Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċini

Question

Peress li l-Gvern jidher li mhux interessat li jkompli bil-programm tal-Gvern preċedenti li jnaqqas il-prezzijiet tal-mediċini fuq is-suq, tista’ l-Ministru tgħid x’rwol ġdid għandhom dawk l-uffiċjali li qabel kienu responsabbli minn din l-attività?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ftehim li sibna mal-Gvern preċedenti ma kienx jorbot lill-istakeholders kollha peress li uħud minnhom kienu rrifjutaw li jiffirmawh. Għaddejjin diskussjonijiet li għandhom iwasslu għal roħs ta’ ċerti mediċini.

Pesticide Residues – Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati kollha tat-testijiet tal-pesticide residues li saru matul is-sena 2013 fuq frott, ħaxix u laħam? Tista’ tgħid f'liema laboratorju saru dawn it-testijiet u għal min hu akkreditat dan il-laboratorju?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm numru ta’ riżultati tat-testijiet tal-pestiċidi li saru matul is-sena 2013 li huma parti minn proċeduri ġudizzjarji li għadhom għaddejjin u għalhekk m’għandhomx ikunu ppubblikati f’dan l-istadju. Għaldaqstant qed inpoġġi biss fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat fejn il-każ ġie deċiż mill-Qorti. Il-laboratorji użati huma dawn : 1. Generalitat Valenciana, Conselleria De Presidencia l Agricultura, Pesca, Alimentacio l’Algua Direccio General de Produccio Agraria l Ramaderia Servici d’Analisi Agroalimentari Pintor Goya, 8 46100 Burjassot, Valencia, Spain Dan il-laboratorju huwa akkreditat ma’ ENAC u jieħu sehem fil-proficiency test tal-Kummissjoni Ewropea. 2. LGC Ltd, Queens Road Teddington Middlesex UK Dan il-laboratorju huwa akkreditat ma’ l- United Kingdom Accreditation Service u jieħu sehem fil- proficiency test tal-Kummissjoni Ewropea.

Pesticide Residues – Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm jgħaddi żmien minn meta jinġabru l-kampjuni ta' frott, ħaxix u laħam li jintbagħtu għat-testijiet għal pesticide residue sakemm ikun magħruf ir-riżultat? Tista’ tgħid kif jintbagħtu l-kampjuni għat-testijiet? Kemm kienu l-ispejjeż kollha relatati sabiex isiru dawn it-testijiet matul is-sena 2013? Tista’ tgħid ukoll għaliex dawn it-testijiet ma jsirux f' Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li bejn wieħed u ieħor jgħaddu minn ġimgħatejn sa tlett ġimgħat minn meta jinġabar il-frott u l-ħaxix sakemm joħroġ ir-riżultat tat-testijiet. Uffiċċjal tad-direttorat tas-sorveljanza fuq is-suq immur personalment b’dawn il-kampjuni permezz ta’ titjira diretta. Waqt it-trasport il-kampjuni jinżammu fi stat iffriżat. L-ispejjeż kollha relatati sabiex isiru dawn it-testijiet matul is-sena 2013 kienu ta’ Eur18,650. F’Malta għad m’hawnx laboratorju akkreditat li janaliża ir-residwi ta’ pesticidi u li jieħu sehem fil- Proficiency tests tal-Unjoni Ewropeja hekk kif mitlub mil-liġi dwar il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pesticidi .

Livell ta’ Pesticide Residues

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-sena 2013 kienx hemm każijiet li l-livell tal-pesticide residue kienx daqs jew aktar mil-livell aċċettat? Jekk iva, tista’ tgħid kemm- il darba dan irriżulta, liema kienu l-prodotti involuti u x'azzjoni ttieħdet mill-MCCAA?

Response (DALLI, HELENA)

Fis-sena 2013, erbgħa prodotti irriżultaw bl-livelli ta’ pestiċida aktar għoljin mill-livell massimu ta’ residwi hekk kif stipulat mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-prodotti kienu: -Kampjun ta’ frawli -Tliet kampjuni ta’ ħawħ. Fil-każijiet kollha ittieħdet azzjoni legali kontra l-bdiewa nvoluti. Fil-każ tal-kampjun tal-frawli, il-bidwi involut ammetta l-ħtija quddiem il-Magistrat filwaqt li fir-rigward tat-tliet każijiet l-oħra tal-ħawħ, il-proċeduri legali ġewwa l-Qorti ta’ Malta għadhom għaddejjin.

Laboratorji — amalgamazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-amalgamazzjoni tal-laboratorji? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar il-proċess ta' amalgamazzjoni tal-laboratorji u jekk dan ir-rapport ma jeżistix, tpoġġi minflok ir-roadmap ta' dan il-Gvern dwar dan il-proċess?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tal-laboratorji. Għaldaqstant f’dan l-istadju l-Ministeru mhux f’pożizzjoni li jagħti aktar informazzjoni dwar il-proċess.

Programm televiżiv — intervista

Question

B'referenza għall-programm televiżiv li deher fuq RAI TV fil-11 ta’ Marzu li għadda li kien jittratta prodotti bioloġiċi għall-annimali, tista’ l-Ministru tgħid f'liema kapaċità kien qiegħed jidher il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-intervista li saret mid-diriġenti tal-programm liċ-ċermen tal-MCCAA u d-direttur tal-Istandards?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-persuna li qed tirreferi għaliha ħadet sehem fil-programm tar-RAI fil-kapaċita’ tagħha ta’ Chairman ta’ l-Awtorita’ Kompetenti għal Agrikultura Organika fi ħdan il- Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.

Standards and Metrology Institute u Technical Regulations Division — Diretturi Ġenerali ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proċedura se tintuża biex jintgħażlu u jiġu appuntati Diretturi Ġenerali ġodda fl-Istandards and Metrology Institute u fit-Technical Regulation Division? Kif se jkun kompost il-bord tal-għażla u x'sejjer ikun ir-rwol tal-Ministeru u tal-Bord tal-Awtorità fl-għażla finali?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minkejja li l-Att tal-2011 dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tipprovdi li Direttur Ġenerali “għandu jiġi maħtur mill-Bord wara konsultazzjoni mal-Ministru”, ġie deciż li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-pożizzjonijiet imsemmija fid-domanda tagħha biex jiġi assigurat aktar trasparenza fl-għażla li se ssir. Il-Bord tal-għażla għadu ma ġiex imwaqqaf billi l-applikazzjonijiet għadhom jistgħu jiġu sottomessi sal-25 ta' April 2014.

Playgrounds — spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni saret fi playgrounds minn April 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2014? Tista’ tgħid f'liema lokalitajiet saru dawn l-ispezzjonijiet? Tista’ tgħid jekk l-MCCAA irrakomandatx l-għeluq ta’ xi playgrounds u jekk fl-affermattiv liema huma dawn il-playgrounds?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru 158 spezzjoni bejn April 2013 u l-aħħar ta’ Marzu 2014. Dawn l-ispezzjonijiet saru fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex fejn hemm playgrounds taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali. Ġew irrakkomandati 28 playground biex jingħalqu kif jidher hawn taħt: Ġnien Triq San Dwardu – Il-Birgu Ġnien tal-Mirakli – Ħal Lija Ġnien Tagħna t-Tfal – L-Isla Ġnien 13 t’April – Ħal Safi Ġnien tal-Blat 1 – Ħal Qormi Ġnien Dun Karm Vella – Ħal Safi Ġnien l-Infetti – Ħaż-Żebbuġ Ġnien il-Qawsalla – Iż-Żejtun Ġnien Dun Ġorġ Preca – Santa Venera Ġnien San Girgor – Iż-Żejtun Ġnien il-Kunsill – Ħaż-Żabbar Ġnien il-Qigħan – Il-Mellieħa Ġnien Ta’ Żwejt – San Ġwann Ġnien Raymond Caruana – Il-Gudja Ġnien 15 t’Ottubru – Iż-Żokrija, l-Mosta Playingfield ħdejn il-grawnd tal-futbol – Il-Gudja Għar Lapsi Park Playground – Is-Siġġiewi Ġnien Misraħ San Rokku – Ħal Għaxaq Ġnien Nicolo’ Communet – Il-Qrendi Ġnien il-Ħamrija – In-Naxxar Ġnien Tfal ir-Raħal – L-Imqabba Ġnien l-Indipindenza – Tas-Sliema Ġnien f’Misraħ il-Fidwa – L-Imqabba Ġnien Madre Tereża ta’ Kulkutta - Pembroke Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq – Iż-Żurrieq Ġnien Ta’ Żagħruna – Ħal Għargħur Ġnien 4 ta’ Lulju – Pembroke Ġnien ix-Xatt – Ix-Xgħajra.

MCCAA – Impjegati Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma l-impjegati Għawdxin li jaħdmu full-time u part-time mal-MCCAA li jaħdmu Malta? Tista’ tgħid x'qed isir biex possibbilment dawn jinstabilhom impjieg f'Għawdex?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm tmien impjegati Għawdxin mal-MCCAA li jaħdmu Malta u li tnejn minnhom huma preżentament seconded ma’ Ministeri. F’dan il-mument m’hemm ebda ħsieb li jitellgħu xi ħaddiema jaħmu Għawdex. Xi wħud mill-ħaddiema Għawdxin jaħdmu bit-telework.

Mediċina Out of Stock — Beclomethasone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-prodott Beclomethasone 250mg inhaler li huwa tant importanti għas-saħħa tal-pazjenti jinsab out of stock? Meta hu mistenni li dan il-prodott ikun provdut? Jista’ jgħid x’alternattivi qed jingħataw lill-pazjenti sakemm dan il-prodott jerġa’ jkun in stock?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li l-mediċina msemmija mhix out of stock.

MCCAA — rapport

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5325, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport finali dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapport imsemmi fih informazzjoni kunfidenzjali inkluż data personali tal-impjegati kif ukoll informazzjoni dwar attività kummerċjali u għalhekk m’għandux ikun ippubblikat.

MCCAA – online questionnaire

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Kompetizzjoni (MCCAA) ħass il-bżonn li llum permezz ta’ ittra indirizzata lill-impjegati tal-MCCAA jinformahom u jitlobhom sabiex jirrispondu għal questionnaire li se jiġi ċċirkolat lilhom online? Tista’ tgħid kif ġiet magħżula d-ditta ta’ konsulenti li se tkun qed tikkonduċi dan is-survey? Tista’ tgħid ukoll kemm se jiġi jiswa dan l-eżerċizzju u jekk din id-ditta hijiex se titħallas mill-MCCAA jew mill-Ministeru kkonċernat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġunijiet għaliex iċ-Chairman ħass il-bżonn li jitlob lill-impjegati tal-MCCAA sabiex jirrispondu questionnaire huma indikati b’mod ċar fl-istess ittra li qed tirreferi għaliha l-Onor Interpellant u li nifhem li għandha kopja tagħha. Id-ditta ta’ konsulenti ġiet magħżula fuq l-esperjenza twila li għandha f’dan il-qasam u l-fatt li matul is-snin mexxiet surveys simili f’entitajiet oħra kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dan l-eżerċizzju se jiġi jiswa tlett elef (3,000) ewro mingħajr VAT u se jitħallas mill-MCCAA.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenti kollha li ġew ingaġġati fil-Ministeru tagħha u ma’ kull entità u awtorità li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Tista’ tgħid x’inhu r-rwol ta’ kull konsulent u tgħid kemm tħallsu s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #8844 Sitting 135 2014-04-01 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali tal-Ħamrun – Laqgħat – live streaming

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4907 u 5883, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun applikax biex ikun jista’ jibda l-live streaming tal-laqgħat tal-Kunsill? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jopera dan il-live streaming? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ħareġ sejħa għall-offerti dwar dan liema sejħa kienet aġġudikata lil Correct Termination Ltd. Jonqos biss l-installazzjoni ta’ servizz ta’ internet bi speed adegwat li jkun jista’ jitrasmetti x-xandiriet. Infurmat li għandha toħroġ sejħa għal dan is-servizz.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru taħditiet mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun dwar proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun? Jekk iva, jista’ jgħid fiex waslu dawn it-taħditiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għamel laqgħa ma’ Transport Malta fejn intalbet għajnuna biex issir Triq il-Kbira San Gużepp. Għajnuna tingħata skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett ta’ night shelter

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun dwar il-proġett ta’ night shelter fil-lokalità tal-Ħamrun? Tista’ tagħti indikazzjoni jekk dawn id-diskussjonijiet ġewx konklużi u jekk hemmx target date ta’ meta l-proġett għandu jkun varat?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet imressqa proposta mill-Kunsill Lokali msemmi f’dan ir-rigward. Din il-proposta qiegħda tiġi evalwata.
Leg 12 PQ #8857 Sitting 135 2014-04-01 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

BICAL — diskussjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 975, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi ġodda dwar il-BICAL?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kienx hemm żviluppi ġodda f dan il-każ, għalkemm ninforma wkoll illi l-Gvern qed jaħdem attivament fuq dan il-każ.

European Consumer Network — Baġit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien il-baġit tal-European Consumer Network (ECN) fl-2012, 2013 u 2014 u kemm minn dan il-baġit kienu fondi tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-Gvern Malti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-baġit tal-European Consumer Netwrok (ECN) kien kif ġej: Fondi mill-Ewropa: 2012 Fondi minn qabel (pre-financing) 69,675.25 Ewro + bilanċ 8,952.97 Ewro= Total 78,628.25 Ewro. 2013 Fondi minn qabel 52,500 Ewro u għad irridu nirċievu bilanċ ta' 17,556.37 Ewro. (Dawn nirċievuhom mingħand il-Kummissjoni meta tiġi ffinalizzata l-evalwazzjoni). 2014 Fondi minn qabel 56,970 Ewro (bilanċ jinħadem wara l-evaluazzjoni tar-rapport finali). Fondi mill-Gvern lokali: 2012 – 70,000 Ewro 2013 – 70,000 Ewro 2014 – 70,000 Ewro

European Consumer Network

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qiegħed imexxi l-European Consumer Network (ECN)preżentament u jekk saritx talba biex jimtela dan il-post wara li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatar Direttur?

Response (DALLI, HELENA)

Naħseb li l-Onor. Interpellant qed tirreferi għall-ECC (European Consumer Centre). Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat in-nomina ta’ Dr Phyllis Bezzina biex tmexxi dan il-proġett. Ma saret ebda talba biex jimtela dan il-post billi Dr Bezzina ma ħadet l-ebda promozzjoni jew żiediet fis-salarju u baqgħet tirċievi s-salarju ta’ case officer li kellha qabel.

Uffiċċju tal-Konsumatur – Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’passi se jittieħdu mill-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur wara li d-Direttur Ġenerali instab li abdika mid-doveri tiegħu u dan skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni datata 26 ta’ Frar 2014 tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li l-appell imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa sub judice peress li skont l-artikolu 110F (1)-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378), id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fit-12 ta' Marzu, 2014 appella quddiem il-Qorti tal-Appell. Għalhekk id-deċiżjoni tas-26 ta' Frar, 2014 tat-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur mhijiex finali.