B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3209, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman preżenti tal-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA)?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kont diġà għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3209 l-kuntratt li għandu ċ-Chairman preżenti tal-MCCAA huwa ekivalenti għal dak ta’ Segretarju Permanenti. Minħabba kwistjoni ta’ data protection il-kuntratt mhux se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet tal-uffiċjali tal-MCCAA li bħalissa qed igawdu minn xi allowance? X'tip ta' allowance qed jieħdu u kemm huma l-ammonti li huma qed jirċievu individualment? Tista' tgħid jekk hemmx uffiċjali li qed jieħdu iżjed minn allowance waħda u jekk fl-affermattiv tista' tghid min huma dawn l-uffiċjali, fuq liema bażi qed joħduha u kemm hi din l-allowance?
Response (DALLI, HELENA)
Minħabba raġunijiet ta’ data protection qed ngħaddi personalment l-informazzjoni mitluba lill-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali fl-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA) li xogħolhom hu li jisimgħu l-ilmenti tal-konsumatur meta dawn tal-aħħar immorru fl-uffiċċju tal-Awtorità? X'grad għandhom dawn l-uffiċjali u x'tip ta' taħriġ ħadu? Tista' tgħid f'liema ġranet u ħinijiet l-uffiċċju tal-MCCAA biex jilqa' l-ilmenti tal-konsumaturi? Tista' l-Ministru tgħid jekk dan l-uffiċċju jiftaħx is-Sibt biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-ilmenti tagħhom?
Response (DALLI, HELENA)
Ninsab infurmata li hemm sitt uffiċċjali li jisimgħu l-ilmenti tal-konsumatur meta dawn imorru l-Uffiċċju tal-Awtorità. Wieħed huwa executive, tlieta huma skrivani anzjani waqt li t-tnejn l-oħra għandhom il-grad ta’ skrivani.
It-taħriġ jingħata perjodikament kif dejjem sar sa mit-twaqqif ta’ din l-Awtorità . Il-ħinijiet li l-uffiċċju jkun miftuħ għal-pubbliku huwa ta’ bejn it-08.30 u 12.30. Waqt li nhar ta’ Erbgħa, l-Uffiċċju jibqa’ miftuħ sal-4.00 ta’ wara nofs in-nhar.
L-Uffiċċju ma jiftaħx nhar ta’ Sibt.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-MCCAA li qed jibbenefikaw mit-teleworking? Tista' tgħid kemm hu l-ammont ta' siegħat li kull impjegat li jibbenefika mit-teleworking jattendi għax-xogħol fl-Awtorità? Tista' tgħid jekk hemmx diretturi ġenerali u/jew diretturi li jibbenefikaw minn din il-miżura tat-teleworking?
Response (DALLI, HELENA)
L-MCCAA hemm 21 impjegat li jibbenifikaw mit-telework.
Minn dawn hemm tlett diretturi li jibbenifikaw. L-ammont rispettiv ta’ sigħat li jattendu l-uffiċċju fil-ġimgħa huwa kif ġej:
3 persuni jattendu 25 siegħa
3 persuni jattendu 16-il siegħa
2 persuni jattendu 24 siegħa
Persuna waħda tattendi 29 siegħa u nofs
Persuna wahda tattendi 28 siegħa u tlett kwarti
Persuna waħda tattendi 32 siegħa
Persuna waħda tattendi 19-il siegħa u nofs
Persuna waħda tattendi 30 siegħa
Persuna waħda tattendi 25 siegħa u kwarta
Persuna waħda tattendi 8 siegħat
Persuna waħda tattendi 23 siegħa u tlett kwarti
Persuna waħda tattendi 18-il siegħa
Persuna waħda tattendi 9 siegħat
Persuna waħda tatttendi 26 siegħa u kwara
Persuna waħda tattendi 25 siegħa matul ix-xitwa u 20 siegħa matul is-sajf
Persuna waħda tattendi 31 siegħa u kwarta matul ix-xitwa u 35 siegħa matul is-sajf.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra kemm ġew allokati fondi għall-process tal-konsolidament ta’ laboratorji għaliex dawn huma ineżistenti fl-estimi tal-baġit 2014?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi jiġu allokati meta l-pjan ikun iffinaliżżat.
National Centre for Quality and Scientific Affairs
Question
B'relazzjoni għall-inizjattiva ġdida tan-National Centre for Quality and Scientific Affairs (NCQSA) dwar il-konsolidament ta' laboratorji, tista’ l-Ministru tgħid meta huwa ppjanat li jintemm dan il-proċess? Tista’ l-Ministru telenka l-laboratorji involuti? Min qiegħed jieħu ħsieb dan il-proċess? Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema involuti humiex se jkunu mogħtija l-għażla li ma jmorrux fis-set up il-ġdid?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin naħdmu biex il-proċess isir fi żmien raġonevoli, inħela biżżejjed żmien tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Ninformaha li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qed jamministra dan il-proċess u iva l-ħaddiema se jingħataw l-għażla li ma jmorrux fis-set up il-ġdid.
Tista’ l-Ministru tgħid x’rwol għandhom il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament fil-proċess tal-konsolidament ta’ laboratorji u fis-set up li qed jiġi mfassal?
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ ħwiebet u l-indirizz tagħhom li mhumiex eżentati mil-liġi u li jridu juru kemm-il prezz tal-prodott kif ukoll l-unit price?
Response (DALLI, HELENA)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ħwienet, li mhumiex eżentati mil-liġi u li jridu juru kemm-il prezz tal-prodott kif ukoll l-unit price. Din il-lista inġabbret wara eżerċizzju li kien sar mill-Awtorità fil-bidu ta’ din is-sena u li qed tiġi aġġornata minn żmien għal żmien.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il public warning inħareġ mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) minn kemm ilha mwaqqfa? Tista’ tgħid jekk dawn il-public warnings għadhomx fis-seħħ jew ġewx irtirati?
Response (DALLI, HELENA)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur sal-lum ħarġet 25 public warning, u l-ebda waħda ma ġiet irtirata.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-public warning maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kontra l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx irtirata ftit wara mid-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Ninsab infurmata li l-public warning maħruga mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kontra l-kumpanija indikata ma ġietx irtirata.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il public warning inħareġ mill- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) minn Ġunju li għadda sal-lum u kontra min inħarġu?
Response (DALLI, HELENA)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Ġunju sal-lum ma ħargu ebda public warnings mill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Madankollu, f’dan il-perijodu, l-Awtorità ħarġet 4 public statements biex il-pubbliku jiġi avżat dwar periklu minn prodotti li kien hemm fis-suq. Dawn kienu jirrigwardaw il-malji tal-għawm għat-tfal, l-elmi tal-muturi, l-użu tal-pestiċidi u regolaturi tal-gas.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5327, tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn in-negozji li nstabu mhux konformi, kienu mhux konformi darbtejn, tliet darbiet jew iżjed minn hekk? Tista’ tgħid x’azzjonijiet ħadet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’dawn il-każijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5327, dawk il-ħwienet li jinstabu li ma jkunux konformi jiġu mogħtija twissija verbali jew bil-miktub. Mill-ispezzjonijiet li saru wara fuq il-ħwienet msemmija, instab li l-ħwienet ħadu l-passi neċessarji sabiex jiġu konformi mar-Regolamenti.
Mill-65 ħanut msemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5327, 58 minnhom ingħatatilhom twissija waħda u 7 l-oħra ingħataw 2 twissijiet f’perijodi differenti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali impjegati mat-taqsima tal-laboratorji tal-forensika? Tista’ l-Ministru tgħid kif dawn ikunu infurmati meta l-Qorti jkollha bżonn is-servizzi tagħhom u kif u minn min jitħallsu? Peress li l-faċilitajiet ta’ laboratorju tal-forensika huma limitati, fejn qegħdin isiru t-testijiet neċessarji? Jeżisti xi ftehim bejn l-MCCAA u laboratorji privati mqabbda mill-MCCAA biex jagħmlu dawn it-testijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 4 uffiċċjali impjegati mat-Taqsima tal-Forensika fil-Laboratorju.
Il-Qorti tqabbad lill-esperti li trid hi meta jkollha bżonn servizz f’dan il-qasam. Meta l-esperti mqabbda mill-Qorti ikunu mpjegati tal-MCCAA, dawn jitħallsu il-paga tagħhom normali bħala impjegati ta’ din l-Awtorità.
L-MCCAA m’għandha ebda ftehim ma’ laboratorji privati u l-esperti mqabbda mill-Qorti jiddeċċiedu huma fejn jagħmlu t-testijiet.
Tista' l-Ministru tgħid x'għajnunijiet qed tagħti inklużi dawk finanzjarji liż-żewġ għaqdiet tal-konsumatur u dan minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid jekk hijiex qed tikkunsidra li toffri post ċentrali minn fejn dawn iż-żewġ għaqdiet ikunu jistgħu joperaw u jaqdu aħjar ix-xogħol tagħhom? Tista' tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li tgħin liż-żewġ għaqdiet jingaġġaw uffiċjal full-time?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm Assoċjazzjoni waħda rreġistra – l-Għaqda tal-Konsumaturi – Malta. L-għajnuna li ngħatat lil din l-Għaqda minn Marzu 2013 sal-lum hija l-użu ta’ Uffiċċju, servizz ta’ l-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas. Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għandu ebda talba pendenti mingħand xi Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi.
Dwar post ċentrali fiss nista ninforma lil Kamra li l-Għaqda ingħatat l-użu ta’ post fi Triq l-Ifran il-Belt.
Qed tiġi kkunsidrata l-għajnuna msemmija mill-Onor. Membru.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4485 u 5230 u tgħid jekk il-budget tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Tista' l-Ministru twiegeb mistoqsijiet parlamentari 4486 u 5231 u tgħid jekk il-budget tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Uffiċjali tal-MCCAA ssekondati mill-għaqdiet tal-konsumatur
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4845, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb minn dan il-Gvern li uffiċjali tal-MCCAA jiġu ssekondati maż-żewġ għaqdiet tal-konsumatur rikonoxxuti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern m'għandux ħsieb li uffiċċjali tal-MCCAA, li huma responsabbli għar-rikonċiljazzjoni meta konsumatur iressaq l-ilment, jiġu sekondati ma' xi għaqda tal-konsumatur.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4843, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-minuti tal-erba' laqgħat li saru mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid min ġie maħtur segretarju tal-Kunsill tal-Konsumatur, fuq liema bażi ġie maħtur u jekk huwiex qed jirċievi xi forma ta’ onorarja jew remunerazzjoni? F'każ li qed isir xi ħlas, tista' l-Ministru tgħid kemm hi din l-onorarja jew remunerazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi għall-Mistoqsija tal-Onor. Interpellant u ninformaha li din il-pożizzjoni se timtela’ minn skrivan/a u għalhekk ma jkunx hemm rinumerazzjoni addizzjonali għal dan ix-xogħol.