Billi issa l-Ministru għandu l-aċċess għall-files ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm-il darba l-Board u/jew id-Dipartiment għamel użu minn fondi sabiex jikkumpensa bdiewa oħra li esportaw prodotti oħra qabel l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Barra mill-għajnuniet li d-Dipartiment tal-Agrikoltura għamel f'diversi każi li jinkludu kumpens, sussidji, xogħol u oħrajn id-dipartiment għen ukoll sabiex saru provi li jinkludu safar ta' prodotti agrikoli. Fil-fatt dawn kienu jinkludu safar ta' tadam, cherry tomatoes, bżar aħdar, chillies u oħrajn lejn is-suq Ġermaniż fil-1992; esportazzjoni ta' dulliegħ lejn l-Olanda fil-1995 u għen ukoll billi ħareġ kreditu sabiex tħallsu l-bdiewa meta fil-1994, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa flimkien mal-Agri Import Export Co. Ltd., kienu siefru patata ta' Malta lejn l-Awstrija u din ma kienitx ġabet prezza. Naturalment filwaqt li kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni kienu jammontaw għal spiża inċidentali, dik tal-aħħar, id-Dipartiment għadu jinsisti sabiex idaħħal dawn il-flus lura.
Il-Kamra għandha tkun infurmata wkoll li matul l-amministrazzjoni preċedenti meta l-Onor. Membru kien direttament involut u responsabbli mill-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, ittieħdu flus minn fondi separati biex jagħmlu tajjeb għall-falliment li kien hemm fl-esportazzjoni tal-ħxejjex lejn l-Ingilterra, u cioe'
- Madwar Lm13,500 mill-fond tal-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, liema flus ittieħdu minn ħluq il-bdiewa.
- Madwar Lm8,000 oħra mill fond li suppost kellu jiġi wżat f'għajnuniet minħabba ħsarat ambjentali kkaġunati mill-maltemp.
Jikkonferma l-Ministru li l-Agriculture Export Marketing Board kellu quddiemu kuntratt għall-esportazzjoni tal-patata organika? X'kienet it-tip ta' varjeta' u kemm kien il-prezz u tunnellaġġ propost lill-bdiewa?
Fejn waslu l-kuntatti ta' dawn l-iżviluppi u kemm-il laqgħa saret ma' l-esportaturi mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Meta nżergħet fil-Farm kif kien ippjanat minn qabel il-patata sabiex titkabbar b'esperiment ħalli l-bdiewa nteressati f'din l-esportazzjoni jiġu megħjuna jintroduċu dawn il-varjetajiet u metodu organiku ġdid għas-suq ta' l-esportazzjoni tal-patata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jirrisulta li f'Ġunju li għadda l-Agricultural Export Board kien infurmat li ditta Maltija wriet interess sabiex tesporta 1000 tunnellata patata organika tal-varjeta' Charlotte jew Nicola lejn l-EU għall-prezz ta' 20c il-Kilo. Kien diskuss abbozz ta' ftehim ma' l-esportaturi fejn fost l-oħrajn kienet tqajjmet id-diffikulta dwar l-esklusivita tal-kuntratt eżistenti għas-safar tal-patata li kien jimponi. Għaldaqstant huma kienu mitluba sabiex jikkunsidraw varjetajiet tal-qatgħa bajda minflok dawk tal-qatgħa safra għaliex kienet tkun inqas difficli.
Bla ebda dubju dan il-proġett kien għadu f'fasi ta' diskussjoni għaliex mhux biss il-Bord għadu qiegħed jistenna tweġiba mingħand in-negozjant iżda jirrikjedi iktar staħarriġ u definittivament provi tas-sistema għaliex it-tkabbir organiku kien fiħ ferm iktar sogru għal-bdiewa.
Ma jidhirx li nżergħet patata sabiex titkabbar b'mod organiku fil-Farm Esperimentali ta' l-Għammieri iżda qegħdin isiru provi fuq patata tax-xitwa tal-varjeta' Agria.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali responsabbli mill-programm ta' riċerka tal-produzzjoni organika?
Xi programm qed jissoktaw bih fil-mument u kemm hu n-numru ta' bdiewa nvoluti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma sibt ebda programm serju ta riċerka fuq produzzjoni organika. Jiena nfurmat li saru biss xi provi għand bidwi wieħed, li l-valur xjentifiku tagħhom hu dubjuż. Qabel issir riċerka f'dan il-qasam hemm bżonn li wieħed jibni qafas ta' regolamenti sabiex wieħed jimxi fuqhom u jkattar il-faċilitajiet tal-laboratorju sabiex jiġi analizzat il-prodott, il-ħamrija u l-ilma. Intbgħat uffiċjal għoli barra minn Malta sabiex jistħarreġ il-ħtieġa minima sabiex d-dipartiment ikun jista' jippjana b'mod serju xi attivita' f'dan il-qasam. Mhux la kemm wieħed iparla u meta tfittex ma ssib xejn li wieħed jista' jorbot fuqu.
Jikkonferma l-Ministru li l-problemi li rriżultaw lill-bdiewa li jesportaw il-ħxejjex lejn l-Ingilterra, partikolarment fil-grading, kienu riferuti permezz ta' rapport lill-Agriculture Export Marketing Board?
X'kienu fil-fatt il-problemi prinċipali riferuti lill-Agriculture Export Marketing Board dwar il-grading li kienu qed jagħmlu l-bdiewa?
X'jgħid ir-rapport ta' l-espert tal-Board dwar il-potenzjal tas-suq Ingliż li kien ġie ntrodott?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'Marżu li għadda l-agricultural Export Marketing Board kien infurmat dwar diffikultajiet li nqalgħu rigward pagamenti dovuti lill-bdiewa li kienu kabbru l-ħaxxix frisk lejn l-Ingilterra. Mill-investigazzjonijiet li saru kien irrisulta li dan in-negozju kien nieqes minn kull serjeta tant li ma kien hemm ebda kuntratt li jirregola u jorbot bla garanzija bankarja u anqas letter of credit.
Barra minn dan kien irrapurtat li l-prodott kien qiegħed jasal fi stat deplorevoli fis-suq Ingliż u dan kien qiegħed jagħti mpressjoni ħażina tal-prodotti Maltin. Il-Kawża ta'dan kollu jidher li mhux biss kienu l-għażla u l-ippakkjar ħażin li ma kienux jissodisfaw ir-regolamenti iżda l-presentazzjoni tiegħu kienet waħda li tnaffar minflok tħajjar lix-xerejja.
Biż-żejjed wieħed isemmi l-mistħija tal-fatt li parti sostanzjali minn dan il-prodott kienet preżentat għall-bejħ f'kaxxi bil-logo ta' l-Air Malta.
Il-Bord ikkonkluda li qabel ma jsir negozju ieħor, wieħed għandu jagħmel studju serju dwar is-suq intenzjonat għaliex permezz t'hekk biss wieħed ikun jista jikkompeti u jinnegozja bis-serjeta.
Jikkonferma l-Ministru li fil-bidu ta' din is-sena l-klima affettwat il-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk u kien hawn skarsezza fil-produzzjoni tal-ħxejjex friski mkabbra lokalment?
Jikkonferma l-Ministru li l-Gvern kellu jirrikorri għall-miżuri temporanji sabiex jiġu mpurtati ħxejjex bil-levy imnaqqsa sabiex l-industrija tat-turiżmu u l-konsumaturi jkollhom provvista biżżejjed?
Kemm fil-fatt kienu l-kwantitajiet u l-varjetajiet impurtati?
Paragunat ma' snin oħra, jista' l-Ministru jgħid kemm niżel it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk kawża ta' klima tax-xita qalila li għaddiet bejn Diċembru 1997 u Frar 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li kien hawn skartezza ta' ħxejjex friski fil-bidu ta' din is-sena jiġifieri fi żmien meta l-istess Interpellant kien responsabli mill-istess qasam. Il-Gvern li hu kien jifforma parti minnu naqqas il-levy fuq xi ħxejjex.
Il-kwantitajiet ta' prodotti li ġew impurtati bil-levy mnaqqsa kienu hekk:
Patata 912,075kgs
Pastard 11,477kgs
Kabocci 29,330kgs
Il-bejgħ ta' ħxejjex u frott mill-pitkalija ta' Malta u Għawdex kien hekk:
Dicembru 1996 - Frar 1997 - 7,658,505kgs
Dicembru 1997 - Frar 1998 - 5,099,882kgs
Il-Kamra għandha tkun infakkra li minkejja l-ammessjoni tal-Onor. Interpellant stess dwar il-ħsara li kienet saret fir-raba bejn Dicembru 1997 - Frar 1998 il-bdiewa affettwati ma nagħtaw l-ebda kumpens finanzjarju. Minflok, Lm8,000 mil-flus allokati għat-tiswija ta' ħsarat ikkaġonati mill-maltemp kienu ġew użati biex b'xi mod jigħatta il-falliment finanzjarju li kien hemm fl-esportazzjoni tal-ħaxix lejn L-Ingilterra li tant konna nisimgħu dwaru fuq il-meżżi tax-xandir.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jaħtar il-membri ta' l-Agriculture Marketing Board?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Agricultural Export Marketing Board. Billi t-terminu tal-membri tal-Board imsemmi għadu ma skadix, il-membri tal-Board għadhom qed iservu fuq dan il-Board sakemm jiskadi t-terminu jew jiġu appuntati membri oħra skond il-ħtieġa jew kif ikun il-waqt.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda fi Spanja, il-Portugall u l-Greċja qabel ma dawn saru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea u issa li saru membri sħaħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi l-Onor. Interpellant biex ifittex l-informazzjoni mitluba fl-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej.
Jikkonferma l-Ministru li l-kuntratt il-ġdid għall-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda għas-sena 1999, 2000 u 2001 fih żieda fuq it-tunnellaġġ u fil-prezz fuq it-tliet snin ta' qabel?
Kemm fil-fatt hija ż-żieda fit-tunnellaġġ u kemm hija ż-żieda fil-prezz fuq l-ewwel 3,000 tunnellata għat-tliet snin li ġejjin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ma din ir-risposta kopja tal-ftehim li għamel l-Onor. Interpellant f'Mejju li għadda sabiex jigħinu jiftakar li għalkemm żdiedet il-possibilita għall-esportazzjoni b'elf tunnellata iktar fuq il-ftehim ta qabel, din hija daħka fil-wiċċ għaliex l-istess kuntratt jimponi li l-importazzjoni tal-patata ta-żriegħ Alpha ma teċċedix it-800 tunnellata, jiġifieri nuqqas ta madwar 200 tunnellata mis-snin ta qabel. Dan mhuwiex ħlief mezz ta kontroll indirett fil-kwantita ta patata ntiża għas-safar.
Iktar u iktar wieħed għandu għalxiex iħammar wiċċu meta jikkonsidra l-miserja ta' prezz medju ta' NLG18.05 C&F kull xkora, li jinkludi l-ispejjes kollha.
Fuq kollox dan il-ftehim naqqas konsiderevolment il-possibilita ta' 'overprice' għaliex l-importatur mhux biss irdoppja l-ispejjes tiegħu iżda offra wkoll prezz ridikolu li saħansitra 500 mill-1000 tunnellata hija stmata bis-NLG16.00 kull xkora li jinkludi l-ispejjes kollha.
Il-Kamra għandha tkun imfakkra li l-istess Onor. Membru kien irrifjuta li jpoġġi l-istess kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra meta hu kien responsabbli minn dan il-qasam. S'hawn kienu jasslu l-istil maniġerjali modern u t-trasparenza li l-amministrazzjoni precedenti tant kienu jiddandnu bihom.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba mill-1990 'il hawn ġew esportati aktar minn 7,000 tunnellata?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-prezzijiet li ġabu l-bdiewa għal dawn il-kwantitajiet ta' tunnellati f'kull każ fejn intbagħtu aktar minn 7,000 tunnellata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella dwar is-safar tal-patata ta' Malta tar-rebbiegħa bejn 1980 u 1998 fejn l-Onor. Interpellant għandu l-informazzjoni kollha mitluba.
Issa li l-Ministru għandu ċ-ċans kollu jinvestiga l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm kienet ir-rata tal-kambju fuq l-ammonti kollha tal-pagamenti ta' l-esportazzjoni tal-patata għall-istaġun 1995, 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tammonta l-varjazzjoni fuq il-pagamenti ta' l-1997 u l-1998 kieku r-rata tal-kambju inzertat bħal dik ta' l-1996 meta kienu ġew esportati 3,800 tunnellata?
Jista' l-Ministru jindika kalkolu ta' kemm kien ikun il-prezz għall-ewwel 3,800 tunnellata ta' patata esportata kieku l-kambju ta' l-1996 kien ikun l-istess kambju ta' l-1997 u l-1998 u viċi versa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Inħoss li tlett xhur ilu l-Onor. Interpellant kellu żmien kollu sabiex jagħmel dan l-eżerċizzju meta kien għadu Ministru għaldaqstant ma jidhirlix li jkun għaqli li noqgħod naħli ż-żmien fuq il-kieku u s-suppost. Fuq kollox minkejja li ċ-caqliq tal-kambju minn jum għall-ieħor mhix xi novita, hu ma ndenjax ruħu jaħseb għaliħ meta għamel ftehim ieħor ġdid. Barra minn hekk ta min jgħid li jekk ir-rata tal-kambju kellha effett negattiv fuq l-esportazzjoni minn naħa l-oħra fil-każ tal-importazzjoni tal-patata taż-żriegħ kellu jkun posittiv. Ir-rati tal-Kambju tant ivarjaw li dan l-aħħar ir-rata tal-Guilder Olandiż, il-munita li l-iktar tikkonċerna dan in-negozju, qarrbet ħafna lejn dik tal-1996.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-miżuri l-ġodda li ġew introdotti bħal jumbo bags u l-pallets, humiex effettivi biex jitħaffef il-proċess tal-grading u jiġu evitati ħafna mill-ispejjeż, bħal xkejjer żgħar u ġarr tal-patata? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x'miżuri ġodda se jintroduċi minflok dawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jista jiserraħ moħħu li ħadd ma hu kontar l-progress fis-sistemi tal-esportazzjoni tal-patata ta' Malta sa kemm dan ikun ta' benefiċċju u mhux ta' dannu għal dan in-negozju.
Jidher li din is-sena fuq insistenza tal-importaturi Olandiżi ġew introdotti ħabta u sabta sistemi ġodda ta' ppakkjar u tagħbija mingħajr ma saru l-preparamenti meħtieġa li kienu jirrikjedu makkinarju, għodda, pallets u nies imħarrġa.
Fil-verita din is-sistema żgur ma ħaffitx il-proċess tal-għażla u anqas ma ġew iffrankati spejjes tal-ġarr u tax-xkejjer iż-żgħar tant li xkora tal-1000kg swiet daqs 40 waħda tal-25kg. Għalhekk meta wieħed jikkonsidra li dan il-metodu mhux biss għolla l-prezz tal-feight għaliex kemm il-kubaċċ kif ukoll il-piż tal-cargo żdied iżda fuq kollox l-ispejjes tal-ħatt, ħażna u ppakkjar fl-Olanda ma naqsux. Minn dan jidher li kienu l-importaturi Olandiżi li gawdew mill-benefiċji li toffri is-sistema.
Minn dan kollu wieħed jikkonkludi li r-riżultati jimmeritaw evaluwazzjoni bir-reqqa qabel ma wieħed jikkommetti ruħu speċjalment meta tikkonsidra li skond il-kuntratt, liema kuntratt kien ġie ffirmat fi żmien l-amministrazzjoni precedenti, mhux biss ma hemmx indikat minn għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjes li tinvolvi dan it-tip ta' tagħbija iżda r-rati tal-ispejjes indikati żdiedu konsiderevolment.
Billi issa l-Ministru għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm kien l-ammont fi flus Maltin sabiex jiġu sussidjat il-prezz tal-patata esportata lejn l-Olanda fl-1992? X'kienu r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u d-deċiżjoni?
Kemm fil-fatt kien ikun il-prezz għal kull qantar għall-bdiewa Maltin fuq it-tunnellaġġ kollu esportat dik is-sena kieku ma ngħatax dan is-sussidju lill-bdiewa?
Jikkonferma l-Ministru li dawn il-flus kienu nħarġu bħala advance mit-Teżor? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dawn il-flus tħallsux lura lit-Teżor kif suppost?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella ma din it-tweġiba, dwar l-esportazzjoni tal-patata ta' Malta tar-rebbiegħa bejn 1980 u 1998 fejn l-Onor. Interpellant għandu jsib l-informazzjoni mitluba. Rigward is-sitwazzjoni li seħħet fil-1992, din kienet kawża ta suq ħażin tal-patata li ħakem l-Ewropa kollha. Bħal ma jsir f'każi simili, l-Ministeru tal-Finanzi kien deherlu li għandu javanza somma biex jaġevola lil dawk milquta ħażin u dan ħalla f'idejn id-Dipartiment tal-Agrikoltura sabiex jagħlaq dan l-avanz meta jkun f'posizzjoni li jagħmel dan u s'issa jidher li għadu ma wasalx dan iż-żmien.
Madankollu, l-Kamra għandha tkun infurmata li fil-1992 ma t'tieħdu l-ebda flus li oriġinarjament bi dritt kellhom jitħallsu lill bdiewa bħala ħlas għall provvista tal-patata għall-esortazzjoni. B'kuntrast ma dan, ta' min ifakkar ukoll li fl-aħħar staġun (1998) l-istess Onor. Membru ħa Lm13,500 mill ħlas dovut lill-bdiewa biex itaffi l-falliment sħiħ fl-esportazzjoni ta ħxejjex lejn l-Ingilterra.
Billi l-anzjana bl-ID Nru. 169621(M) qed tilmenta li l-pagament tal-pensjoni u l-bonus ta' Ġunju ma waslux għandha u jingħad li l-pagament issarraf xorta waħda fil-fergħa tal-Mid-Med Bank ir-Rabat,Malta jista' l-Ministru jinvestiga l-każ u jara kif jirrimedja bil-pagamenti lura għall-perjodu ta' Ġunju u tal-bonus li jinħareġ fl-istess xhar lill-anzjana msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li d-dipartiment investiga l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, irriżulta li ċ-ċekk kien ġie imsarraf mill-persuna stess li għamlet l-ilment u din issa rtirat it-talba tagħha.
4.12.98
Billi r-residenti ta' Triq il-Melissa, Triq il-Vanilja, Triq il-Misq, Triq il-Klin, Triq is-Sebħ, Triq il-Fuħħar l-Aħmar fl-Imġarr, Malta, ilhom is-snin jistennew li jiġu rranġati t-toroq residenzjali tagħhom, jista' l-Ministru jinfurmani meta huwa proġettat li jsiru x-xogħlijiet f'dawn it-toroq fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Melissa, Triq il-Vanilja, Triq il-Misq, Triq il-Klin u Triq Barabara qedgħin jiġu asfaltati biex b`hekk jitlesta ix-xogħol li kien inbeda fis -sajf ta l-1996 u issa baqa wieqaf għal sentejn sħaħ. Riżultat ta` dan id-dewmien parti mix-xogħol li kien lest kellu jerġa jsir. Triq is-Sebħ u Triq il-Fuħħar l-Aħmar għadu qed isir l-iżvilupp fihom u dawn jiġu asfaltati skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, s`intendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqegħdu kollha b`mod permanenti.
Jista' l-Ministru jara li jsir stħarriġ sabiex ikun stabbilit jekk huwiex possibbli li jsiru lifts ġodda fil-Housing Estates tal-Gvern fir-Rabat, Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk dan l-istħarriġ diġa' sar, jista' l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa rikjesta f'kull housing estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif spjegajt fit-Twebiba għal PQ Nru 409, għandha tiġi mfassla 'policy' dwar kif u fejn għandhom jiġu stallati 'lifts' kemm f'bini tal-Gvern kif ukoll f'dak privat kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern.
4.12.98
Billi sħubija sħiħa ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea tinvolvi introduzzjoni ta' madwar 300 liġi għas-setturi tal-Biedja u Sajd, liema liġijiet għandhom madwar 30,000 regola li jridu jiġu osservati mill-bdiewa, raħħala u sajjieda tal-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra qasam qasam kif se jibda jwettaq il-programm leġislattiv sabiex jintroduċi dawn il-liġijiet u regoli ġodda fis-setturi?
Meta se jiltaqa' mal-koperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex jaġġornahom dwar dan il-programm leġislattiv?
Min huma l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u ta' l-Agrikoltura responsabbli biex iwettqu dan il-programm leġislattiv?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li numru kbir ta' direttivi u regolamenti fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd ma japplikawx għal Malta billi huma dwar prodotti u sistemi ta' produzzjoni estraneji għal Malta.
Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-'Aquis Communitaire' għall-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd hija suġġetta għal negozjati bejn Malta u l-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Matul dawn n-negozjati jiġi miftiehem ukoll il-programm leġislattiv.
Kif ġie mwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern jassigura tisħib sħiħ tal-bdiewa u s-sajjieda fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropeja u wara jivvotaw fir-Referendum b'tagħrif sħiħ.
L-Ufficjali kollha tal-Ministeru u tad-dipartimenti tal-Agrikoltura u tas-Sajd huma responsabbli mit-twettieq tal-programm leġislattiv li jkun miftiehem.
Il-Gvern għandu fiducja sħieħa li flimkien, ir-rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda u l-ufficjali tal-Ministeru jirnexxielhom jinnegozjaw kundizzjonijiet li jkunu ta' ġid, fiduċja u direzzjoni għall-futur ta' dawn is-setturi.
Jikkonferma l-Ministru li ma kien ebda proposta mill-Ministeru u l-Gvern preċedenti sabiex jitneħħew il-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Biedja u Sajd matul it-22 xahar ta' tmexxija?
Fil-fatt x'kienu r-rakkmandazzjonijiet tal-Gvern u l-Ministeru preċedenti dwar is-setturi?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn il-proposti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li meta l-Partit Laburista fl-Gvern għamel proposta sabiex tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles bejn Malta u l-Unjoni Ewropeja s-settur tal-Agrikoltura ma setgħax jitħalla barra minħabba r-regoli tal-World Trade Organization. Għaldaqstant din il-proposta kienet tfisser ukoll it-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Agrikoltura.
Fil-fatt l-Unijoni Ewropeja permezz tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet għamlitha ċara li l-Agrikoltura ma tistgħax titħalla barra mill-ftehim ta' żona ta' kummerċ ħieles.
Dan ifisser li t-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni kien ikolla sseħħ bla ma Malta tibbenifika mill-għajnuniet li dan is-settur igawdi minnhom bi sħubija sħieħa.
L-Onor. Interpellant imissu jaf ukoll li ma hemmx levies ta' protezzjoni fuq il-ħut iżda kontrolli fuq l-importazzjoni.
L-Onor. Interpellant huwa konxju ukoll bil fatt li biż-żona ta' kummerċ ħieles li riedet twaqqaf l-amministrazzjoni precedenti il-bdiewa, raħħala u s-sajjieda kien ser ikollhom jiġġieldu ma xita ta' importazzjoni ta' prodotti ta' biedja u sajd bi prezzijiet baxxi, ma liema importazzjoni l-istess bdiewa, sajjieda u raħħala ma kienux ser ikunu f'pożizzjoni li jikkompetu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi tkun il-pożizzjoni dwar il-levies u l-kwota tal-protezzjoni ta' ħalib frisk, laħam tal-majjal eċċ, eċċ fis-setturi tal-Biedja u Sajd bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Kemm iridu jitneħħew levies ta' protezzjoni għall-bdiewa, raħħala u sajjieda f'każ ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Liema huma dawn il-levies, qasam qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li din il-materja hija suġġetta għal negozjati mall-Kummissjoni tal-Komunita Ewropeja fid-dettal.