B'riferenza għal bżonn ta' bini ta' hall/sala f'waħda mill-iskejjel tar-Rabat, Malta, liema neċessita' ilha pendenti s-snin, jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbena fil-futur?
Jekk iva, meta u x'daqs?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalkemm bħala parti mill-iSchools Building Programme tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm maħsub il-bini ta' sala fl-iskola sekondarja tar-Rabat, s'issa ma ttieħdet ebda deċiżjoni konkreta li tista' tindika d-daqs u t-tkomplija ta'din is-sala.
Kif jispjega l-fatt il-Ministru li qed issir ġustizzja ma' persuni b'diżabilita' meta ħaddiem li jbati minn diżabilita' permanenti u kritika ġie trasferit minn Kalaxlokk għal mal-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd - ittra mibgħuta minn Kalaxlokk lil dan l-individwu qed tintbagħat separatament - meta imbagħad fit-12 ta' Jannar ġie nformat mill-uffiċjali tal-Pitkalija li l-Ministru ma approvax it-transfer tiegħu?
In vista ta' dawn iċ-ċirkustanzi, jista' l-Ministru jinvestiga u jawtorizza lil dan il-ħaddiem jkompli bil-missjoni tax-xogħol tiegħu fil-Pitkalija Ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli. Ma dana kollu jiena persważ li fil-konsiderazzjoni ta' dan il-każ tingħata attenzjoni xierqa lill-fatt li l-ħaddiem in kwestjoni hu persuna b'diżabilita'.
27.1.99
B'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u s-sitwazzjoni tas-settur tal-biedja fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ikkawża t-telf ta' 3.9% fil-farm income tal-EU għas-sena 1998?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Bħala medja, l-"agricultural income" tal-Unjoni Ewropea niżel bi 3.9% fl-1998 meta mqabbel ma' dak tas-sena ta' qabel. Wieħed irid jikkonsidra li żviluppi fil-volum ta' produzzjoni kif ukoll fil-prezzijiet li t-tnejn għandhom mpatt fuq "agricultural incomes" ivarjaw minn prodott għall-ieħor kif ukoll minn pajjiż għall ieħor u dan partikolarment minħabba li ħafna mill-prodotti agrikoli jaffettwahom il-kondizzjonijiet tat-temp.
Għidt mhux fil-prodotti kollha u mhux f'kollox l-istess. Bħal, per eżempju, fil-patata l-kwantita naqqset bi kważi 4% filwaqt li l-prezzijiet telgħu b'33%. B'riżultat li l-bidwi daħħal 25% aktar mill-patata. Kien hemm żidiet ta' 6% fl-inbid, 4% fil-frott frisk u 2% fil-fjuri filwaqt li kien hemm tnaqqis fiż-żejt taż-żebbuġa (20%), zokkor (8%) u ċereali (5%).
Peress li qed nirriferu għal-medja, wieħed irid jgħid li mhux il-pajjiżi Membri kollha kellhom l-istess riżultati. Kien hemm numru ta' pajjiżi fejn l-"agricultural income" tela' (bħall-Italja u l-Ġermanja) filwaqt li kien hemm oħrajn (bħad-Danimarka u l-Ingilterra) fejn niżel.
It-tnaqqis fl-"agricultural income" huwa attribwit lil għadd ta' fatturi:
1. l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli għal-konsum ("output prices") niżlu b'medja ta' 4.7% partikolarment dawk tal-majjal;
2. żieda żgħira fil-volum tal-"output" ("output" finali tal-agrikoltura żdied 1.0%);
3. tnaqqis fil-prezzijiet reali tal-prodotti intermedjarji partikolarment dak ta' l-ikel ta' l-annimali;
4. tnaqqis f'termini reali fis-sussidji ta' 6.2 % l-aktar minħabba t-termini tal-ftehim milħuq mad-WTO fl-1995 kif ukoll minħabba li ċerti sussidji (li jingħataw ġeneralment biex titjieb il-produzzjoni jew biex tinqered xi marda) ma reġgħux ingħataw fl-1998 wara li kienu ngħataw fl-1997 għax ma kienx hemm bżonnhom;
5. il-livell ta' żvalutar tal-munita li tintuża fl-agrikoltura u tal-pajjiz konċernat baqa' kważi l-istess (f'termini reali) kif imqabbla mal-1997;
6. rata iktar baxxa fit-tnaqqis fil-volum tax-xogħol fl-agrikoltura fl-1998 ta' 1.6% meta mqabbla ma dik ir-rata ta' tnaqqis li kienet il-medja bejn 1990 u l-1996 li kienet ta' 3.8%.
It-Tlieta 26 ta' Jannar 1999
Att ta' l-Industrija Lokali — A/L Nru. 68/98 CAP 336
Question
Jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema bażi kien tressaq l-Ewwel Qari sabiex il-Parlament jemenda l-Avviż Legali 68/98 CAP 336 ta'l-Att ta' l-Industrija Lokali f'Mejju tas-sena l-oħra (1998)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-avviż Legali 68/98 Cap. 336 ta' l-Att ta' l-Industrija sar sabiex jerġa jistabilixxi l-levy ta' 90 ċenteżmu kull kilo fuq laħam taċ-ċanga frisk ipproċessat importat wara li dan il-prodott ġie riklassifikat mill-customs Cooperation Council tal-World Customs Organisation u konsegwentement il-levy niżlet għal 10 ċenteżmu kull kilo.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-majjal għas-sena 1995/96 u 1997/98?
Kemm kien il-prezz medju għar-raħħala f'dawn l-erba' snin sena b'sena u x'kien l-ammont ta' flus li ġab dan il-laħam?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3386, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazjoni mitluba kient diga' mogħtija fir-risposta għad-domanda parlamentari Nru. 2495 fil-11 ta' Diċembru, 1998.
Minkejja dan għal darba oħra nerġgħu nippreżentaw il-figuri u inżidu it-total għas-sena 1998.
Il-Qatla Totali (Malta u Għawdex) f' Piż ta' Kilos
1995 1996 1997 1998
8,467,000 8,815,220 10,192,952 10,406,307
Il-Valur tal-Laħam tal-Majjal u l-Prezz Medju Tiegħu
1995 Lm7.72M Lm00.91c2
1996 Lm7.29M Lm00.82c7
1997 Lm8.42M Lm00.82c6
1998 Lm8.59M Lm00.82c5
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Fejn saru dawn it-transfers u liema huma l-uffiċjali li ġew assenjati responsabbilitajiet ġodda mill-5 ta'Settembru, 1998 'il hawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn saru 34 transfers minn jew għal Dipartimenti oħra u 57 transfers interni fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, skond kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Is-Sur Emmanuel Micallef, Senior Agricultural Foreman, barra r-responsabbilta' mis-Sezzjoni tad-distribuzzjoni tal-ħamrija, ngħata wkoll f'idejħ it-tmexxija tal-mixtla ta' Wied Incita.
Is-Sur Vincent Schembri, Senior Agricultural Foreman, barra r-responsabbilta' li kellu tal-mixtla ta' San Vincenz, ngħata wkoll ir-responsabbilta' tat-taqsima tal-bexx.
Is-Sur Anthony Borg, Agricultural Officer, ngħata r-responsabbilta' tal-Fergħa tar-Raba u l-Ilma minflok is-Sur Anthony Mifsud,li ngħata l-kariga ta' Assistent Segretarju Privat fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi.
Is-Sur Jimmy Briffa, Senior Agricultural Foreman, ngħata r-responsabbilta' tas-Sezzjoni taż-Żbir fil-Fergħa ta' l-Urban and Rural Landscaping.
B'riferenza għall-Agreement mal-Bioagricoop sabiex jiġi ċċertifikat l-kwalita' tal-prodott organiku, mkabbra mill-bdiewa Maltin, li kien sar s-sena l-oħra, jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-dipartiment jew il-ministru huwiex se jonora l-istess agreement?
Saru xi proposti mill-Bioagricoop lid-dipartiment jew il-ministeru sabiex isiru programmi/laqgħat/courses eċċ informattivi lill-bdiewa u uffiċjali tad-Dipartiment dwar Produzzjoni Agrikola Organika mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Jekk iva,meta saru dawn il-propsti mill-Bioagricoop?
Jekk ma sarux, hemm diskussjonijiet għaddejjin sabiex isiru dawn il-laqgħat/programmi/courses eċċ lill-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ftehim li qed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant jidher li ma kien ftehim xejn għaliex kien iffirmat biss min-naħa ta' uffiċjal tal-Ministeru li kien imexxi hu.
Dan l-'statement' unilaterali kien sar ftit ġranet biss qabel l-elezzjoni ta' l-1998 mingħajr studju serju ta' l-implikazzjonijiet u mingħajr ma ġew infurmati l-ogħla uffiċjali tad-Dipartiment.
Minn dak iż-żmien 'l hawn ma jirriżultax li saru xi proposti mill-Bioagricoop u ma hemmx diskussjonijiet ma din l-organizazzjoni kummerċjali.
Peress li matul l-1998 kien hemm ħames bdiewa li bdew ikabbru l-uċuħ tagħhom b'sistema organika u kienu wkoll jiġu megħjuna mid-dipartiment sabiex jittestjaw il-livell tal-kwalita' organika mal-Bioagrocoop (ċertifikati qed jintbagħtu separatament), jista' l-Ministru jinformani bil-programm tad-dipartiment fuq il-produzzjoni organika għal din is-sena?
Dawn il-bdiewa se jkomplu jingħata l-għajnuna u jekk iva, x'tip ta' għajnuna u jekk le, għaliex?
Min huma fil-fatt l-uffiċjali u l-ħaddiema responsabbli mir-riċerka ta' produzzjoni organika għal din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-bdiewa li bi prova kkabbru uċuħ taħt sistema 'organika' dan l-aħħar sentejn ma ngħataw ebda għajnuna, ħlief direzzjoni teknika, liema għajnuna għada tingħata. Hemm 4 bdiewa li għadhom jipprovaw ikabbru xi uċuħ taħt din is-sistema.
Hemm uffiċjal wieħed tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li għadu jassisti lil dawn 4 bdiewa fit-tkabbir tal-uċuħ tagħhom, bi prova b' din is-sistema.
Iċ-ċertifikati mehmuża mal-mistoqsija juru biss li l-ħamrija u t-tadam prodott ma fihomx residwi ta' kimiċi. Dan waħdu ma jfissirx li tkabbru b' sistema organika, peress li normalment il-ħamrija trid tkun ilha mill-linqas tlett snin ħielsa mit-trattamenti kimiċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li talbu l-għajnuna ta'l-uffiċċju tal-extensions services, sena b'sena, lokal lokal matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bdiewa li rikorrew fl-uffiċċju distrettwali tal-Extension Service għal għajnuna kienu dawn li ġejjin:
1994 1995 1996 1997 1998
Mosta 614 760 698 824 806
Siġġiewi 432 418 768 1663 1546
Rabat 438 436 764 1793 1794
Żabbar 920 997 1516 1711 1181
Total 2404 2611 3746 5991 5327
Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji — Tjur/annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' speċi ta' tjur u annimali li ġew projbiti milli jidħlu fil-gżejjer tagħna mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji matul l-1998?
Meta ġew projbiti u fuq liema raġunijiet u kriterji ġew projbiti u x'sar minnhom?
Jista'l-Ministru jgħid ukoll x'kien permess li jidħol fl-istess perijodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju joħroġ liċenzji għall-importazzjoni tat-tjur fuq il-kundizzjoni li l-pajjiż ta' l-esportazzjoni jkun ħieles mill-OIE list A diseases tat-tjur. Meta s-Servizz Veterinarju jkollu nformazzjoni uffiċjali li xi pajjiż ikollu l-mard, ma tinħariġx liċenzja.
Ma jinżammux records dwar liċenzji li jiġu rifjutati jew importazzjoni li ma ssirx minħabba li ma jinħarġux ċertifikati mill-pajjiż li qegħda tkun issir l-esportazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa l-vot tal-Beef Intervention Scheme approvat fl-estimi tal-Budget ta' din is-sena 1999?
Kemm kien fl-1998?
Kemm fil-fatt tnaqqset il-levy fuq il-laħam frisk pproċessat importat wara l-5 ta' Settembru, 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-Estimi għas-sena 1999 ġew ivvutati Lm120,000 għall-'Guidance and Guarantee Scheme: Beef', iżda d-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju ġie awtoriżżat jonora l-ftehim mar-raħħala dwar il-prezz taċ-ċanga li jfisser li l-Gvern qed jiggarantixxi l-prezz minimu miftiehem għaċ-ċanga kollha li normalment tinqatel fil-biċċerija. Fl-Estimi għas-sena 1998 ġew ivvutati Lm120,000, għalkemm in-nefqa kienet akbar ukoll.
Ma tnaqqset l-ebda levy fuq l-importazzjoni tal-laħam frisk ipproċessat. Kien hemm interpretazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' xi prodotti taċ-ċanga minn naħa tal-World Customs Organization. Riżultat ta' dan inħolqot problema tal-'unseasoned pure beef burgers' li jaf biha kulħadd.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm kumitat interministerjali sabiex jistħarreġ il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-tneħħija ta' 90% fuq il-levy tal-laħam frisk pproċessat importat?
Jekk iva, min kienu l-ministeri kkonċernati u jekk le, għaliex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Saru diversi laqgħat dwar il-levy fuq il-beef burgers, li nifhem li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant. Dawn il-laqgħat saru bejn il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u l-Ministeru ta` l-Agrikoltura u Sajd, kif ukoll mal-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasport ta' l-Isptar Zammit Clapp huwiex biss għan-nurses jew anke għall-istaff?
Dawk li m'għandhomx trasport mill-ipstar jistgħu jagħmlu użu minn dan l-istess trasport anke jekk issir bi ħlas nominali għal kulħadd?
Dan it-trasport huwa pprovdut għal kullimkien jew għal ċerti nħawi biss?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-trasport ta` l-Isptar Zaammit Clapp huwa pprovdut skond in-neċċessita. Is-sistema tat-trasport f`Zammit Clapp baqgħet l-istess minn mindu nfetah l-isptar.
It-trasport ta` l-Isptar Zammit Clapp huwa primarjament għas-servizz tal-pazjenti. Fejn jista jagħti servizz ukoll lil dawk in-nurses li jgħatu l-`handover`. Jekk ikun hemm (u normalment ikun hemm) xi post żejjed, dan jintuża mill-istaff kollu fuq bażi ta `first come first served`.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Inċidenti fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rrapportati inċidenti fuq il-post tax-xogħol lid-Diparitment tas-Sigurta' Soċjali bejn il-5 ta' Settembru u l-aħħar ta' Diċembru, 1998? Kemm kienu nisa u rġiel?
Kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali li sofrew il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u x'investigazzjonijiet isiru mid-dipartimenti f'ċirkostanzi bħal dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva, bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 1998, 1446-il talba għal benefiċċju tal-korriment li 143 saru minn nisa u 1303 minn irġiel.
Id-Dipartiment tax-Xogħol sar jaf, jew kien infurmat b'ħames inċidenti fuq il-post tax-xogħol li kkaġunaw fatalita'.
F'ċirkustanzi bħal dawn, l-Ispetturi tat-Taqsima tas-Saħħa u s-Sigurta' tad-Dipartiment tax-Xogħol jagħmlu dawk l-investigazzjonijiet indikati biex tiġi stabbilita l-kawża tad-diżgrazzja. Dawn l-investigazzjonijiet isiru skond l-Att numru VII tal-1994, u jsiru separatament minn kwalunkwe Nkjesta Maġisterjali li tkun qed issir fl-istess ħin.
21.1.99
B'riferenza għall-policy ġdida li l-Gvern qed ifassal sabiex jiġu stallati lifts ġodda fil-Housing Estate, jista' l-Ministru jinformani kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru, 'il hawn dwar din il-policy?
Ma' min saru dawn il-laqgħat, x'ġie diskuss u meta huwa pproġettat li l-gvern jwettaq din il-policy?
Huwa f'pożizzjoni l-Ministru li jgħid meta se jiġu stallati l-lifts fil-Housing Estates tal-Mellieħa, Mġarr, San Pawl il-Baħar u tar-Rabat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-3 ta' Novembru 1998, saret l-ewwel laqgħa tiegħi mal-Bord il-ġdid ta' l-Awtorita' tad-Djar. L-iskop ta' dik il-laqgħa kien biex l-Awtorita' tibda proċess ta' revizjoni ta' skemi u inizjattivi ġodda fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'pajjizna, nkluz skema għall-istallazzjoni ta' lifts fi Blocks tal-Gvern.
Minn dak in-nhar, il-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar żamm diversi laqgħat u ddiskuta skema gdida li hi maħsuba li tiġi implimentata f'fażijiet differenti. Għalkemm id-deċiżjoni finali għada ma tteħditx, x'aktarx li l-ewwel fażi tkun miftuħa għal bini li jinsab fi bliet u rħula fejn teżisti l-akbar problema ta' akkomodazzjoni soċjali.
Dettalji oħra jitħabbru fiż-żmien opportun.
21.1.99
Peress li l-ilmenti minn residenti tal-Lunzjata, l/o Rabat dwar l-isplużjonijiet u l-inkonvjent kawżat mill-attivita' tal-barriera fl-inħawi żdiedu sostanzjalment, tant li taqtiegħ tal-blat avvanza sew lejn il-bini residenzjali u dan b'detriment li qed jikkawża ħsara fil-bini u ħsarat estensivi fil-gwiebi u kanali ta' l-ilma tal-bdiewa fl-inħawi, jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni u jara li tiġi rrispettata l-liġi u d-drittijiet tar-residenti tal-Lunzjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-qtugħ tal-blat bl-esplussiv fil-barrieri jiġi mmoniterjat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, permezz ta' apparat li jkejjel il-qawwa tal-vibrazzjoni (peak particle velocity) li tiġi kawżata mill-esplussiv.
Ninsab infurmat ukoll li minn dan il-monitoring jirriżulta li l-qtugħ kollu ta' blat li sar sa issa, fil-barriera li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, dejjem kien fil-limitu stabbilit mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar skond standards internazzjonali u ma kienx ta' ħsara.
21.01.99
Dipartiment ta'l-Agrikoltura — Sistema ta'laboratorji
Question
Peress li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jenħtieġ sistema ta' laboratorji speċjalizzati sabiex ikunu jistgħu jiġu ntejba s-servizzi xjentifiċi li jagħti lill-bdiewa, jista' l-Ministru jinformani lill-Kamra bil-programm tal-Gvern sabiex jegħleb din il-problema tad-dipartiment?
Se jsir l-investiment meħtieġ sabiex id-dipartiment ikun jista' jissokta bl-Agri Eco Survey?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġew allokati LM15,000 għall-1999 sabiex jitjiebu l-faċilitajiet tal-Laboratorju tal-Kimika Agraria. Id-Dipartiment qed jissokta bl-Agro Ecological Survey. Dan jikkuntrasta maż-żmien li kien Ministru l-Onorevoli Interpellant, meta ma kienu allokati l-ebda fondi speċjali għal dan il-għan, iżdafl-1997 kienu jittieħdu mill-vot ġenerali tad-Diviżjoni tal-Kura tal-Pjanti għal ħtiġijiet komuni. Fl-1998 kienu ittieħdu ukoll LM950.74 mill-vot kapitali tal-Farm Sperimentali.
Qed jitħejja ukoll proġett sabiex il-Laboratorju tal-Kimika Agraria jiġi attrezzat kif jixraq.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa kkalkolat li l-Industrija lokali pproċessat laħam, taċ-ċanga, tal-majjal u tat-tjur matul l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-laħam li nxtara mill-biċċerija mill-proċessuri fis-snin 1997 u 1998 kien skond kif jidher hawn taħt.
LAĦAM TAĊ-ĊANGA
1997 290 metric tons
1998 216 metric tons
L-industrija tat-tjur ħadmet il-produzzjoni kollha tul dawn is-sentejn, jiġifieri 5525 tunnellata fl-1997 u 6148 tunnellata fl-1998.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar il-laħam tal-majjal tinżamm mill-KIM (Kooperattiva ta' min Irabbi l-Majjali) u mhux mid-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien il-prezz tat-tender tal-laħam tal-Beef Intervention Scheme f'dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tender tal-laħam tal-BIS nħarġet biss fis-sena 1998, fejn il-prezz kien ta' 78cents kull kilo. Fis-snin ta' qabel, il-laħam kien jinbiegħ direttament lill-proċessur interessat bi prezz ta' 65cents, liema prezz kien kompetittiv ma' dak tal-laħam impurtat.