Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-muturi off road tat-tip motorcross u trials li jintużaw biss għall-isport tal-muturi off road u mhux biex jinstaqu fit-toroq, jiġu eżentati kompletament mid-dazju mpost fuq is-sewwieqa tal-muturi sportivi sal-lum? Jekk iva, minn meta se jibda japplika dan l-arranġament u xi proċeduri jridu jiġu segwiti? Jekk le, għaliex meta nġenji oħra li ma jintużawx fit-toroq huma diġa' eżentati mid-dazju f'pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Il-muturi tat-tip off-road huma suġġetti għad-dazju ta` importazzjoni daqskemm huma suġġetti l-vetturi l-oħra li huma impurtati biex jintużaw fit-toroq pubbliċi. Ma hemm l-ebda arranġament speċjali biex xi tip ta` vettura li ma tintużax fit-toroq tkun eżentata mid-dazju ta` l-importazzjoni. Ta` min jgħid li l-vetturi u muturi ta` kull tip li huma ta` oriġini tal-E.U. ma jitħallas ebda dazju ta` l-importazzjoni fuqhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt ilu jiġi organizzat il-kampjonat nazzjonali tal-muturi off road bħal kampjonati motorcross u trials fil-gżejjer Maltin?
Billi jeżisti preċedent li qed inaffar ħafna żgħażagħ milli jipparteċipaw f'dan l-isport, ċioe' l-isportivi Maltin tat-trials u l-motorcross qed jiġu ntaxxati mid-dwana daqs li kieku dawn għandhom muturi li jintużaw fit-toroq, jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata din l-inġustizzja billi dawn iż-żgħażagħ ikollhom arranġamenti u għajnuna mill-awtoritajiet bħalma kellhom sa Mejju ta' l-1987?
Meta fil-fatt twaqqfet l-Assoċjazzjoni Mediterranja ta' l-off road tal-muturi? Meta ġie ffinalizzat l-aħħar agreement ta' koperazzjoni bejn il-Federazzjoni Taljana, l-Assoċjazzjoni tal-Muturi lokali u d-Dipartiment ta' l-Isport tal-Ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma jirriżultalix li l-kampjonati tal-muturi off road, motorcross u trials huma organizzati mill-gvern, id-Dipartiment m'għandux l-informazzjoni meħtieġa.
Il-kwestjoni ta' eżenzjoni mill-ħlas tad-dwana hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi li għandha tiġi eżerċitata b'diskrezzjoni għaqlija u fi kwadru ta' policy ċara.
Il-Ministeru m'għandux informazzjoni dwar l-assoċjazzjoni Mediterranja ta' l-off road tal-muturi.
Ma sar l-ebda agreement bejn il-Federazzjoni Taljana, l-Assoċjazzjoni tal-Muturi lokali u d-Dipartiment ta' l-Isports. Fl-ebda żmien ma ġie propost xi forma ta' agreement kif intimat fil-mistoqsija.
Billi kien twaqqaf kumitat sabiex jiġi studjat il-potenzjal tat-Tuma pennings bil-għan li jiddiverifika aktar il-qasam ta' l-akwakultura fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi jew jekk dan il-kumitat għadux stabbilit? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-politika tal-Gvern hija li jifli bir-reqqa kull proposta ta'investiment f'kull fergħa tal-qasam tas-Sajd. Wara li jsiru l-istudji neċessarji kollha, kif ukoll wara li jiġu eżaminati l-aspetti ekonomiċi u ambjentali ta kull proġett, il-Gvern jagħti l-approvazzjoni tiegħu fl-aħjar interessi tal-industrija tas-Sajd u l-Akkwakultura.
Billi l-Gvern preċedenti kien beda jħejji sabiex jwaqqaf skola tas-sajd, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli miexi fuq l-istess triq? Jekk iva, minn huma l-uffiċjali fil-ministeru responsabbli minn dan il-proġett u x'target dates għandhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nikonsidraw li t-twaqqif ta'istitut għall-istudju xjentifiku tas-sengħa tas-sajd huwa pass importanti fl-iżvilupp tas-sajd f'pajjiżna u għalhekk qed jiġi kkunsidrat bħala parti mill-eżercizzju ta'ristrutturazzjoni li qed jiġi ppjanat fi ħdan il-Ministeru kollu tiegħi.
Billi kien ipproġettat li jsiru x-xogħlijiet mitluba minn Mixxiegħa Kulturali Mellieħa, sabiex f'Novembru li ġej tiġi restawrata il-kamra storika tas-sajjieda, jista l-Ministru jinformani jekk dawn ix-xogħlijiet humiex se jsiru mid-dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk le, għaliex? Jekk iva, meta se jsiru x'xogħlijiet ħalli din il-kamra ma tkomplix tiġġarraf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Batterija ta' Vestreme (il-Kamra tat-Tunnara - 1714) nixtieq ninfurmah illi Perit mis-Sezzjoni tar-Restawr fit-Taqsima tax-Xogħlijiet ħejja rapport dwar l-imsemmi bini li fih hu spjegat ix-xogħol kollu meħtieġ biex tiġi restawrata l-Batterija.
Ix-xogħol imbagħad ikun jista' jsir skond il-fondi allokati u skond il-prioritajiet tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
B'riferenza għat-talbiet tal-familji Rabtin sabiex jiġi estiż wieħed miċ-Ċimiterji tar-Rabat (Malta), jista' l-Ministru jinformani bil-programm tal-Gvern ċioe' meta se tiġi ċċarata l-pożizzjoni uffiċjali u jiġi estiż wieħed minn dawn iċ-ċimiterji?
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' familji li applikaw sabiex ikollhom qabar tal-familja fir-Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux possibli li jigi estiż xi cimiterju tar-Rabat minn dawk eżistenti.
Qed isir l-istħarriġ meħtieġ biex ikun magħruf kemm hu possibli li jinbena cimiterju iehor fil-lokalita' tar-Rabat.
In-numru ta' familji mir-Rabat li applikaw sabiex ikollhom qabar tal-familja hu ta'537.
B'riferenza għat-talbiet tal-Mellieħin sabiex jiġi estiż iċ-ċimiterju tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jinformani bil-pożizzjoni tal-Gvern ċioe' meta se jiġi estiż dan iċ-ċimiterju ħalli l-familji Mellieħin jkollhom qabar għall-familja tagħhom?
X'inhuma l-konsiderazzjonijiet tal-Gvern għall-iżvilupp tal-cremation fil-gżejjer tagħna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-cimiterju tal-Mellieħa li preżentament jintuża għad-dfin mhux possibli jigi estiż.
Deċiżjoni għall-iżvilupp ta' crematorium għadha ma tteħditx.
Billi s-Sezzjoni Urban & Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kienet bdiet tikkordina diversi proġetti mal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex toħloq karatteristika agrituristika moderna bħal fil-każ ta' Ġnien Barnuża Ħamra, fil-Baħrija u ġonna oħrajn ta' Cindirella, "Snow White & the 7 Dwarfs" maħsuba biex isiru fil-Kunċizzjoni u tas-Salib l/o Rabat għall-istess għan, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dawn il-proġetti li kienu maħsuba humiex se komplu jitwettqu sabiex it-tfal Maltin u turisti jkollhom ġonna fil-kampanja li jestendulhom rikreazzjoni aktar għal qalbhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-policy ta' ko-operazzjoni mal-Kunsilli Lokali kollha u mhux ma tar-Rabat biss ser titkompla. Proġetti li jtejbu l-potenzjal agrituristiku tal-pajjiż ikunu jistgħu jitwettqu skond il-finanzi u r-risorsi li jkunu allokati għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jara li jitkomplew ix-xogħlijiet fuq l-arbli tad-dawl fil-parti tal-Wied tal-Fiddien fejn inbeda l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa? Billi dawn ix-xogħlijiet jinvolvu twaħħil ta' bozoz u billi issa l-ġurnata tidlam kmieni, jista' l-Ministru jawtorizza dawn ix-xogħlijiet immedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba għal dawl f`Wied tal-Fiddien ser tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Billi t-talba tar-residenti Rabtin sabiex tiddawwal il-bypass ta' l-Imtarfa ilha snin pendenti u billi wkoll kien hemm il-ħsieb li x-xogħlijiet isiru, jista' l-Ministru jinformani bil-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu ċioe' meta se jitwaħħlu l-arbli u l-bozoz sabiex din it-triq tiġi mdawwla? Jista' l-Ministru jikkonsidra li x-xogħlijiet isiru sa Diċembru li ġej?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex tiddawwal il-By-pass tal-Mtarfa qed tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Jista' l-Ministru japprova li jitkomplew ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fit-toroq ta' l-Imtarfa l/o Rabat? Billi f'din il-Belt ġdida wħud mir-residenti ilhom snin twal jistennew li jsiru x-xogħlijiet, jista' l-Ministru jirrimedja dawn il-każijiet ġenwieni u ċioe' sa Diċembru li ġej jara li jitwettqu x-xogħlijiet pendenti f'dawn it-toroq sabiex jispiċċa l-iskomdu għall-familji residenti fl-Imtarfa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' toroq fl-Imtarfa sar taħt id-direzzjoni ta' l-Awtorita' tad-Djar. Id-Dipartiment tat-toroq ser jara x`tip ta` xogħol jista jiġi koordinat ma` l-imsemmija Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u tekniċi li jaħdmu f'azjendi privati u koperattivi konnessi ma' l-oqsma tal-Biedja u Sajd bħal KPM, MDP eċċ matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra.
24.11.98
Billi sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent lill-bdiewa, raħħala u sajjieda li japplikaw għall-serer fuq l-uċuħ tar-raba', estensjonijiet u bini ta' rziezet eċċ, id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1997 kien issottometta rapport għad-diskussjoni sabiex tinstab soluzzjoni aktar realistika għaż-żewġ partijiet konċernati u ċioe' sabiex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tistabillixi sistemi aktar prattiċi għal dawn l-applikazzjonijiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi?
Meta se jitkomplew dawn id-diskussjonijiet u meta mistenni li jitħabbru l-proċeduri l-ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li d-diskussjonijiet fuq dawn il-proposti bdew xi xhur ilu u għadhom għaddejjin. Xi diffikultajiet żgħar li kien hemm fil-passat diġa' ġew megħluba wara djalogu mal-partijiet involuti. Diffikultajiet oħra jinħtieġu aktar studju minħabba implikazzjonijiet mhux biss fil-qasam tal-biedja imma wkoll f'oqsam oħra.
24.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa u raħħala fulltime f'Malta u Għawdex, matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema mpjegati f'azjendi Agro Industrijali, proċessuri tal-laħam inkluż biċċiera tal-laħam lokali eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istatistika li żżomm il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ dwar in-numru ta' persuni li jaħdmu 'full time' fis-settur ta' l-agrikoltura u s-sajd tindika dawn il-figuri:
Diċembru 1994 2,513
Diċembru 1995 2,578
Diċembru 1996 2,533
Diċembru l997 2,543
Awissu 1998 2,580
In-numru ta' ħaddiema mpjegati f'ażjendi agro-ndustrijali u proċessuri tal-laħam fis-settur privat f'Awissu 1998 kien ta' 4,172
24.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli jonora l-protocoll li l-Gvern preċedenti għamel mal-Gvern Libjna sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali fl-oqsma tal-Biedja u Sajd?
Jekk iva, x'inhuwa l-programm tal-Gvern għal kontinwazzjoni ta' dan il-protocoll?
Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li dan il-proġett se jiġi abbandunat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd, il-Ministeru tiegħi għandu l-intenzjoni li jsegwi il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan kif espress fl-Agreed Minutes tas-19 il-Sessjoni tal-Maltese Libyan Arab Joint Commission ta' Ġunju 1998, liema sessjoni saret taħt l-awspici tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta u kemm-il darba ħarġet it-tender sabiex tinxtara l-makna l-ġdida tal-ħasil tal-kaxxi "dugħ" għall-Pitkalija Crates Ltd?
Meta fil-fatt se tiġi stallata?
Kemm fil-fatt sewa l-maħżen li bniet l-ammistrazzjoni preċendenti sabiex il-Pitkali Crates Ltd tkun tista' tistalla din il-makna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar l-Onor. Interpellant li t-Tenders sabiex l-magna l-ġdida tal-ħasil tad-dugħ għall-Pitkali Crates Ltd., kienu iffirmati minnu stess.
It-Tenders għax-xiri ta' din il-magna ħarġet darbtejn, darba fl-1 t'Awissu 1997 u darba fl-24 ta' Frar 1998. Minn informazzjoni miġbura mill-Pitkali Crates Ltd., din il-magna ser tiġi nstallata għall-ħabta tal-bidu ta' Diċembru 1998.
Nerġa nfakkar l-Onor. Interpellant li t-Tender sabiex jinbena it-tieni sular fuq il-Pitkali Crates Ltd., ħarġet fi żmienu u ġiet iffirmata minnu. It-Tender kienet ta' Lm63,000. Nixtieq ukoll infakkar l-Onor. Interpellant li t-tieni sular sar għall-ħażna tal-kaxxi u mhux biex tkun installata il-magna l-ġdida ġo fiħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet f'tunnellaġ u ċifra ta' flus il-bejgħa li niżlet minn Għawdex fil-Pitkalija Ċentrali f'Ta'Qali din is-sena?
X'kien fil-fatt it-tunnellaġġ u ċ-ċifri matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul din is-sena jiġifieri bejn Jannar u Settembru 1998 minn Għawdex niżlu prodotti b'dawn l-ammonti ta' flus għal Pitkalija ta' Malta.
Pitkalija Malta Lm768,603
Co-Op Malta Lm 70,673
Matul l-aħħar ħames snin l-ammonti huma kif ġej:
Pitkali Malta F.C.C.S. Total
Lm Lm Lm
1993 541,686 81,414 623,100
1994 595,962 99,886 695,848
1995 559,094 121,032 680,126
1996 615,439 98,098 713,537
1997 810,254 98,755 909,009
Ma tinżammx statistika ta' kemm kien it-tunnellaġġ li ddaħħal fil-pitkalija ta' Malta minn bdiewa Għawdxin.
Billi kienu qed isiru xtiebi (gates) għall-bdiewa u raħħala f'ċerti zoni rurali frekwentati mill-pubbliku u turisti, jista' l-Ministru jinformani jekk dawn ix-xogħlijiet humiex se jibqgħu jsiru?
Jekk iva, liema huma dawn l-irziezet li jingħataw din l-għajnuna sa Diċembru li ġej?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li ix-xtiebi li twaħħlu kienu ikkoncentrati fiż-żona tar-Rabat u saru bla ma sar ebda provediment ta' riżorsi finanzjarji għal dan il-għan. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġi ifformulat pjan sabiex jiġu ikkwantifikati ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa u b'konsultazzjoni mall Kunsilli Lokali tinħoloq lista ta' prijorita'.
B'riferenza għall-allegazzjonijiet fil-ħarġa ta' Settembru/Ottubru 1998 tal-ġurnal Tal-Virtu' Residence Association li ġġib l-isem The Saga of the Illegal Buildings at Tal-Virtu' li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Ministru (a) jindika jekk l-area fix-xagħri Tal-Virtu' hijiex area nkluża fl-iskema skond it-Temporary Provision Scheme; (b) jekk iva, x'azzjonijiet ttieħdu mill-5 ta' Settembru 'l hawn dwar dawn l-abbużi msemmija; u (ċ) jekk le, x'qiegħed iżomm lill-awtorita' konċernata tiddikjara li dan il-bini huwa kollu llegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-area illi għaliha qed issir referenza mill-Onorevoli Interpellant ma tifformax parti mill-iskema ta' provvedimenti temporanji. Għaldaqstant din taqa' barra miż-żona ta' żvilupp.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija jrid jingħad illi l-azzjoni li ttieħdet tul dawn l-aħħar xhur hija kontinwazzjoni ta' l-istess azzjoni li ila tittieħed tul dawn l-aħħar snin. Fil-fatt wara nvestigazzjonijiet li saru dwar din l-area, nstab illi diversi strutturi eżistew fuq il-post sa qabel l-1968. Jirriżulta wkoll li diversi strutturi oħra huma koperti bi permessi li nħarġu fuq l-'area' matul is-snin.
Minn iżjed investigazzjonijiet irriżulta wkoll illi wħud mill-persuni nvoluti kienu bnew xi kmamar bla permess. Appena dan sar magħruf ittieħdu l-passi mmedjati u nħarġu diversi Enforcement Notices skond l-Att Nru 1 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. B'konsegwenza ta' dawn l-avviżi, l-iżvilluppaturi ssottomettew diversi applikazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu isanaw dan l-iżvilupp.
Għaldaqstant l-Enforcement Notices li ġew servuti kellhom jiġu sospiżi fl-operazzjoni tagħhom sa ma jiġu determinati l-applikazzjonijiet sottomessi, u dan skond kif regolat fl-istess Att.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' vetturi, karozzi, tractors, eċċ liċenzjati mill-pulziija f'Malta u f'Għawdex fil-mument?
Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar għaxar snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
18.11.98