ procurement għadu ma bediex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28510, jista' l-Ministru jgħid jekk is-27,000 familja li se jibbenefikaw mit-tqassim tal-ikel, jammontawx għall-41,000 persuna eleġibbli għal dan l-ikel u dan skont l-istqarrija ministerjali tal-11 ta' Ottubru 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru preċiz ta’ familji u konsegwenza ta’ hekk in-numru ta’ persuni li jaqgħu fil-kriterji stabbiliti huwa wieħed fluwidu u għaldaqstant mhux possibbli li jingħata n-numru eżatt għaliex dawn jinbidlu minn żmien għall-ieħor.
Akkomodazzjoni soċjali – applikazzjoni ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jara li dan il-każ jingħata preċedenza, peress li din il-persuna se tkun qed tispiċċa barra wara Diċembru 2016 għaliex il-kuntratt tal-kiri tal-post li fih qed tgħix preżentement se jiskadi u peress kull kirja ġdida taċċedi l-mezzi tagħha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnha qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28506, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni, il-kumpaniji jew il-partnerships li ngħataw il-kuntratti u x-xogħlijiet imsemmija fir-risposta li ngħatat għal din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandix aktar xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28506.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28502 u jgħid min huma l-membri tal-Bord li qed imexxi l-Istitut tas-Servizz Pubbliku li ġie mwaqqat bl-Avviż Legali 325 tal-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tal-Bord appuntati biex imexxu l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi ġejjin mis-Servizz Pubbliku nnifsu, mill-Universita’ ta’ Malta u mill-MCAST, kif ukoll mis-settur privat kif ġej;
Is-Sur Mario Cutajar (Chairperson)
Is-Sa Joyce Dimech (Chairperson delegate)
Prof. Joseph Cacciottolo (co-Chairperson)
Is-Sur Vince Maione (Vice-Chairperson)
Dr Alex Rizzo (Member)
Dr Joyce Cassar (Member)
Dr Godfrey Pirotta (Member)
Dr Mario Thomas Vassallo (Member)
Is-Sa Antoinette Caruana (Member)
Is-Sur Ivan Refalo (Member)
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28503 u jgħid min huwa s-Segretarju tal-Bord li qed imexxi l-Istitut tas-Servizz Pubbliku li ġie mwaqqaf bl-Avviż Legali 325 tal-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju tal-Bord appuntat biex imexxi l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi hija s-Sa Sarah Agius.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28504 u jgħid min huwa l-Kap li se jkun qed jimplimenta d-direttivi tal-Bord tal-Istitut tas-Servizz Pubbliku li ġie mwaqqaf bl-Avviż Legali 325 tal-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kap responsabbli biex jimplimenta d-direttivi tal-Bord imwaqqaf biex imexxi l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi huwa s-Sur Charles Polidano.
Jista' l-Ministru jgħid kif ser jinbidlu l-kriterji tal-Pensjoni tal-Wens (Carer’s Pension) u l-Għajnuna Soċjali għall-Carers (Social Assistance for Carers) skont kif ġie mħabbar fil-Baġit 2017? Jista' jgħid min ser ikun eliġibbli biex japplika, kemm persuni ser ikunu qed jibbenefikaw minn din ir-reviżjoni u kemm ser ikun il-massimu li kull persuna tista' tkun qed tirċievi permezz ta' dawn l-iskemi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn Jannar 2017, persuni li jirċievu l-Pensjoni tal-Wens se jinqalbu awtomatikament għal benefiċċju l-ġdid Allowance Miżjuda għal Carer (ICRA). Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa.
Minn dan l-istess xahar ser jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet ġodda minn persuni singoli kif ukoll persuni miżżewġa li ma jaħdmux, li huma taħt l-età tal-pensjoni u li jgħixu fl-istess dar u qed jagħtu kura lill-pazjent li, skont skali stabbiliti ibbażati fuq il-Barthel Index, ikun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza għolja.
Dan il-benefiċċju ġdid mhux se jkun skont test tal-mezzi għalkemm Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) jibqa’ jgħodd. Dan ifisser li persuna ma tistax tikkwalifika għal żewġ benefiċċji fl-istess waqt imma tingħata l-benefiċċju, pensjoni, allowance, jew assistenza li jkollha dritt għaliha bl-ogħla rata.
Dawk li sal-bidu ta’ Jannar 2017 kienu qegħdin jirċievu Għajnuna Soċjali għal Carer, se jiġu maqluba awtomatikament għall-Allowance għal Carer (CRA).
Mill-bidu ta’ Jannar 2017, se jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju ġdid li se jibqa’ jkun skont test tal-mezzi, kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) u li se jkun sa massimu ta’ €90 fil-ġimgħa. Il-persuni singoli li jistgħu japplikaw iridu jkunu jgħixu mal-pazjent, ma jkunux f’impjieg u jkunu qed jieħdu ħsieb il-pazjent li jkun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza medja skont l-iskali fuq imsemmija.
Official Malta Budget – promozzjoni 2 Ġid li jasal għand kulħadd
Question
Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 2 - Ġid li jasal għand kulħadd), qed jiġi rreklamat li tifla ta' koppja anzjana li ddeċidiet li tibqa' d-dar biex tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha, ser tkun qed tieħu benefiċċju ta' €7,280 bħala carer tagħhom, jista' l-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat dan il-benefiċċju u x'inhuma l-kriterji sabiex tfal ta' koppji anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar, jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju ta' €7,280?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont il-miżuri tal-budget, it-tifla ta’ koppja anzjana li qed tiġi referuta fir-reklam li qed issir referenza għalih, tkun tikkwalifika għall-Allowance Miżjuda għall-Carer (ICRA) ġaladarba xi ħadd mill-ġenituri tagħha jkollu grad ta’ dipendenza għolja skont skali li se jiġu stabbiliti fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali bbażati fuq il-Barthel Index.
Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa u mhux se tkun skont test tal-mezzi. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Pensjoni tal-Wens, li issa se ssir Allowance Miżjuda għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€34.70 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħair il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat.
F’każ li l-ġenitur ma jkollux grad ta’ dipendenza għolja imma medja, wieħed ikun jista’ jikwalifika jekk jgħaddi mit-test tal-mezzi għall-Allowance għal Carer (CRA) b’pagament fil-ġimgħa sa €90 li se jitħallas minn Jannar 2017. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali għal Carer, li issa se ssir Allowance għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€13.47 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħajr il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat.
Official Malta Budget – promo 1 ġid li jasal għand kulħadd
Question
Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 1- Ġid li jasal għand kulħadd) qed jiġi rreklamat li bil-miżuri tal-Baġit 2017, issa ser ikun hemm 2,800 familja li ser ikunu qed igawdu minn sussidju tal-kera. Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil ser ikun hemm fil-kriterji sabiex aktar familji ser ikunu qed jibbenefikaw minn dan is-sussidju? Jista' jgħid x'inhu l-ammont massimu ta' assi li jista' jkollhom applikanti biex ikunu jistgħu jibbenefikaw?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-kundizzjonijiet tal-iskema li qed issir referenza għaliha ser jibqgħu simili għal kundizzjonijiet tal-iskema preżenti, madankollu sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju jrid jippreżenta kuntratt tal-kera. Min qiegħed diġà jibbenfika mis-sistema preżenti u ma jkollux kuntratt ta’ kirja allura dan jibqa’ bis-sussidju attwali.
Barra minn hekk taħt l-iskema l-ġdida, l-ammont massimu ta’ assi li l-applikanti jista’ jkollhom biex jikkwalifikaw se jitla’ minn €10,000 għal €23,300. Barra minn hekk, fejn qabel sabiex jikkwalifika għas-sussidju d-dħul tal-applikant ma setgħax ikun aktar minn €18,514.80 fis-sena, taħt din l-iskema kif imħabbar fil-Baġit għas-sena 2017 id-dħul li jiddetermina l-eleġibilita’ ta’ persuna biex tikwalifika minn sussidju tal-kera issa ġie esti¿ sa massimu ta’ €23,000 fis-sena. Huwa għalhekk li se ji¿diedu dawk li jibbenefikaw mis-sussidju fuq il-kera.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha skemi miftuħin bħalissa l-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid ukoll kemm għandha skemi li huma magħluqin bħalissa u jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar skemi ġodda? Jekk huwa l-każ, jista' jagħti aktar dettalji tal-iskemi li ser ikunu qed jinfetħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalissa, l-Awtorita’ tad-Djar għandha s-segwenti skemi miftuħa:-
· Skema ta’ Irranġar u Titjib (ADP)
· Skema ta’ Sussidju tal-Kera (RSS)
· Skema ta’ Strutturi Perikoluzi (SSP)
· Skema għall-Persuni b’Diżabilita’ (DIS)
· Skema fuq Għotja biex tgħin fil-Bini u/jew Tkomplija ta’ Xogħlijiet jew Irranġar tal-Ewwel Residenza (GFR)
· Skema ta’ Installar ta’ Lifts ġewwa blokok tal-Gvern (LFT)
· Skema ta’ Xiri ta’ residenzi mikrija mill-Gvern (SSD)
- Skema tal-kunsill lokali - għal xogħol fil-komun
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tħejji sabiex tippubblika skema ġdida fejn ser jingħata sussidju sa massimu ta’ €166.66 fix-xahar fuq il-kera, mħallas għal residenzi privati. Sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju irid jippreżenta kuntratt tal-kera. Din l-iskema hija mmirata lejn sidien il-kera fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa ta’ 5% minflok dik ta’ 15% fuq id-dħul mill-kera jekk dawn ikollhom kuntratt jew joffru kuntratt ta’ aktar minn 7 snin lill-inkwilini tagħhom li jissottometti applikazzjoni għas-sussidju tal-kera.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru tat-telephone159 tas-Social Policy Information Centre huwiex bi ħlas jew mingħajr ħlas? Jekk huwa bil-ħlas, jista' jgħid għaliex dan huwa bi ħlas u hekk għandux l-intenzjoni li jibda' jsir mingħajr ħlas?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sa mill-bidu tiegħu fl-2003 in-numru tat-telefown 159 tas-Social Policy Information Centre kien bil-ħlas. Pero huwa ppjanat li s-servizz preżentament offrut min-numru tal-telefown 159, jibda jsir mingħajr ħlas fil-futur qarib hekk kif hemm il-ħsieb li dan is-servizz jibda jkun offrut ukoll permezz tal-pjattaforma tal-freephone tas-Servizz.Gov 153.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani jattendu kull sena fid-Day Centre ta' Tas-Sliema mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti rendikont tan-numru ta' anzjani li kienu jattendu f'dan id-Day Centre sena b'sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul din is-sena nfetħu żewġ Ċentri ta’ Matul il-Jum oħra, ġewwa l-lokalita’ tal-Gżira kif ukoll ġewwa s-Swieqi. F’dawn iċ-Ċentri qegħdin jattendu total ta’ 97 membru; 50 membru ġewwa ċ-Ċentru tas-Swieqi u 47 membru li qed jattendu ċ-Ċentru tal-Gżira. Bis-saħħa tal-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ Ċentri, assorbejna dawk il-klijenti li kienu jattendu iċ-Ċentru ta’ Ta’ Sliema.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għall-ikel għall-ammont ta' €300,000 kif imħabbar mill-Gvern? Jista' jgħid min ħa dan it-tender u meta se jkun qed jitqassam dan l-ikel?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ħareġ l-imsemmi tender għall-ikel tal-iskema li qiegħda issir referenza għaliha:
Referenza
Data meta ġie ppublikat t-Tender
Isem tal-Kuntrattur
Ammont
Data tal-Kuntratt
Rimarki
CT2210/16 – T18/2016
30 Settembru 2016
NA
€780,000 VATeskluż
(prezz approssimattiv)
NA
Is-sejħa għall-offerti infetħet fl-10 Novembru 2016. Skont Artiklu 13 tal-i
Special Conditions
tat-
Tender Document,
iż-żmien indikattiv li matuluser jitqassam l-ikel ser ikunu Diċembru 2016, Ġunju 2017 u Diċembru 2017.
Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-prodotti kollha li se jkunu qed jitqassmu mill-iskema ta' €300,000 imħabbra minn dan il-Gvern sabiex jipprovdi ikel lil min ma jikkwalifikax fl-iskema tal-għotjiet tal-ikel tal-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista tinsab pubblika flimkien mad-dokument tat-tender Ref: CT 2210/2016.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ikel li se jingħata kull persuna mill-41,000 persuna li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema ġdida ta' €300,000 li dan il-Gvern ħabbar riċentement?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi madwar 27,000 familja ser jibbenefikaw minn dan it-tqassim u li l-valur tal-pakkett ivarja skont in-numru ta’ persuni fil-familja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jitwaħħlu bus shelters ġodda fil-lokalità ta' Santa Venera u dan meta hemm ħafna bżonn ta' aktar bus shelters f'din il-lokalità? Jista' jgħid x'alternattivi oħra nstabu sabiex tkun tista' titwaħħal bus shelter ġdida fi Triq il-Kappillan Mifsud minħabba limitazzjoni ta' spazju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar inħarġet ‘Request for Proposals’ għall-installazzjoni ta’ numru ta’ bus shelters ġodda. Din ir-‘Request for Proposals’ titlob għal bus shelters ta’ qisien differenti. Dan sabiex minbarra li jitwaħħlu bus shelters ta’ qisien standard, sakemm ikun possibli, jitwaħħlu wkoll bus shelters iżgħar sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ postijiet li għandhom spazju ristrett.
Identity Malta – persuni housebound – tiġdid ta’ Karta tal-Identità
Question
Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li hemm aktar minn mitt persuna li huma housebound u li talbu lill-Identity Malta sabiex tagħmlilhom viżita ġewwa djarhom biex tagħmlilhom Karta tal-Identità ġdida? Jista' jgħid għaliex din l-istennija sabiex jingħata dan is-servizz, meta t-talbiet saru aktar minn tliet xhur ilu u meta sa ftit żmien ilu biss, l-individwu kien jingħata dan is-servizz fi ftit ġranet biss jew f'perjodu ta' mhux aktar minn ġimgħa? Jista' jikkonferma wkoll jekk dan id-dewmien huwiex dovut għall-fatt li fejn qabel kien hemm numru ta' persuni li kienu jagħtu dan is-servizz, minħabba tibdiliet li saru, dan is-servizz ma għadux qed jitqies prijoritarju u tnaqqsu l-impjegati li kienu jagħmlu dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'se jkun qed isir sabiex dan id-dewmien esaġerat jitnaqqas għal-livelli aċċettabbli li kien qabel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta (Taqsima tal-Karti tal-Identita’) matul is-sentejn li għaddew għamlet xogħol impekkabbli fejn jirrigwardja t-tiġdid tal-karti tal-identita’. Fil-fatt matul l-eżerċizzju li sar fuq skala nazzjonali biex jiġġeddu l-karti tal-identità madwar il-pajjiż kollu, uffiċjali mid-dipartiment responsabbli marru ukoll jagħtu servizz lil ċittadini bi problemi ta’ mobilta’ ġewwa darhom stess. Matul is-sentejn li għaddew saru 7,537 viżta lil nies bħal dawn li kienu ilhom snin twal jistennew li tinbidlilhom il-karta tal-identità skaduta li kellhom.
Jien infurmat li matul is-sena kurrenti dan is-servizz baqa jingħata b’mod regolari u fil-fatt diġa saru 1350 viżta lil nies li talbu biex issirilhom karta tal-identità ġdida fil-kumdita’ ta’ darhom. Il-lista ta’ stennija hija fil-livelli normali bħal qabel u bħalissa hemm 139 persuni li għadhom jistennew dan is-servizz . Ninfurmaha ukoll li aktar min-nofs ta’ dawn il-persuni għadhom kemm applikaw matul Ottubru u Novembru 2016. Tajjeb hawnhekk wieħed jirrimarka li dan id-dipartiment joffri l-faċilita’ li jittratta bi prijorita’ każijiet t’individwi, li għal raġunijiet validi, jkollhom bżonn li tinħarġilhom karta tal-identita’ ġdida b’mod urġenti.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jelenka d-
direct orders
kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull
direct order
jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata
direct order
minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjomi mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.