B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 24, Seduta Nru. 4, jaf il-Prim Ministru li x-xogħlijiet fuq l-problema ta' l-għargħar li kienet ġiet abbandunata bejn Mejju 1987 u s-26 ta' Ottubru 1996 twettqu matul l-Amministrazzjoni tal-Gvern Laburista preċedenti?
Billi x-xogħlijiet ma kenux fuq l-ixkaffa imma pendenti sabiex ovvjament saru l-culverts taħt l-art biex isolvu l-problema ta' l-għargħar f'Għajn Qajjed, jista' l-Prim Ministru jara kif ġentilment jikkordina l-proġett ħalli ma jiġix żvijati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta` l-għargħar u tad-drenaġġ
li kellu ppjanat l-Kunsill Lokali baqa` ma sarx.
F'dawn l-aħħar xhur pero` tħaffret it-triq u tpoġġew xi
kanen mill-Gvern Ċentrali iżda l-Kunsill qatt ma ġie
kkonsultat avolja kien talab biex jingħata l-pjanti biex
jara li x-xogħlijiet li qed isiru kienu adegwati għall-
lokal.
Peress li l-ko-ordinament tal-proġett irid isir mal-
Ministeru għall-Ambjent jiena ħadt nota ta` dan sabiex il-
Kunsill Lokali jkun ukoll aġġornat.
Jista' l-Ministru jara li jsiru signs/tabelli fit-triq prinċipali taż-Żebbiegħ sabiex ikunu ddentifikati aħjar it-Tempji Skorba fl-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet iħejji pjan fuq skala nazzjonali biex isiru it-tabelli neċessarji għall-postijiet kollha ta`interess storiku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li kellhom working permit f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
X'karigi kellhom dawk il-persuni u ta'liema nazzjonalita' kienu?
Kemm-il talba simili ġiet rifjutata matul l-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni barranin li kellhom liċenzja ta' mpjieg (employment licence) biex jaħdmu f'pajjiżna u n-numru ta' talbiet li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar ħames snin huma kif jidher hawn taħt:
LIĊENZJA MAĦRUĠA TALBIET MIĊĦUDA
---------------- ---------------
1994 2,470 287
1995 3,416 340
1996 3,377 289
1997 3,036 326
1998 * 2,421 431
* sal-31 ta' Ottubru
Ninsab infurmat ukoll li lista ta' dawn il-persuni tiġi ppublikata l-ewwel Tnejn ta' kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni u fiha wieħed jista' jsib l-isem tal-persuna barranija, il-professjoni jew xogħol li jagħmel, ma' min jaħdem u d-data sa' meta hi valida l-liċenzja. Ta' min isemmi f'dan ir-rigward li f'din il-lista ma jidhrux l-ismijiet ta' dawk il-persuni li l-liċenzja tagħhom tkun valida għal anqas minn xahar.
03.12.98
Dipartiment ta' l-Artijiet — Reklamazzjoni ta' Xagħri
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandhom fil-mument id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-reklamazzjoni ta' Xagħri tal-Gvern? Kemm huwa n-numru ta' tmiem ta' xagħri f'dawn it-talbiet globalment? Kemm minn dawn it-talbiet huma ta' bdiewa/raħħala fulltime u part-time? Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba 4460/98 u ċioe' meta se tiġi ttrattata u rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha tlettax-il talba għar-riklamazzjoni ta` xagħri għat-total ta` 517 tomna.
Minn dawn l-applikazzjonijiet tlieta saru minn bdiewa li huma reġistrati bħala part-time.
Ninsab infurmat ukoll li t-talba 4460/98 għandha tiġi determinata sat-3 ta` Marzu, 1999, kif kien avżat l-applikant stess wara li ġew konklużi l-konsultazzjonijet kollha meħtieġa mad-Dipartimenti konċernati.
03.12.98
B'referenza għat-talba pendenti Ack. Nru.11401/File L 248/97, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba u ċioe' meta se tiġi rimedjata? Jekk fl-affermattiv meta? Jekk mhux fl-affermattiv għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minbarra l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, hemm talba oħra għar-reklamar ta' l-istess art. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati.
03.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' ajruplani li fil-mument jifformaw il-flotta nazzjonali ta' l-Air Malta? Kemm minn dawn huma mikrija temporanjament u f'liema destinazzjonijiet joperaw?
X'inhuma l-fuel u l-maintenance cost comparison ta' dawn l-ajruplani li l-Air Malta qed tikri meta mqabbla ma' l-ajruplani l-oħra tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
ħBħalissa l-flotta ta` l-Air Malta hija magħmula minn dawn l-ajruplani:
Airbus A320 - 2
Boeing B737/200 - 2
Boeing B737/300 - 3
Boeing 737/300 - 3
Minn dawn l-aħħar 3 ajruplani, 2 huma mikrija mingħand l-Ansett ta` l-Awstralja u 1 mingħand l-M.A.S. tal-Malasja. Dawn l-ajruplani jintużaw fuq in-network tal-Kumpanija skond kif meħtieġ minn żmien għal żmien.
Peress li l-informazzjoni mitluba dwar `fuel` u `maintanance costs` huma dettalji ta` natura kummerċjali, mhux fl-interess tal-kumpanija li din tixxandar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22 (Seduta Nru. 4) dwar l-estensjoniiet tad-drenaġġ fil-Baħrija, jista' l-Ministru jinformani meta se jibda l-istudju li rrifera għalih u meta huma maħsuba li jsiru x-xogħlijiet fil-futur qarib, ċioe' f'liema xahar u sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ bi ħsiebu jissottometti studju preliminari, għall-approvazzjoni, lill-Komunita' Ewropea sabiex din tiffinanzja l-imsemmi proġett taħt waħda mill-iskemi provduti fi ħdana għat-titjib ta' l-ambjent. B'hekk l-istudju finali jkun jista' jinbeda meta t-talba mressqa mid-Dipartiment tad-Drenaġġ tiġi milqugħa.
Naturalment ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew biss, wara li l-istudju jiġi konkluż u d-disinn tas-sistema finalizzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23 (Seduta Nru. 4) ċioe' dwar xogħlijiet fuq estensjonijiet li hemm bżonn isiru fit-12-il distrett, jista' l-Ministru ġentilment jinformani triq triq meta huwa pprogrammat li l-kuntratturi jibdew ix-xogħlijiet?
Min huma l-uffiċjal responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet u ma' min jistgħu jikkomunikaw ir-residenti kemm-il darba jkollhom bżonn iressqu x'ilmenti dwar dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi dawn il-kuntratti huma maħsubin għall-bidu tas-sena li ġejja.
Il-persuni nkarigati huma l-periti u l-uffiċjali tekniċi tad-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' armi, snieter, eċċ reġistrati bil-permess jew liċenzjati mill-pulizija?
Kemm minn dawn l-armi huma permessi li jintużaw għall-kaċċa u għall-avvenimenti sportivi ta' l-isparar?
X'kienu l-istess numru ta' armi f'pajjiżna matul dawn l-aħħar 12-il sena, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 246 f'Seduta 9.
Minn numru totali ta' armi reġistrati mill-Pulizija fil-31 ta' Ottubru, 1998, ninsab infurmat li 41,633 jintużaw għal kaċċa jew avvenimenti sportivi ta' l-isparar.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija ma żżommx l-istatistika mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
02.12.98
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 21 (Seduta Nru. 4)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jidhirli li l-mistoqsija li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant diġa` weġibtha.
Jekk l-Onorevoli Membru qed jirreferi għal installazzjoni ta` bozoz ġodda,l-proċedura tinsab fi stadju ta` evalwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' vapuri li jiffurmaw il-linja nazzjonali Sea Malta? X'kienu l-ispejjeż tal-fuel u l-manutenzjoni għal dawn il-vapuri matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-linja nazzjonali Sea Malta għandha vapur wieħed iż-Żebbuġ u numru ieħor ta` vapuri `on charter`.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, peress li l-informazzjoni mitluba hija ta` natura kummerċjali, ma jkunx fl-interess tal-istess Kumpanija li tali informazzjoni tingħata.
Billi l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipparteċipat bil-filmat tat-twettieq tal-proġett tar-riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa f'kompetizzjoni barra l-pajjiż, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-riżultati miksuba?
Jikkonsidra l-Ministru li d-Dipartiment jipparteċipa b'filmat fuq il-produzzjoni organika għall-istaġun li ġej ħalli jsir aktar riklam għall-biedja fil-gżejjer tagħna mal-pajjiżi parteċipanti? Fil-fatt kemm kien in-numru ta' pajjiżi oħra li ppreparaw filmat għal din il-kompetizzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-mument mhux isiru programmi tal-hands-on fishing meta t-temp ippermetta daqstant f'dawn l-aħħar ġimgħat? Fil-fatt l-APS Bank għadhom l-isponsors uffiċjali?
Min huma l-membri tal-bord tat-tmexxija ta' dan il-programm u kemm-il darba ltaqgħu u xi żviluppi approvaw?
Billi dan il-proġett huwa ta' ġid għall-edukazzjoni ta' wliedna, jista' l-Ministru jara li jitkompla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Billi n-nuqqas ta' street lighting li hemm fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta, qed jikkaġuna periklu fis-sistema tas-sewqan kif ukoll inkonvenjent u periklu għar-residenti, jista' l-Ministru jara li tiddawwal aħjar din it-triq? Billi din it-talba tar-residenti ilha pendenti s-snin, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet isiru immedjatament? Jekk mhux possibbli, meta se jsiru dawn id-dwal u f'liema xahar u sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol li sar fil-post imsemmi ma tqassamx sew. Għaldaqstant qed tinħadem skema biex isiru x-xogħolijiet meħtieġa.
Billi wieħed mill-pjanijiet li kellu l-Gvern preċedenti kien li jirranġa l-kwarantina ta' l-annimali u tjur tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni u ċioe' l-pjan tal-Gvern tal-lum?
Billi kulma jmorru l-familji Maltin u Għawdxin qed ikunu aktar komdi li jrabbu pets, tjur u annimali, jista' l-Ministru jara li dawn ix-xogħlijiet isiru? Jekk le, għaliex? Jekk iva, f'liema xahar u sena se jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Gvern preċedenti kellu ruxxmata pjanijiet dwar x'suppost kellu jiġi mwettaq, liema pjanijiet baqgħu fl-ajru, bħalma tindika l-interpellanza ta' l-Onor. Membru.
Hija responsabbilita' ta' dan il-Ministeru li jsiru u jiġu attwati pjanijiet dwar postijiet ta' kwarantina għall-annimali u t-tjur. Kif jaf l-istess membru, fi żmien Gvern Nazzjonalista ġiet rihabilitata il-kwarantina ta' Zammit Dock, fejn jinżammu l-annimali ta' produzzjoni kif ukoll żwiemel jew annimali oħra kbar bħal iġmla.
Għar-rigward ta' pets jew annimali eżotiċi żgħar, il-kwarantina f'Ħal-Luqa diġa qegħda sservi għal dan l-iskop. Matul it-tnax il-xagħar li ġejjin huwa maħsub li jiġu ntrodotti gaġeġ speċjali għall-għasafar żgħar u ħamiem f'din l-istess kwarantina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' objections tar-return ta' l-Income Tax li għandu quddiemu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Meta ġew reġistrati dawn l-objections sena b'sena? Liema hija l-objection li ilha l-aktar pendenti? Xi programm ħejja l-Gvern sabiex dawn iċ-ċittadini jissetiljaw dawn l-objections? Kemm huwa l-complement tal-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li huma responsabbli minn dan ix-xogħol ta' l-objections?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` oġġezzjonijiet li għandu quddiemu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni hu ta` 50,910 (30 ta` Settembru 1998). Dan in-numru jkopri l-oġġezzjonijiet magħmula minn individwi, kumpaniji u korpi oħra.
Fil-preżent hemm 12-il uffiċjal responsabbli mill-oġġezzjonijiet iżda minn żmien għall-ieħor id-Dipartiment iqabbad uffiċjali oħra biex jagħmlu dan ix-xogħol waqt il-ħin tas-sahra.
Qiegħed isir kull sforz biex in-numru ta` oġġezzjonijiet pendenti jitnaqqas għal livell iżjed realistiku.
L-informazzjoni dwar il-mistoqsijiet l-oħra msemmija fl-interpellanza ma tistax tinġabar.
Billi s-sistema tal-gabjuni u l-materassa użat fil-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa hija x'aktarx l-aħjar waħda vantaġġjuża biex tiġi applikata għal manuntenzjoni flok bini ta' ħitan bil-ġebla tal-franka f'żoni rurali fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-konsiderazzjonijiet tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet mhix kontra l-użu tal-gabjuni u l-materassa, b'danakollu l-Onorevoli Interpellant japprezza li kull proġett għandu l-karatteristiċi tiegħu u jitwettaq dejjem skond il-mertu partikolari tiegħu.
Għal dan il-għan u biex il-Peritit li hemm fit-Taqsima tax-Xogħlijiet ikunu jafu iżjed l-użu u l-vantaġġi ta' din is-sistema, it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed torganizza flimkien ma' fornitur tas-sistema wirja tal-prodotti din il-ġimgħa stess.
Jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' xogħlijiet kordinati ma' dipartimenti oħra governattivi sabiex issir manutenzjoni bħat-tindif, bini ta' ħitan tas-sejjiegħ, irranġar ta' bozoz, toroq, arbli, eċċ fil-villaġġi rurali tat-12-il distrett bħal Baħrija, Bidnija, Binġemma, Landrijiet-Selmun, Mtaħleb Kunċizzjoni, Misraħ Suffara, Żebbiegħ, eċċ? Jekk iva, min hi l-persuna li se tkun responsabbli minn dan il-kordinament? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi qed jittieħdu passi biex titwaqqaf unit li tispeċjalizza fil-bini u r-restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ, fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Rigward l-affarijiet l-oħra msemmija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
B'riferenza għall-istqarrija tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar l-aħħar arranġamenti ta' 600 tunnellata patata għall-esportazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-ammont ikoprix it-tlett snin tal-kuntratt il-ġdid jew għal sena waħda biss? Jekk ikopri sena waħda biss, x'kienu r-raġunijiet? Xi prezzijiet minimi garantiti ingħataw il-bdiewa għal dawn is-600 tunnellata? Għal liema perjodu huma garantiti dawn il-prezzijiet? U jekk jeżistu prezzijiet garantiti, x'arranġamenti hemm fuq l-overpricing? Jista' l-Ministru jinformani kemm huwa l-prezz tal-kuntratt eżistenti għall-ewwel 3,000 tunnellata u x'arranġamenti hemm fuq l-overpricing?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minħabba l-esportazzjoni tal-varjeta Sante' qegħda ssir bi prova, il-ftehim li sar dwar dawn is-600 tunellata jikkonċerna din is-sena biss. Naturalment dan sar sabiex wieħed ikun jista jirregola ruħu skond ir-riżultati miksuba.
Filwaqt il-prezz skond il-kuntratt il-ġdid għall-ewwel 3,000 tunellata Alpha huwa NLG30.60 kull xkora taż 25kg dak miftiehem dwar is-600 tunellata Sante' huwa prezz medju ta' NLG30.75.
Ta min iżid li dwar l-esportazzjoni tal-patata Alpha (6000 tunellata bi prezz garantit), il-prezz medju fuq l-istess esportazzjoni huwa ta' NLG 26.50 kull xkora ta' 25kg, li allura jfisser 16% INQAS mill prezz medju garantit fuq l-esportazzjoni tas-600 tunellata tal-varjeta Sante'.