Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill għas-Settur tal-Volontarjt kif — membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu magħmul il-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat kif maħtur skont l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji? Tista’ tgħid kemm mill-membri huma nisa u kemm mill-membri huma persuni b’diżabilità?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat kif maħtur skont l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji huwa magħmul minn dawn il-membri: Is-Sur Ian Azzopardi, Dott. Myrna Azzopardi, is-Sinjura Doris Bingley, is-Sinjura Gertrude Buttiġieġ, Dott. Noel Camilleri, is-Sur Nathan Farrugia, is-Sur Robert Farrugia, is-Sinjura Gemma Sirol, is-Sur Edward Gruppetta u s-Sinjura Claudia Taylor East. F’dan il-Kunsill hemm ħames membri nisa. M’hemm l-ebda membru tal-Kunsill li huwa persuna bi bżonnijiet speċjali peress li meta kienu fetħu n-nominazjonijiet l-ebda persuna bi bżonnijiet speċjali ma kienet tefgħet in-nomina.
Leg 12 PQ #31789 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hi komposta l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta hekk maħtura skont l-Att dwar l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta? Jista’ jgħid kemm mill-membri huma nisa u kemm mill-membri huma persuni b’diżabilità?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatra tal-bord tal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta tħabbret fin-notifika numru 828 ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-5 ta’ Awwissu 2016.

Identity Malta – applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31508 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti fil-preżent ġewwa Identity Malta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma għal ċittadinanza biż-żwieġ, b'naturalizzazzjoni u taħt l-iskema IIP?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2010 sa Frar tal-2017, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza irċieva total ta’ disat elef, seba’ mija u ħamsa u għoxrin (9,725) applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija. Minn dawn, elf, disa’ mija u erbgħa u disgħin (1,994) applikazzjoni għadhom qiegħdin jiġu pproċessati. L-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija żdiedu minn sena għall-oħra, bl-aktar żieda sostanzjali tkun irreġistrata fl-2016. Is-sena li għaddiet, l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza żdiedu b’sebgħa u ħamsin fil-mija (57%) meta mqabblin ma’ dawk li d-Dipartiment kien irċieva fl-2011. Bejn l-2010 u Frar 2017, id-Dipartiment irċieva total ta’ erbat elef, seba’ mija u tliet (4,703) applikazzjonijiet li jirrigwardaw ċittadinanza bi żwieġ jew naturalizzazzjoni, li minnhom disa’ mija u ħamsa (905) għadhom qegħdin jiġu pproċessati. Meta wieħed iqabbel is-sena 2016 mas-sena 2011 isib illi matul is-sena li għaddiet, żdiedet b’sitt elef, disa’ mija u għoxrin fil-mija (6920%) ir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija bi żwieġ u b’naturalizzazzjoni. Fil-każ tal-Programm ta’ Cittadinanza b’Investiment, sal-ahhar ta’ Frar 2017 kien hemm 346-il applikazzjoni li ghadhom ghaddejjin mill-fazi ta’ due diligence.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – lista ta’ dokumenti u strateġiji

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31545, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-dokumenti u strateġiji li kienu miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika f'din il-leġiżlatura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-dokumenti u strateġiji li kienu miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika f’din il-leġiżlatura kienu dawn li ġejjin: · Green Paper “A Framework for Poverty Reduction and for Social Inclusion” (January 2014); · National Strategic Policy for Poverty Reduction and for Social Inclusion (2014-2024); · National Children’s Policy 2016 (Consultation document September 2016); · National Alcohol Policy document for public consultation (October 2016); · Positive Parenting National Strategic Policy (2016-2024); · Strengthening the Pension Strategy: A Strategy for an Adequate and Sustainable Maltese Pension System (June 2015) · Strategy for Retirement and Financial Capability: Knowledge, Planning, Action (2017-2019). · National Dementia Strategy; · National Minimum Standards for Care Homes for Older People; · National Strategic Policy For Active Ageing; · National Policy on the Rights of Persons with Disability; · The Malta National Disability Strategy (Consultation Document); · Empowering Change. A National Strategy for Dementia in the Maltese Islands (2015-2023); · National Strategic Policy for Active Ageing (2014-2020); · Standards for Residential Services for Persons with Disability, · Persons within the Autism Spectrum (Empowerment) Act, · Homes for Older persons (care quality standards) Authority Bill.

Awtorità tad-Djar – Bord tad-Diretturi — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Bord ta’ Diretturi tal-Awtorità tad-Djar skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq dan il-Bord, kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità tad-Djar hemm b’kollox 10 membri, li minnhom 3 huma nisa u 1 huwa persuna b’diżabilità. Il-Bord huwa kopost kif ġej: Chairperson : Is-Sa Antoinette Vassallo Viċi Chairperson : Is-Sur Robert Ducker Membri: Is-Sur Kenneth Busuttil Is-Sur Matthew Chetcuti Dr Chris Grech Dr Ivan Grixti Dr Vincent Moran Is-Sa Margaret Quintano ​ Dr Philip Spiteri Membru /Segretarja: Dr Beryl Buttigieg

Kummisjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla skont l-Artikolu 69 tal-Att dwar l-Edukazzjoni? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq din il-Kummissjoni li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tkun komposta minn mhux anqas minn seba’ u mhux aktar minn disa’ membri nominati mill-Ministru u maħtura mill-Prim Ministru għall-perjodu ta’ tliet snin u l-membri għandhom ikunu eliġibbli biex jerġgħu jiġu maħtura wara li jiskadi ż-żmien tal-ħatra tagħhom. Il-membri kollha jservu fil-Kummissjoni fil-kapaċità personali tagħhom. Fuq il-Bord tal-Kummissjoni hemm żewġ membri nisa u hemm persuna waħda b’diżabilità.

Jobsplus – Bord tad-Diretturi — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Jobsplus skont l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impieg u Taħriġ? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont Kapitolu 343 Artiklu 6 (2) ta’ l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impieg u Taħrig, il-Bord għandu jkun magħmul minn dak in-numru ta’ diretturi, li ma jkunx inqas minn tmienja, kif il-Ministru jista’ minn żmien għal żmien jaħtar. Tlieta mill-membri tal-Bord għandhom ikunu maħtura, wara konsultazzjoni xierqa mal-ministri konċernati, minn fost dawk il-persuni li l-aħjar jirrappreżentaw il-ministeri responsabbli għax-xogħol, edukazzjoni u għall-industrija. Wieħed mill-membri tal-Bord għandu jkun persuna b’diżabilità. Fuq il-Bord hemm sitt (6) membri nisa u hemm persuna waħda b’dizabilità.

Awtorità tax-Xandir – membri fil-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi komposta l-Awtorità tax-Xandir skont l-Att dwar ix-Xandir? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità hija appuntata mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppozizzjoni. Illum l-Awtorita’ hija komposta kif gej: Chairperson: Is-Sinjura Tanya Borg Cardona Membri: Dr Peter Fenech, Sur Francis Ghirxi Dr Alessandro Lia Sur Christian Scicluna. Fil-preżent iċ-Chairperson tal-bord tal-Awtorita’ hija femminili u ma hemmx persuni b’diżabilità.

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija li għaddew mill-istadji kollha meħtieġa u jonqoshom biss il-firma tiegħu? Jista’ jgħid kemm minnhom saret l-applikazzjoni għalihom fis-sena 2015 jew qabel u ta' liema sena hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Xejn.

Awtorità tad-Djar – Spezzjonijiet – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadha qed tistenna sabiex ssirilha spezzjoni mill-Awtorità tad-Djar sabiex jaraw il-ħsarat li hemm fil-post u ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Jista’ jara li din l-ispezzjoni ssir mill-aktar fis possibbli sabiex ma jkunx hemm aktar ħsarat u inkonvenjent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Taxxa fuq dħul mill-pensjoni – rata ta’ single

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna, b’rata ta’ single, qed ikollha tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul mill-pensjoni tagħha fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni b’rata ta’ pensjoni single li qed titnaqqsilhom it-taxxa mill-pensjoni għas-sena 2017 jammonta għal 12,739.

Taxxa fuq dħul mill-pensjoni – rata ta’ miżżewġin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna b’rata ta’ miżżewġin qed ikollha tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul mill-pensjoni tagħha fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni b’rata ta’ pensjoni ta’ miżżewġin, li qed titnaqqsilhom it-taxxa mill-pensjoni għas-sena 2017 jammona għal 3,585.
Leg 12 PQ #31749 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Rimborż tat-Taxxa – Miżuri tal-Baġit 2017

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-Avviż Legali 42 tal-2017 dwar Rimborż tat-Taxxa (Pensjonanti), it-taxxa li se tiġi ffrankata fuq il-pensjoni kif imħabbra fil-miżuri tal-Baġit 2017, hijiex se titnaqqas mill-pensjoni ma’ kull pagament li jsir lill-pensjonanti kull 28 ġurnata u allura jekk din it-taxxa hijiex se tkun qed titnaqqas at source jew jekk dan l-ammont ta’ taxxa hekk frankat huwiex se jkun disponibbli biss wara li jintbagħtu u jiġu pproċessati l-formoli tat-taxxa għas-sena ta’ qabel?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-taxxa li se tiġi ffrankata fuq il-pensjoni kif imħabbra fil-miżuri tal-Baġit 2017 se tkun riflessa fil-pensjoni ma’ kull pagament li jsir lill-pensjonanti kull 28 ġurnata mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.

Bonus għal min ħallas il-kontribuzzjonijiet – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma tirċeviex il-bonus li qed jitħallas lil min ħallas il-kontribuzzjonijiet iżda ma jkunx jikkwalifika għall-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu ġie mistħarreġ u l-persuna kkonċernata ġiet infurmata bl-eżitu.

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31509 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija li għaddew mill-istadji kollha meħtieġa u jonqoshom biss il-firma tiegħu? Jista’ jgħid kemm minnhom saret l-applikazzjoni għalihom fis-sena 2015 jew qabel u ta' liema sena hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8616 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 494, nhar it-Tlieta 14 ta' Marzu 2017)

Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħrieqi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità mhux qiegħed jipprovdi ħrieqi lill-persuni li jbatu b’inkontinenza? Jista’ jgħid jekk fil-ġimgħa bejn l-20 ta’ Frar u s-26 ta’ Frar li għadda kienx hemm dan in-nuqqas u li l-persuni li jagħmlu użu minn dawn il-ħrieqi kellhom jixtruhom minflok?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mhuwiex minnu li d-Direttorat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` mhux qiegħed jipprovdi ħrieqi lill-persuni li jbagħtu b’inkontinenza. Fil-ġimgħa ta’ bejn l-20 ta` Frar u s-26 ta` Frar li għadda, ma kienx hemm dan in-nuqqas fil-provista’. Madanakollu, meta’ d-Dipartiment jiġi nfurmat b'xi każijiet partikulari, fejn l-persuni li jagħmlu użu minn dawn il-ħrieqi jiġu bżonn ta’ aktar, id-Dipartiment jieħu azzjoni fl-immedjat biex fejn huwa possibbli kull inkonvenjent jigi evitat.

Att III tal-2014 – persuni li ġew eżenti minn responsabilità kriminali fil-konfront ta’ minuri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31370 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30948, jista’ l-Ministru almenu jgħid kemm ir-rapport sar fis-sena 2015 u fis-sena 2016 separatament minn xulxin kontra persuni minuri ta’ taħt l-14-il sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li minn verifiki li saru, jirriżulta li fis-sena 2015 saru wieħed u erbgħin (41) rapport u fis-sena 2016 saru tlieta u tletin (33) rapport.

Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30949 u 30674 u jgħid kemm-il rapport kien hemm dwar vjolenza domestika fis-sena 2016 u kemm minnhom ġew investigati? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fuq vjolenza domestika fis-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kif diġa ġie mwieġeb f’mistoqsija simili, skont is-sistema elettronika tal-Pulizija kien hemm elf, mitejn u tnejn u sebghin (1272) każ ta’ vjolenza Domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul is-sena 2016. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati, il-persuni responsabbli dejjem jiġu nvestigati u jittressqu l-Qorti. Peress illi ma tinżammx sistema ta’ data elettronika ta’ dawn ir-reati bid-dettalji mitluba fil-mistoqsija, mhux possibli li jingħataw l-ammonti eżatti ta’ kemm minn dawk responsabbli tressqu l-Qorti.

Awtorità tad-Djar — skema fuq sussidju ta’ 2.5% fuq self mill-banek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw mill-iskema maħruġa mill-Awtorità tad-Djar fis-sena 2012 immirata sabiex jingħata sussidju ta’ 2.5% fuq is-self mill-Banek għax-xiri tal-ewwel residenza mingħand il-privat fuq l-ewwel €80,000 self?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kienu 231 persuna li bbenefikaw minn sussidju ta’ 2.5% fuq is-self minn Banek taħt l-Iskema maħruga mill-Awtorita’ tad-Djar fl-2012.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lill-għaqdiet Volontarji — servizz ta’ housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-Awtorità tad-Djar assistiet għaqdiet volontarji li jipprovdu servizzi ta’ housing lill-persuni fil-bżonn fis-sena 2014? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża u f’liema forma ngħatat din l-assistenza? Jista’ jgħid ukoll min kienu dawn l-organizzazzjonijiet li bbenefikaw minn din l-assistenza u kemm kien l-ammont li ngħata f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.