Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2525 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

FOI/Poultry Processing Association — Miżuri ġodda

Question

B'riferenza għan-nuqqas reġistrat bejn l-FOI u l-Poultry Processing Association dwar il-miżuri l-ġodda li ntroduċa l-gvern fuq il-levy ta' beef burgers importati, jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati u x'kienu l-iżviluppi reġistrati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s`issa kelli laqgħa oħra mal-Poultry Processing Association. Dwar l-iżvilupp reġistrati f`dan l-istadju ma jkunx prudenti li wieħed jagħti dettalji.
Leg 9 PQ #2247 Sitting 39 1998-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Għamara ġdida

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inkrietx xi għamara ġdida għall-uffiċċju tiegħu f'Kastilja u għall-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari tiegħu u jekk il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari oħrajn krewx għamara ġdida? Jekk iva, mingħand min inkriet din l-għamara antika? Kemm qed iħallas kull ministeru għal din l-għamara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma nkriet l-ebda għamara ġdida jew antika għall-Uffiċċju tiegħi jew għall-uffiċċju tas- Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill- Interpellant jitlob l-informazzjoni mitluba direttament mill-Ministri l-oħra.
Leg 9 PQ #2340 Sitting 39 1998-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq il-Kulleġġ - Sqaq Nru. 2

Question

Jista' l-Ministru jara li jawtorizza u jikkordina x-xogħlijiet fi Sqaq Nru. 2, fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat ċioe' sabiex il-bozza li hemm f'nofs l-isqaq titressaq ftit metri 'l ġewwa ħalli d-dawl jkun estiż aħjar għall-aċċess tar-residenti kollha ta' dan l-isqaq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba biex titjieb id-dawl fl-isqaq imsemmi qiegħda tiġi kkunsidrati flimkien ma` talbiet oħra.

Mtarfa — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm tax-xogħlijiet li se jissoktaw fl-Imtarfa matul l-1999? Kemm huwa kkalkolat li se jintnefqu flus għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għas-sena d-dieħla ser tkompli bil-proġett ta' bini ta' appartamenti fl-Imtarfa u għandha ivvutat Lm1,033,000. Dawn l-ispejjez ikopru t-tkomplija tat-toroq, u t-tlestija tal-maisonettes diġa mibdija. Ser jingħata bidu għal-bini ta' 30 Maisonettes, għal-Blokk ta' appartamenti, kif ukoll għat-tiswija tat-torri tal-arloġġ. 16.12.98

Djar — Mtarfa

Question

Billi numru ta' familji residenti fl-Imtarfa qed jiffaċċjaw periklu serju fi djarhom, liema ċirkostanza tista' twassal għal xi inċidenti fatali, konsegwenza li soqfa tad-djar ta' l-imsemmija residenti huma qodma ħafna u filwaqt li ġew ċertifikati li huma kkundannati minn diversi periti kompetenti, baqgħu ma ġewx mibdula minkejja l-ħafna talbiet li għamlu tul is-snin lil diversi awtoritajiet konċernati mir-residenti in kwestjoni u minn rappreżentanti tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsib rimedju għal din is-sitwazzjoni u ċioe' jgħin mill-aħjar li jista' lil dawn il-familji li żgur mhux tort tagħhom qed jgħixu f'dan il-periklu kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid l-istat perikoluż ta' dawn is-soqfa sabiex il-periklu li qed jgħixu fih dawn il-familji ma jkomplix jiggrava?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Xi tmien snin ilu l-Awtorita' tad-djar kienet investigat il-każ tas-soqfa tal-Barrack Blocks fl-Imtarfa flimkien ma' perit privat imqabbad mir-residenti. Dawn il-postijiet kienu mixtrija mingħand l-Awtorita' tad-Djar u għalhekk ir-residenti huma propjetarji. Saru tliet proposti mill-Awtorita' Tad-Djar li kienu hekk: 1. Frar 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u 50% tal-ispejjeż li jintefqu fis-saqaf tal-post sa massimu ta' Lm800. 2. Awissu 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ 50% tal-ispejjeż biex jitranġaw is-soqfa tal-appartamenti u l-partijiet komuni sa massimu ta' Lm1,200 għal kull appartament. 3. Novembru 1991 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u Lm6.50 għal kull metru kwadru ta' saqaf li jinbidel fl-appartament. Il-ħlas kellu jsir wara li jitlesta x-xogħol kollu u jiġu ppreżentati rċevuti tax-xogħol. Ir-residenti ma qablu ma' l-ebda waħda mill-proposti u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li toffri għall-bejgħ il-partijet komuni kollha bi prezz nominali u s-soqfa jkunu responsabbli għalihom ir-residenti stess. Kien hemm numru ta' residenti li xtraw il-partijiet komuni. Fil-każ tal-Blokki G u H is-soqfa kienu msewwija mill-Works Department meta l-appartamenti ġew allokati u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar mhix responsabbli għal tiswijiet fis-soqfa f'dawn il-blokki. 16.12.98

Persuni b'diżabilita' — Applikazzjoni Nru. 2961

Question

Jista' l-Ministru jara li jestendi l-għajnuna tiegħu għall-applikazzjoni Nru 2961 sabiex din it-talba pendenti ta' persuni b'diżabilita' tiġi rimedjata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jipprovdi aktar dettalji, partikolarment dwar liema servizz applikat għalih il-persuna konċernata. B'hekk inkun nista' nagħti Tweġiba aktar sodisfaċenti. 16.12.98
Leg 9 PQ #1935 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mellieħa — Ta' Qortin - Fawran tad-drenaġġ

Question

Billi l-maltemp li għamel f'dawn l-aħħar ġimgħat ikkawża ħafna fawran tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Qortin, il-Mellieħa u anke faru fosos tar-residenti, jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni u jara jekk huwiex possibbli li sakemm isiru x-xogħlijiet fuq l-estensjoni tad-drenaġġ, kif għarrafni diġa' fil-mistoqsija parlamentari numru 23, Seduta Nru. 4, jitħammlu l-fosos imsemmija mid-dipartiment konċernat? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fosos imsemmijin jiġu mbattla regolarment minn kuntrattur imqabbad mid-Dipartiment konċernat. Ta' min jgħid illi l-ilma tax-xita m'għandux ikun imqabbad għal ġol-fosos u jekk dawn faru minħabba f'hekk, dan ifisser illi l-individwu għandu s-sistema rregolari. Id-Dipartiment ma jħammilx il-fosos privati iżda jbattalhom biss fejn m'hemmx is-servizz tad-drenaġġ provdut.
Leg 9 PQ #1936 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Ġonna

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kumpanniji li applikaw/ittenderjaw għax-xogħol ta' manteniment tal-ġonna tal-MIA? Xi prezzijiet offrew u min ħa t-tender? Kemm kienet it-tender preċedenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kumpaniji li applikaw għat-tender li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma dawn: 1. J.S. Zammit & Co Ltd 2. The Garden Shop Nursery Ltd 3. Piscopo Gardens Ltd 4. Flower Power (Sales) Ltd 5. Louis R. Naudi trading as Airport Gardening Services 6. Charles Camilleri on behalf of Grenlands It-tender għall-manteniment ta` ġonna ta` 40,000 metri kwadri, li ngħatat mill-Bord preċedenti , intrebħet minn The Garden Shop Nursery Ltd. Prezzijiet ta` tenders huma kunsidrati bħala informazzjoni kummerċjali u għalhekk ma jkunx fl-interess ta` l-istess kumpanija li nippubblikom. Tajjeb wieħed jgħid li t-tender preċedenti, li kienet tkopri area globali inqas minn dik imsemmija fuq, kienet tammonta għal-somma akbar minn dik preżenti.
Leg 9 PQ #1938 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Bdiewa/raħħala

Question

Billi numru sostanzjali ta' bdiewa u raħħala jixtiequ li jsiru sidien tar-raba' u/jew l-irziezet tagħhom sabiex ikunu f'pożizzjoni li jinvestu aktar fil-mistier tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema speċjali biex jintlaħaq dan il-għan tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin?

Response (BORG, TONIO)

Il-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant tinvolvi l-bejgħ ta' proprjeta' tal-Gvern u ser tiġi studjata fid-dawl ta' 'policy' li qegħda titfassal f'dan ir-rigward. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1939 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Plots tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots li ngħataw fid-diversi skemi tal-gvernijiet preċedenti li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt uffiċjali? Billi r-residenti ta' Qasam tad-Djar ta' Għar Barka, Rabat, Malta ilhom ukoll is-snin jistennew li jsir il-kuntratt uffiċjali tal-post/djar tagħhom, peress li dawn għadhom ukoll fuq bażi ta' konvenju, jista' l-Ministru jintervjeni, ċioe' jinvestiga kif tista' tiġi rimedjata din il-pendenza? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots tal-Home Ownership Schemes li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt huwa 1474. L-art f'Għar Barka, Rabat, li qegħda tiġi espoprijata hija ta' circa 32,000 metri kwadri. Ir-riċerki tas-sidien ta' madwar nofs din l-art qegħdin fi stadju avvanzat u wieħed jispera li l-kuntratti għandhom isiru fi żmien sitt xhur oħra. Filwaqt li r-riċerki tas-sidien tan-nofs l-ieħor m'humiex fi stadju daqshekk avvanzat u għaldaqstant għad mhux possibli li wieħed jiffissa definit meta ser jiġu konlużi. Nixtieq ngħid li d-Dipartiment ta' l-Artijiet qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex l-esproprijazzjoni ta' l-artijiet, speċjalment dawk li jinsabu fil-Housing Estates, kif ukoll artijiet li qegħdin jiġu esproprijati għal skopijiet oħra jiġu konklużi aktar malajr. F'dan ir-rigward, kif forsi diġa' jaf l-Onor. Membru, id-Dipartiment diġa' mpjega numru ta' avukati part-time, ħalli jħaffef ir-riċerki. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1940 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Fidi ta' ċens

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni u d-depożitu tal-fidi taċ-ċens Nru. 7 (M 136007), jista' l-Ministru jara li t-talba tiġi rimedjata fl-affermattiv?

Response (BORG, TONIO)

Mhux possibli mill-informazzjoni mogħtija mill-Onor. Interpellant li jiġi nvestigat l-ilment mqiegħed minnu. Għaldaqstant, hemm bżonn li jintbagħtu aktar dettalji rigward il-każ in kwistjoni miċ-ċedola tal-fidi li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #1941 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Ack. No. 15377

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni Ack. No. 15377 lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jista' l-Ministru jirrimedja t-talba msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li peress li l-art li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant tikkonsisti fi tlett għelieqi żgħar, imbegħdin minn xulxin, id-Dipartiment konċernat għaddej b'eżerċizzju biex jiġi stabbilit x'qed isir u minn min fuq medda ta' art akbar li tinkorpora fiha dawn il-tlett għelieqi. 16.12.98 (am)

Mtarfa — Bypass

Question

Billi jirriżulta li għal darb'oħra l-Bypass ta' l-Imtarfa ma ġietx inkluża fl-estimi tal-Budget sabiex tingħata t-tarmak, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa pprogrammat f'din il-leġislatura li din it-triq tiġi rranġata u mogħtija t-tarmak? Jaf il-Ministru li din it-triq qed issirilha ħafna ħsara fil-formazzjoni tagħha u l-għoti ta' tarmak qed kull ma jmur ikun wieħed urġenti minn xahar għal ieħor? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru lqugħ fuq il-parti ta' barra t-triq bil-gabjuni bħalma ntużaw fil-proġett ta' Wied il-Qlejgħa bil-ħsieb li l-wiċċ ikun jista' jservi ta' trejqa għar-residenti li jippassiġġjaw f'din it-triq unika għal veduta tagħha fir-Rabat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Billi din it-triq hi mibnija ħażin, id-Dipartiment tat-Toroq ser ifassal pjan ta` kif jista jirranġa din it-triq matul iż-żmien li ġej.
Leg 9 PQ #1932 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Rabat

Question

Billi l-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta ilu s-snin jgħid lill-komunita' ta' Ta' Duna li se jirranġa, jasfalta u/jew jagħti t-tarmak l-Għalqa ta' Kola li tinsab fejn ir-Roman Villa, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'qed jikkawża verament il-posponimenti ta' dawn ix-xogħlijiet? Hemm xi rimedju kif din il-problema tiġi rimedjata? Jekk iva, x'inhuma? Peress li qed jinħoloq inkonvenjent kbir bit-trabijiet lir-residenti ta' l-inħawi u qed iħalli impatt negattiv ma' l-eluf kbar ta' turisti li minn sena għal oħra jżuru dawn l-inħawi storiċi tar-Rabat, jista' l-Prim Ministru jara li jirrimedja b'soluzzjoni qabel il-festa ta' San Ġużepp li tiġi ċċelebrata nhar id-19 ta' Marzu, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infumrat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta) b'dan li ġej: (a) il-Kunsill applika fl-1995 għall-permess ta` żvilupp ta` din l-art permezz ta` applikazzjoni P.A. 3707/95. Dan il-permess għadu mhux maħruġ; (b) għalkemm diġa ħarġet proklama tal-President għall- akkwist ta` l-art, billi din l-art hija propjeta` privata, is-sidien qed joġġezzjonaw li jsir xi forma ta` żvilupp f'dan il-post; (c) il-Kunsill huwa ppreparat li jagħmel minn kollox biex jitnaddaf dan il-post appena joħroġ il-permess meħtieġ biex jibda x-xogħol.
Leg 9 PQ #1933 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Rapport ta' l-1997

Question

B'riferenza għall-intervent tiegħi f'seduta preċedenti sabiex titkompla d-diskussjoni dwar ir-rapport ippreżentat lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-1997 sabiex jitħaffef il-proċess tal-permessi tas-serer, farm houses u żviluppi oħra meħtieġa mill-bdiewa u raħħala, jista' l-Ministru jara li jsiru laqgħat mal-koperattivi KPH, KIM, CFCS, eċċ sabiex l-awtorita' tkun aktar aġġornata dwar il-problemi u d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-bdiewa u r-raħħala? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikollhom laqgħat regolarment ma' uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar diversi aspetti li jolqtu din l-industrija importanti. S'issa ma sarux laqgħat bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-koperattivi, iżda hemm il-ħsieb li dawn isiru fil-futur qarib anki bħala parti mir-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura. Sadanittant hu maħsub li, fi żmien qasir, isiru wkoll laqgħat bejn il-Ministeru u dawn il-koperattivi. 15.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #1934 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Kalendarju Agrituristiku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hijiex qed issir konsultazzjoni bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u dak ta' l-Agrikoltura dwar il-kalendarju Agrituristiku? Jekk iva, jista' jinforma lill-Kamra x'konsultazzjonijiet saru u xi pjan tħejja għal kalendarju ta' l-1999?

Response (REFALO, MICHAEL)

It-tweġiba hi fin-negattiv. Iżda jekk l-Onor. Membru jispeċifika aktar u aħjar dwar il-kontenut u siwi tal-programm li għandu f'moħħu lest nikkunsidra s-suġġerimenti tal-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #1811 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Xemxija — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinkludi fl-estimi tal-budget ta' l-1999 ix-xogħlijiet tal-bankini, asfaltar jew tarmac ta' Triq il-Preistorja, Triq Imġiebah u Triq il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija? Jekk iva, meta se jsiru x-xogħlijiet u jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).

Djar — Mellieħa - Ta' Pennellu

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li jsiru l-lifts fil-Qasam tad-Djar Ta' Pennellu, fil-Mellieħa? Kemm fil-fatt hu n-numru ta' familji residenti f'dan il-Qasam tad-Djar? Billi x-xewqa tar-residenti ilha s-snin li jkollhom ġnien f'dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jara li jikkordina mad-dipartimenti konċernati sabiex dan ix-xogħol fuq il-ġnien jinbeda fil-ġejjieni qarib? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għal PQ Nru. 409 u 639 dwar il-possibilta' ta' stallar ta' lifts f'bini tal-Gvern. Rigward il-possibilta' li jsir il-ġnien f'Ta' Pennellu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan l-estate huwa wieħed minn dawk li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu ppjanat li jfassal ġnien fih fis-snin li ġejjin. 15.12.98

Toroq — Xogħlijiet

Question

Billi jirriżulta li numru kbir ta' toroq fit-12-il distrett elettorali qatt ma raw wiċċ tarmac, jista' l-Ministru japprova programm ta' xogħlijiet sabiex ir-residenti ta' dawn it-toroq f'Buġibba, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, iż-Żebbiegħ, il-Manikata, il-Baħrija, ir-Rabat u l-Mellieħa jħossuhom ċittadini rikonoxxuti daqs l-oħrajn? Fil-fatt, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk it-toroq li se jingħataw it-tarmac fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed isir il-pjan li biħ diversi toroq fil-pajjiż, inkluż fit-tnax id-distrett elettorali jkunu miksija bit-tarmac kif meħtieġ.
Leg 9 PQ #1830 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Sportivi tal-muturi trials

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jestendi l-għajnuna lill-isportivi tal-kampjonati nazzjonali tal-muturi trials u motorcross sabiex jiġu eżentati milli jħallsu d-dazji u registration fees ta' dawn il-muturi peress li ma jintużawx għas-sewqan fit-toroq, imma jintużaw biss għall-kompetizzjonijiet sportivi? Billi din hija nġustizzja u qed iċċaħħad anke milli jikber dan l-isport f'Malta, jista' l-Ministru jintroduċi skema ġdida għall-Budget li ġej sabiex ma tkomplix issir inġustizzja ma' dawn l-isportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-eżenzjoni mit-taxxa hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi. Għalhekk kull talba għall-eżenzjoni għandha ssir direttament lil dan il-Ministeru mill-għaqdiet sportivi. Kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-meritu tagħha.