Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Komsumatur minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid kemm minnhom għadhom pendenti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninsab infurmata li minn Marzu 2013 ġew imressqa 207 każijiet ġodda quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur. Minn dawn għad hemm 125 każ pendenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il vjaġġ sar minn uffiċjali tal-MCCAA minn Ġunju 2013 sal-lum? Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti ta' dawn il-vjaġġi li saru, jekk saru?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5325, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport preliminari li ġà ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-bord tal-Awtorità?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal raġunijiet ta’ data protection mhux se titpoġġa kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
Assemblea Ġenerali tal-ISO fir-Russja – delegazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn min kienet komposta d-delegazzjoni Maltija li attendiet għall-Assemblea Ġenerali tal-ISO li saret f'Settembru li għadda ġewwa St Petersburg, ir-Russja? Tista' tiddikjara x'kienet l-ispiża għal kull membru tad-delegazzjoni? Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm persuni/guests oħra li akkumpanjaw lill-membri tad-delegazzjoni? X'inhi r-relazzjoni tagħhom mal-membri tad-delegazzjoni u min ħallas l-ispejjeż ta' dawn il-persuni?
Response (DALLI, HELENA)
Id-delegazzjoni li attendiet l-Assemblea Ġenerali tal-ISO kienet komposta miċ-Chairman tal-Aworità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u mid-Direttur tad-Direttorat dwar l-Istandards fi ħdan l-istess Awtorità.
Ma kien hemm ebda persuna oħra li ppartecipat f’din l-Assemblea u għalhekk l-Awtorità ħallset biss għad-delegati kif imsemmija aktar ‘il fuq. L-ispejjeż involuti kienu ta’ €2,387.41 fir-rigward taċ-Chairman u €2,495.50 fir-rigward tad-Direttur tad-Direttorat dwar l-Istandards fi ħdan l-istess Awtorità. Jiena nfurmata li l-mara taċ-Chairman kif ukoll it-tifel tiegħu ivvjaġaw miegħu fuq btala privata imħallsa privatament.
Awtorità ta Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – tribunal tal-appell
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur kif imwaqqaf bl-Artiklu 31 tal-Att dwar l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex qiegħed jiltaqa' bil-konsegwenza li x-xogħol quddiem dan it-Tribunal huwa wieqaf kompletament? Tista’ tikkonferma illi membru ta' dan it-Tribunal irriżenja u dan minħabba li ġie appuntat f'kariga ġdida? Għaliex sal-lum dan il-membru għadu ma ġiex sostitwit? X’se jkun qed jiġri mill-każijiet pendenti li hemm quddiem it-Tribunal?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor Interpellant li t-Tribunal li qed tirreferi għalih għandu jkun kompost minn President li jrid jkun imħallef u żewġ membri magħżula minn panel ta’ sitt membri. Il-liġi tispeċifika li dan it-Tribunal jrid ikun magħmul minn persuni professjonali minn oqsma differenti speċifiċi li jkunu kompetenti fl-oqsma tal-kompetizzjoni u affarijiet tal-konsumatur.
Fil-preżent dan it-Tribunal huwa magħmul mill-President u żewġ membri wara li l-membru l-ieħor kellu jirreżenja peress li ingħata kariga fl-Awtorità għal Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur. B’hekk teknikament dan it-Tribunal għadu jista’ jiffunzjona.
Infurmata li qatt ma kien hemm maħtura s-sitt membri kollha kif titlob il-liġi. Peress li ma kienx hemm il-membri oħra maħtura skont kif maħsuba fil-liġi, sakemm jinħatru l-membri ġodda dan it-Tribunal ma jistax jiffunzjona b’mod effettiv kif mixtieq.
Mal-aħħar riżenja f’dan it-tribunal beda l-proċess biex jiġu identifikati persuni kompetenti biex jimlew dawn il-vakanzi.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4485 u tgħid jekk il-budget tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi — Tnaqqis fil-budget
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4486 u tgħid jekk il-budget tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imħejji mill-kumpanijali isimha qiegħed jintbagħat separatament dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur liema rapport ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta f'Awwissu li għadda?
Response (DALLI, HELENA)
Ir-rapport finali li għalih qed tirreferi l-Onor Interpellant għadu ma ġiex diskuss mill-Board of Governors. S’issa ġie diskuss biss rapport preliminarju billi f’dak l-istadju ir-rapport ma kienx għadu finalizzat.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar il-laboratorji tal-metroloġija li huma laboratorji totalment differenti mill-laboratorji li jagħmlu testing?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir evalwazzjoni tal-laboratorji kollha.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – spezzjonijiet fuq ħwienet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur fix-xhur ta' bejn Mejju u Awwissu li għadda biex jaraw li l-ħwienet tal-merċa għandhom il-prezzijiet indikati kif titlob il-liġi? Tista' tindika kemm saru spezzjonijiet xahar b'xahar u f'liema lokalitajiet saru, kif ukoll kemm-il ħanut instab mingħajr prezzijiet indikati kif titlob il-liġi? X'azzjonijiet ittieħdu mill-Awtorità f'dan ir-rigward?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onerevoli Interpellant Ii n-numru ta’ spezzjonijiet li saru mill-ispetturi tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur bejn Mejju u Awwissu 2013 fil-ħwienet tal-merċa fir-rigward ta’ prezzijiet indikati jammontaw għal 1,811 fejn minnhom 1,746 ħanut instabu konformi mar-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, filwaqt li 65 instabu mhux konformi. It-tabella t’hawn taħt turi l-ispezzjonijiet li saru xahar b’xahar.
Xahar
Numru ta' Spezzjonijiet
Konformi
Mhux Konformi
Mejju
436
432
4
Ġunju
217
215
2
Lulju
507
486
21
Awwissu
651
613
38
Dawn l-ispezzjonijiet saru f’diversi bliet u rħula li jinkludu B’Bugia, B’Kara, Fgura, Hamrun, Luqa, M’Scala, Mellieħa, Mosta, Naxxar, Qormi, San Ġwann, Santa Luċija, Sliema, Swieqi, Tarxien, Valletta u Żurrieq f’Malta, filwaqt li f’Għawdex saru spezzjonijiet ġewwa Fontana, Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Munxar, Nadur, Qala, Rabat, San Lawrenz, Sannat, Xagħra, Xewkija u Żebbuġ.
Dawk il-ħwienet li nstabu mhux konformi ingħataw twissija verbali jew bil-miktub. Ġranet wara reġgħet saret spezzjoni fil-ħwienet tagħhom fejn instab li kienu kkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi.
Awtorità ta Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — spetturi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha spetturi l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur? Tista' tgħid kemm minnhom jaħdmu fuq bażi full-time u xi kwalifiċi għandhom l-ispetturi kollha tal-Awtorità?
Response (DALLI, HELENA)
L-Awtorita’ għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandha 11 il-spettur full-time u 21 spettur part-time. Il-kwalifiċi jvarjaw minn xjentisti, inġiniera, uffiċjali tekniċi u amministrattivi kif ukoll avukat.
Uffiċjali tal-MCCAA ssekondati mill-għaqdiet tal-konsumatur
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux se jkompli jadotta l-policy tal-Gvern preċedenti li uffiċjali tal-MCCAA li huma responsabbli għar-rikonċiljazzjoni meta konsumatur iressaq ilment hux se jiġu ssekondati maż-żewġ għaqdiet tal-konsumatur rikonoxxuti biex b’hekk l-MCCAA tkun tista’ tikkonċentra aħjar fuq ix-xogħol regolatorju tagħha?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-MCCAA qatt ma ssekondat uffiċjali tagħha ma' xi għaqda tal-konsumatur.
Awtorità dwar il-Mediċini – tnaqqis fil-budget 2013
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-budget tal-Awtorità dwar il-Mediċini approvat f’April li għadda ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva, b’kemm tnaqqas u x’inhi r-raġuni għal dan it-tnaqqis?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' mediċini/farmaċewtiċi li roħsu fil-prezzijiet mill-bidu ta' Marzu 2013 sal-lum permezz tal-ħidma tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista' l-Ministru tippubblika l-prezzijiet ta' dawn il-mediċini/farmaċewtiċi li roħsu u b'kemm roħsu?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord li qed tagħmel referenza għalih kien twaqqaf mill-amministrazzjoni preċedenti u minn Marzu 2012 sa Frar 2013 ltaqa’ darba.
Dan il-Bord reġa tlaqqa din is-sena u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li jwassal li l-konsumatur igawdi minn sistema ta’ prezzijiet aħjar.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu kontra dawk l-importaturi tal-mediċini li rriżulta, jekk inhu l-każ, li mill-bidu ta' Marzu li għadda biegħu mediċini bil-għoli?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor Interpellant li ma ttieħdu ebda passi kontra importaturi tal-mediċini li biegħu mediċini bil-għoli u dan minħabba r-raġunijiet li diġà semmejt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 4822.
MCCAA — kumitat biex jittratta l-prezzijiet tal-mediċini
Question
B'referenza għall-kumitat li jeżisti fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jittratta l-prezzijiet tal-mediċini, tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-kumitat mill-bidu ta' Marzu 2013 sal-lum?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4822
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenti
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha għamlet użu minnhom matul 2013? Fiex jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f’kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Tista’ l-Ministru tgħid jekk kull servizz mogħti ngħatax b'direct order jew wara sejħa pubblika?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba.
Peress li skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li twaqqaf f’Mejju li għadda, irid jiltaqa’ mill-anqas darba fix-xahar, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa’ s’issa dan il-Kunsill minn Marzu 2013 sal-lum u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda tal-laqgħat li saru?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur iltaqa’ erba’ darbiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Aġenda ta’ dawn il-laqgħat
Malta National Laboratory – proċess ta’ likwidazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fejn wasal il-proċess ta’ likwidazzjoni u kemm se jdum l-istess proċess ta’ dak li kien il-Malta National Laboratory li llum jagħmel parti mill-MCCAA? Tista’ tgħid jekk id-diretturi tal-Malta National Laboratory irċevewx ir-remunerazzjoni tagħhom għas-sena 2012 – 2013? Tista’ tgħid x’inhu l-futur tal-Laboratorju Nazzjonali u jekk dan huwiex se jkun parti mill-Bio Science Park kif kien ippjanat?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-likwidazzjoni huwa f’idejn is-Sur John Busuttil li kien appuntat likwidatur. Fil-mument l-awdituri tal-Malta National Laboratory, Busuttil & Micallef qegħdin jagħmlu awditjar biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni finanzjarja fid-data tat-22 ta’ Mejju 2011. Wara dan, il-likwidatur ikun jista jikkonkludi xogholu.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għal kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qatt ma ħallset lid-Diretturi tal-Malta National Laboratory u mhux se tkun parti mill-Bio Science Park.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm nisa/irġiel ta’ età aktar minn 61 sena ddaħħlu jaħdmu mal-Gvern f’ministeri u entitajiet oħra mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħni n-numru skont l-età? F’liema gradi qegħdin? X’kienu r-raġunijiet li ddaħħlu jaħdmu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li bejn id-9 ta’ Marzu u d-9 ta’ Lulju, 2013 daħlu 35 impjegat ġdid fl-Amministrazzjoni Pubblika li għandhom eta’ ta’ 61 sena jew aktar.
Dettalji ta’ dawn l-impjegati, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.