Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-fabbriki lokali f'Malta u Għawdex li mistennija jżidu n-numru ta' ħaddiema matul l-1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li hemm diversi fabbriki li taw indikazzjoni li għandhom il-ħsieb li jżidu n-numru ta' ħaddiema.
L-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant mhux possibli li tingħata minħabba d-dispożizzjonijiet kontemplati fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali (Kap 325) għal dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' fabbriki li mistennija jiftħu matul l-1999?
Kemm se jimpjegaw ħaddiema, fabbrika b'fabbrika, u x'se jipproduċu?
Kemm hu kkalkolat li jimpjegaw aktar ħaddiema fil-ħames snin li ġejjin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhuwiex possibli li wieħed jagħti informazzjoni dwar in-numru ta' fabbriki li ser jiftħu matul l-1999 peress li l-proġetti jidħlu għand l-MDC minn żmien għal żmien matul is-sena kollha.
Fil-preżent l-MDC għandha sittax-il proġett li qed ikunu kkunsidrati, filwaqt li hemm numru ieħor li jidhru interessati li jissottomettu applikazzjoni.
Informazzjoni fabbrika b'fabbrika ma tistax tingħata minħabba d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalita kontemplati fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali (Kap 325)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kunsilli lokali f'Malta u Għawdex li għandhom ftehim ta' koperazzjoni ma' lokalitajiet/kunsilli oħra ta' pajjiżi barranin?
X'għajnuna jestendi l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'dan ir-rigward u x'għajnuna tintalab normalment mill-kunsilli lokali għar-rigward ta' dawn il-kuntatti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li sitt (6) Kunsilli, kollha Maltin,
għandhom ġemellaġġ iffirmat u attiv ma' muniċipalitajiet
barranin. Tliet (3) Kunsilli oħra wkoll Maltin, għandhom l-
approvazzjoni meħtieġa biex jikkonkludu l-ġemellaġġ
mixtieq.
Il-Kunsilli Lokali normalment jitolbu għajnuna finanzjarja
biex isiefru għall-iffirmar tal-ġemellaġġ. Pero la d-
Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u lanqas il-Ministeru għall-
Affarijiet Barranin m'għandhom fondi allokati għal dan l-
iskop.
Ta' min jgħid li l-Kummissjoni Ewropea toffri għajnuna għal
dan il-għan ibbażata fuq ċerti kriterji u l-Kunsilli
Lokali, bl-appoġġ tal-Kunsill ta' l-Ewropa, jistgħu
japplikaw għal din l-għajnuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji f'Malta u Għawdex li bbenefikaw miċ-children allowance matul l-1998? Kemm kien in-numru ta' tfal eliġibbli f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' familji f'Malta u Għawdex li bbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal matul is-sena 1998 kien ta' 42,581. L-Allowance ġiet imħallsa għan-nom ta' 73,726 tifel u tifla.
20.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta' inċidenti rrapportati fl-iskejjel primarji u sekondarji li kienu nvoluti t-tfal/studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat?
X'natura ta' inċidenti kienu u kemm-il darba ssejħet l-assistenza tat-tobba u/jew l-ambulanza?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' inċidenti li fihom kienu nvoluti studenti u li kien jeħtieġu assistenza medika kienu 147.
L-inċidenti jvarjaw minn tfekkik, 'fits', attakki ta' 'asthma' u ksur.
Issejjħet l-assistenza ta' tabib 8
Issejjħet ambulanza 9
Issejjaħ tabib u ambulanza 9
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħabsin li se jiskontaw/jispiċċaw mis-sentenza ta' ħabs matul l-1999, xahar b'xahar?
Kemm minnhom huma nisa u rġiel u żgħażagħ taħt il-35 sena?
X'għajnuna se jingħataw sabiex jintegraw mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub dwar il-ħabsin li ser jiskontaw is-sentenza ta' ħabs, xahar b'xahar, matul l-1999, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skond kif provdut f'Art 61 (f) tar-Regolamenti tal-Ħabs ta' l-1995, priġunieri li jkunu ser itemmu s-sentenza tagħhom jista' jingħatalhom Leave mill-Ħabs sabiex jaħdmu f'xi mpjieg jew sabiex jirċievu tagħlim jew taħriġ, tul l-aħħar tlett xhur tas-sentenza tagħhom.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' barrieri f'Malta u Għawdex li jużaw splussivi skond il-kondizzjonijiet tal-pulizija sabiex ikun assigurat li ma ssirx ħsara lill-art u/jew bini residenzjali fil-madwar?
Kemm-il spezzjoni ssir mill-pulizija u minn min jinvestiga minn żmien għal żmien jekk l-isplussivi kkawżawx danni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hawn tlieta u għoxrin barriera tal-qawwi f'Malta u erbgħa f'Għawdex li jużaw splussiv għat-tqattiegħ tal-blat. Kull barriera għandha ammont ta' splussiv u numru ta' detonaturi li tista' tuża waqt l-isparar, u dan l-ammont jiġi stabbilit mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, wara li jsiru t-testijiet meħtieġa bi strumenti apposta minn uffiċjali li huma esperti f'dan il-qasam. Dan biex jiġi assigurat illi ma ssir l-ebda ħsara lill-art jew bini ta' madwar. Ninsab infurmat ukoll li uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jispezzjonaw dawn il-barrieri b'mod regolari.
Meta u jekk jiġu rrapurtati danni lill-Pulizija, issir l-investigazzjoni meħtieġa mill-Pulizija tad-distrett fejn tkun il-barriera, bl-għajnuna tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
20.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' taxis, mini buses u karozzi tat-trasport pubbliku reġistrati matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġha fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema maċ-Ċivil li temmew l-impjieg tagħhom matul l-1998? Xi gradi kellhom u f'liema dipartimenti kienu jaħdmu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi bejn Jannar u Novembru tas-sena li għada
kif spiċċat, elf ħaddiem full-time fis-Servizz Pubbliku
temmew l-impjieg tagħhom. L-informazzjoni għax-xahar ta'
Diċembru għada qegħda tinġabar.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda bid-dettalji
ta' dawn l-impjegati kif mitlub.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk l-iskejjel f'Malta u Għawdex li jestendu servizz tal-faċilitajiet ta' l-iskola wara l-ħin skolastiku?
X'għajnuna jitolbu dawn l-iskejjel lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni sabiex jibqgħu jestendu dan is-servizz għall-komunitajiet u l-għaqdiet rispettivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għaqdiet volontarji, MGO, eċċ li ressqu t-talba tagħhom lid-dipartimenti konċernati li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li ma ġewx aċċettati?
X'kienu r-raġunijiet u min kienu l-għaqdiet li ma ġewx mogħtija l-għajnuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 12-il għaqda volontarja taż-żgħażagħ li ressqu talba għall-għajnuna lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju 1999 taħt il-Youth Support Programme u li ma ġewx aċċettati. Informat li r-raġuni prinċipali li ma ġewx aċċettati hija li dawn it-talbiet kienu ta' natura sportiva, kulturali jew kapitali. Kien hemm għaqda minnhom li ġiet mitluba tapplika permezz ta' l-organizazzjoni li tagħmel parti minnha.
L-għaqdiet kienu dawn:
Juventutis Domus Sacra Familia
Għaqda Voluntieri Santa Venera
MUSEUM Subien Żebbuġ
Tony Lawrence Dance School
Malta University Sports Club
Żebbuġ Vikings Football Club
Malta Shotokan Karate International Federation
Għaqda Korali u Orkestrali M. Bambina
Għaqda tal-Konsumaturi
Miriam Cauchi
Kumpanija Teatrali Talent Żebbuġi
Inizjamed.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir programm ta' manutenzjoni bħal tibjid, eċċ fil-Housing Estate tat-12-il Distrett, ċioe' l-Housing Estate tar-Rabat, l-Imġarr, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet u kemm se jkunu jinvolvu dawn il-manutenzjonijiet għall-benefiċċju tar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li għalkemm diversi xogħolijiet ta' tikħil ġew approvati mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, l-uniku "estate" li fihom ser isir xogħol fl-1999 huwa dak tal-Mellieħa. Ta' min isemmi madankollu li xogħol simili kien ġa sar fl-"estates" tar-Rabat u San Pawl il-Baħar bejn l-1993 u l-1998.
18.1.99
B'riferenza għas-sitwazzjoni ta' dilettanti u żgħażagħ taħt it-18-il sena membri ta' dawn l-għaqdiet nazzjonali sportivi ta' l-isparar fuq il-plattini u s-sewqan fl-avvenimenti sportivi tal-muturi u karozzi offroad sabiex dawn ikunu jistgħu jitħarrġu f'dawn id-dixxiplini sportivi ħalli jgħollu l-livell tat-teknika sportiva ndividwali tagħhom, u t-tweġiba preċedenti tal-Ministru, ċioe' li se jistħarreġ x'inhi s-sitwazzjoni ta' pajjiżi oħra, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżvilupp tal-verifiki li għamel s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma stajtx insib mil-liema tweġiba preċedenti jirriżulta li se jiġi mistħarreġ x'inhi s-sitwazzjoni ta' pajjiżi oħra f'dak li għandu x'jaqsam ma' għaqdiet nazzjonali sportivi ta' l-isparar fuq il-plattini u s-sewqan fl-avvenimenti sportivi tal-muturi u karozzi off-road.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum ta' lead free petrol f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
X'inċentivi jgawdu ċ-ċittadini sabiex jikkonsmaw dan it-tip ta' petrol?
Fuq liema kriterji l-Gvern ċaħħad lil dawn il-konsumaturi milli jgawdu prezz aktar kompetittiv għall-konsum ta' dan il-petrol li huwa aktar environment friendly?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-konsum ta' petrol bla ċomb matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif ser ngħid:
SENA TUNELLATI
1994 10,242
1995 12,534
1996 17,240
1997 18,770
1998 21,560
Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jara t-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1985.
Billi l-bridge ta' bejn l-Imtarfa u l-Imdina fejn hemm l-istazzjon tal-ferrovija l-antika jeħtieġ li ssirlu manutenzjoni strutturali qabel jiġġarraf kompletament u jikkawża xi nċidenti fatali, jista' l-Ministru jinvestiga u jirrimedja bi programm ta' xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet għamlet spezzjoni fuq il-bridge imsemmi li nstab li huwa fi stat strutturali tajjeb iżda jinħtieġ li jsirulu xogħlijiet ta' manutenzjoni li jinkludu:
1. Kisi tat-triq
2. Qtugħ ta' siġar li l-għeruq tagħhom jikkawżaw ħsara
fl-istruttura
3. Tikħil tal-fili kollha
4. Rikostruzzjoni tal-'concrete security railing' eżistenti.
Minħabba li l-fondi meħtieġa għal xogħol ta' dan it-tip iridu jiġu pprovduti mid-Dipartiment tat-Toroq, it-Taqsima tax-Xogħlijiet ħadet ħsieb tinforma bir-riżultat ta' l-ispezzjoni msemmija lill-istess Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment tad-Djar sabiex isiru lifts fil-housing estate tal-lokal tagħhom?
Liema huma dawk il-kunsilli u fiex waslet il-policy li qed ifassal id-dipartiment/awtorita' sabiex testendi dan is-servizz liċ-ċittadini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jirriżultax li hemm xi talbiet pendenti magħmula minn Kunsilli Lokali, kif imsemmi mill-Onor. Interpellant, apparti s-suġġeriment li sar mill-Kunsill Lokali tal-Floriana fl-laqgħa li nżammet f'Diċembru 1998.
L-Awtorita' tad-Djar qed tiffinalizza Skema għall-installar ta' "lifts" fi blokki tal-Gvern.
Meta din l-iskema tkun finalizzata tiġi ppubblikata u minn hu nteressat ser jiġi mitlub japplika.
18.1.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk fil-preżent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati. Huwa l-għan tal-Gvern li dawn id-diskussjonijiet iwasslu għal ftehim aħħari, bl-anqas piż finanzjarju fuq l-amministrazzjoni u fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali?
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' industriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali fil-preżent u kemm iħaddmu ħaddiema?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali huwa dawn li ġejjin:
a) beda x-xogħol fuq wieħed minn tlett car parks pjanati bħala parti
mill-proġett ta' żvilupp ta' din iż-żona.
b) qed jiġu ppreparati l-ispecifications għal xogħol ta' upgrading ta'
servizzi u toroq.
c) qed jiġi ppreparat 'construction management plan' biex jirregola
x-xogħolijiet li jridu jsiru, liema pjan irid jiġi sottomess għall-approvazzjoni ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar.
d) l-MDC hija nfurmata wkoll li waslet biex tiġi pproċessata
applikazzjoni għall-permess li hija kienet għamlet biex jinbena
administration block li jservi l-ħtiġijiet ta' din iż-żona.
In-numru ta' ndustriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali huwa 67. Dawn l-Industriji iħaddmu bejniethom 195 persuna full-time, 20 part-timers u 6 outworkers.
B'riferenza għall-protesta li saret riċentement minn numru ta' kuntratturi minħabba l-fatt li għadhom ma tħallsux għad-dovuti xogħlijiet li għamlu numru ta' snin ilu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi ta' din is-sitwazzjoni u ċioe' meta se jibdew isiru dawn il-pagamenti dovuti lill-imsemmija kuntratturi?
Response (DALLI, JOHN)
Propju xi ġranet qabel ma` numru ta` kuntratturi għamlu l-protest li qiegħed jaċċenna għalih l-Onorevoli Interpellant, kien ġie mwaqqaf kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministru tal-Finanzi, tad-Dipartiment tal-Kuntratti u tad-Dipartiment tat-Toroq biex jevalwa t-talbiet li għamlu l-kuntratturi u jiġi assigurat li x-xogħol sar u sar sewwa ħalli jkun jista` jitħallas.
Ġa sar progress u għadd ta` kuntratti li jiswew `l fuq minn Lm250,000 ġew verifikati u mgħoddija għall-ħlas.