Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3847 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Servizz ta' faċilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2993, Seduta Nru. 52?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' l-iskejjel li f'Malta u Għawdex jestendu faċilitajiet ta' l-iskola wara l-ħin skolastiku ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Kunsilli ta' l-Iskola jiddeċiedu jekk l-iskejjel ikunux f'pożizzjoni li jilqgħu t-talbiet li jkollhom.
Leg 9 PQ #3848 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni rapportati nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċittadini Maltin u persuni barranin li jgħixu f'Malta li ġew irrapportati lill-pulizija bħala nieqsa matul dawn l-aħħar ħames snin? X'investigazzjonijiet saru u qed isiru mill-pulizija? Kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena fost il-persuni rrapportati nieqsa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1994 u l-1998 ġew irrapurtati lill-Pulizija, 847 persuna nieqsa. Minn dawn, 189 kienu taħt it-tmintax il-sena filwaqt li 9 persuni biss minnhom baqgħu ma nstabux. Fejn il-persuna tibqa' ma tinstabx, il-Pulizija testendi l-investigazzjoni tagħha anke barra minn Malta, permezz ta' l-Interpol. 03.02.99
Leg 9 PQ #3849 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl fit-toroq

Question

Peress li l-bdiewa residenti fl-inħawi ta' Farmhouse Wied il-Bużbież (Spring) l-Imtaħleb, l/o Rabat, Malta jenħtieġu li jiddawwal ir-razzett tagħhom ħalli jkollhom aktar sigurta' bħal bdiewa oħra fl-inħawi, jista' l-Ministru jawtorizza li jsiru x-xogħlijiet neċessarji, cioe' japprova li tiġi stallata bozza? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #3906 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi

Question

Peress li talbiet ta' l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi tas-sewqan tal-muturi u karozzi off hand sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplina sportiva tas-sewqan li jorganizzaw l-istess organizzazzjonijiet sabiex jedukaw aħjar lil dawn l-atleti fis-sewqan, għandhom pendenti, jista' l-Ministr jikkonsidra mill-ġdid l-appell tiegħi li għamilt f'Seduta Nru. 44 ċioe' sabiex jitwaqqaf kumitat interministerjali bejn l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, ta' l-Intern, ta' l-ambjent u eċċ ħalli tiġi stabilita policy guidelines dwar dan l-isport hekk popolari fil-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett għadni qed nistenna tagħrif dwar it-talbiet imsemmija stante li ninsab informat li mill-5 ta' Settembru 'l hawn id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jidhirx li rċieva xi talba minn Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarrġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplini tas-sewqan. Tlabt ukoll li ningħata parir dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.

PTA — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-rotot il-ġodda li se jiġu estiżi din is-sena sabiex it-trasport pubbliku jkun aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini? Liema huma dawk il-villaġġi rurali f'Malta u f'Għawdex li qed jitolbu li jkollhom aċċess ta' trasport pubbliku u x'qed isir mill-ministeru sabiex tiġi mistħarġa din is-sitwazzjoni? X'inhuma l-possibbilitajiet li tiġi rimedjata din il-problema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi biex l-eserċizzju msemmi mill-Onor. Interpellant ikun jista` jsir. Ta` min jirrimarka li f`dawn l-aħħar sentejn ftit li xejn sar xogħol biex ikun magħaruf x`għandu jsir biex it-trasport pubbliku jiġi organizzat u b`hekk ikun aktar aċċessibli għall-pubbliku.
Leg 9 PQ #3706 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Casino Notabile

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'użu għandu l-Casino Notabile tar-Rabat fil-mument? Għal-liema skop intuża dan il-post/bini matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jikkunsidra li jipprovdi dan il-bini għall-użu ta' inizjattivi ġodda sabiex jintegraw il-persuni b'diżabilita' fis-soċjeta tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-użu tal-fond Casino Notabile fir-Rabat hu kif ġej : - * Sa l-1994 kien użat mis-Soċjeta' Casino Notabile * Bejn l-1995 u l-1996, il-fond kien f'idejn id-Dipartiment ta' l-Artijiet, ħlief għal ftit xhur meta kien użat mill-N.T.O.M * F'Ottubru ta' l-1996 il-fond kien ġie mikri lid-Dipartiment għall-Anzjani biex jintuża għal skop ta' rikreazzjoni (Day Care Centre). Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3705 f'Seduta 58. 02.02.99

UE — Sussidju

Question

Peress li l-Unjoni Ewropea se tnaqqas is-sussidju għas-settur tal-biedja, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kif dan se jaffettwa lill-bdiewa tal-pajjiżi membri u cioe' fejn huma l-vantaġġi/benefiċċji, eċċ. għall-bdiewa b'dawn il-miżuri għall-bdiewa Maltin u Għawdxin?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ir-riformi fis-settur tal-biedja fl-Unjoni Ewropea għadhom fi stadju tad-diskussjoni. Għal daqstant hu prematur li wieħed jitkellem fuq benefiċċji jew vantaġġi.

UE — Prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sistema tal-kontrolli fuq il-livelli tar-residwi fuq il-prodotti agrikoli li se tibda tapplika l-Unjoni Ewropea 11-il xahar oħra fuq ħxejjex importati lejn l-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-Unjoni Ewropea ilha sa mill-1976 tapplika livelli massimi għar-residwi ta' pestiċidi fil-prodotti ta' ħxejjex u frott. Dawn il-livelli jiġu emendati mill-Kummissjoni Ewropea skond kriterji xjentifiċi kull meta jkun hemm bżonn. L-aħħar tibdil li sar f'dawn il-livelli kien permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni Numru 98/82/EC tas-27 ta' Ottubru 1998. Il-miżuri ta' din id-direttiva jibdew japplikaw fl-1 ta' Awwissu 1999. Kopja ta' din id-Direttiva qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub. Ta' min isemmi wkoll li l-livelli tar-residwi stabbiliti mill-Kummissjoni japplikaw kemm għal-kummerċ bejn il-membri ta' l-Unjoni, kemm għall-importazzjoni lejn l-Unjoni, kif ukoll għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Rigward is-sistema ta' kontrolli fuq dawn il-livelli nixtieq nirriferi lill-Onor. Membru għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 1997 rigward il-programm koordinat ta' kontroll għas-sena 1998 applikat mill-Unjoni. Kopja ta' din ir-Rakkomandazzjoni qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-programm għas-sena 1999 għadu mhux ippubblikat.

UE — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li kull familja fl-Unjoni Ewropea tħallas taxxa sabiex l-istess Unjoni Ewropea tissussidja l-biedja jew aħjar il-CAP? X'kienu r-raġunijiet li minkejja li titħallas daqstant taxxa mill-popli tal-pajjiżi membri, tul is-snin numru kbir ta' bdiewa, raħħala u sajjieda u nies tax-xogħol fil-mistier tilfu l-għajxien tagħhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-mistoqsijiet ma jappartjenux lid-Direttorat li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħi.
Leg 9 PQ #3710 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Rabat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1932 sabiex qabel id-19 ta' Marzu (nhar il-festa ta' San Ġużepp) tiġi rimedjata l-problema ta' l-għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta, sabiex il-Kunsill Lokali jkun jista' jibda x-xogħlijiet u jagħti tarmac f'dawn l-inħawi tar-Rabat, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa mill-15 ta' Diċembru 'l hawn sabiex il-problemi li jappartjenu lis-sidien u r-residenti ta' l-inħawi jiġu solvuti? Peress li dan il-bżonn fir-Rabat ilu pendenti s-snin u qed ikun ta' inkonvenjent kbir għall-pubbliku in ġenerali u t-turisti li jżuru dawn l-inħawi tar-Rabat, jista' l-Ministru jintervjeni/jawtorizza/jirrikmanda lill-awtoritajiet konċernati sabiex ma jtawlux aktar bis-sitwazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li ngħatat għal- Mistoqsija Parlamentari numru 1932 peress li ġejt infurmat li ma kien hemm l-ebda żviluppi fir-rigward tal-ħruġ tal- permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #3711 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Beef Intervention Scheme — Estimi għas-sena 1999

Question

B'riferenza għal dak li ntqal mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, cioe' li l-figura ta' l-estimi tas-sena 1999 tal-Beef Intervention Scheme hija biss finta u fil-fatt id-dipartiment ħabbar li hemm żieda ta' Lm480,000 mal-vot ta' Lm120,000 approvati mill-Kamra ftit tal-ġimgħat qabel, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet ta' dan iċ-ċaqliq?

Response (DALLI, JOHN)

Jien infurmat li l-kelma li uża l-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd kienet fil-fatt `token` li ma tfissirx finta. Kif intqal fi stqarrija ta` l-istess Ministru, d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji ġie awtorizzat jonora l-ftehim mar-raħħala dwar il-prezz taċ-ċanga. Jien infurmat li l-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd qed jagħti aktar dettalji fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Nru 3380 li għamillu l-istess interpellant.

Bliet/Irħula — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2670 dwar talbiet pendenti għar-rotot ġodda ta' servizz tat-trasport pubbliku (karozzi tal-linja) fil-bliet u rħula peress li l-kunsilli lokali tat-12-il-distrett partikolarment dak tar-Rabat u l-Imġarr talbu/ressqu numru ta' talbiet sabiex jiġi estiż it-trasport pubbliku f'diversi nħawi bħal fil-każ tal-Baħrija, Għar Barka u nħawi oħra? Jista' għaldaqstant il-Ministru jagħti informazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tat-talbiet pendenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn naħa tal-Kunsilli Lokali tar-Rabat u ta` l-Imġarr ma hemm l-ebda talba pendenti għand l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku għal rotot ġodda tal-karozzi tal-linja.
Leg 9 PQ #3530 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Konferenza dwar l-Agrikoltura

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għall-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min se jkunu r-rappreżentanti tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għall-konferenza li se ssir f'Jannar, 1999 fil-London School of Economics & Political Science dwar l-agrikoltura u l-Unjoni Ewropea? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'paper ħejja l-ministeru għal din il-konferenza u ma' liema koperattivi ġiet ikkomunikata din il-paper? Jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mid-'Diary of LSE Public Events' ma jirriżultax li f'Jannar, 1999 kien hemm xi Konferenza organiżżata dwar l-agrikoltura u l-Unjoni Ewropea fil-London School of Economics & Political Science. Konferenzi ta' dan it-tip iżda jiġu organiżżati regolarment minn diversi organiżazzjonijiet barranin madwar l-Ewropa. Mhux possibbli li Malta tipparteċipa f'kull Konferenza.
Leg 9 PQ #3532 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja u Sajd — Persuni fis-segretarjat

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għal domanda parlamentari numru 3459.
Leg 9 PQ #3700 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Mtarfa

Question

B'riferenza għat-talba tar-residenti ta' l-Imtarfa sabiex jifformaw kunsill lokali għalihom, separat mill-konfini tar-Rabat, Malta, u s-sitwazzjoni tal-maġġorparti kbira tar-Rabtin u soċjetajiet tar-Rabat jħossu li huwa inġust li residenti ta' l-Imtarfa, wara li ġew joqogħdu fir-Rabat (għaliex ma kellhomx fejn joqogħdu fil-konfini tagħhom) iridu jieħdu wkoll parti mill-konfini u cioe' jwaqqfu kunsill lokali għalihom, liema pożizzjoni hija kontra x-xewqa tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-talba tar-residenti ta` l-Imtarfa sabiex jiffurmaw Kunsill Lokali għalihom qed tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra simili.
Leg 9 PQ #3704 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Każijiet ta' overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' overdose li ddaħħlu l-Isptar San Luqa matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm minnhom kienu xebbiet, ġuvintur u kemm minn dawn baqgħu taħt kura medika regolari? X'kordinament mal-Caritas jew organizzazzjonijiet oħra qed isir sabiex dawn il-persuni jiġu megħjuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur s'issa permezz tas-sistema tal-Hospita Analysis, jirriżulta li minn Jannar 1994 sa Diċembru 1998 ġew ammessi 1081 każ ta'avvelenamentfl-isptar San Luqa. It-terminu "avvelenament" jew "overdose" jinkludi dawn it-tliet kategoriji. Kategorija A: Avvelenament inċidentali ikkawżat minn drogi, medicinali jew sustanzi bijoloġiċi (ICD-9 codes E850-E858). Kategorija B: Attentat ta' suwiċidju ikkawżat minn avvelenament b'sustanzi solidi jew likwidi (ICD-9 code E950). Kategorija Ċ: Avvelenament minn sustanzi solidi jew likwidi, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat (ICD-9 code E980). Sena Kategorija Irgiel Nisa Total ------------------------------------------- ---------------------- 1994 A 29 25 54 B 2 13 15 Ċ 65 104 169 -------------------------------------------------- TOTAL 96 142 238 -------------------------------------------------- 1995 A 13 19 32 B 1 4 5 Ċ 54 91 145 -------------------------------------------------- TOTAL 68 114 182 -------------------------------------------------- 1996 A 20 17 37 B 0 2 2 Ċ 69 114 183 -------------------------------------------------- TOTAL 89 133 222 -------------------------------------------------- 1997 A 15 12 27 B 2 4 6 Ċ 63 116 179 -------------------------------------------------- TOTAL 80 132 212 -------------------------------------------------- 1998 A 12 14 26 B 2 3 5 Ċ 83 113 196 -------------------------------------------------- TOTAL 97 130 227 -------------------------------------------------- F'dawn il-każijiet isir follow up mill-istaff ta' l-isptar li jinkludi wkoll il-promozzjoni ta' servizzi ta' għajnuna li joffru, Sedqa, Caritas, u organizzazjonijiet oħra. Wieħed irid japprezza illi huwa il-pazjent li fl-aħħar mill-aħħar irid ikollu r-rieda li jsegwi programmi ta' rijabilitzzjoni.
Leg 9 PQ #3705 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Casino Notabile - Artisti b'diżabilita'

Question

Peress li n-numru ta' mużiċisti u artisti Rabtin jixtiequ li jiżviluppaw fil-Casino Notabile tar-Rabat "Mediterranean Charity Art Gallary" fejn jiġu esebiti xogħlijiet ta' artisti b'diżabilita' minn fost il-pajjiż tar-reġjun, jista' l-Ministru ġentilment jestendi l-użu ta' dan il-post għal dan il-għan nobbli? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Casino Notabile fir-Rabat kien ġie mikri lid-Dipartiment għall-Anzjani f'Ottubru 1996, biex jintuża għal skop ta' rikreazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi s-suġġeriment tiegħu lill-Ministru konċernat. 01.02.99

Impjiegi — Spezzjonijiet/investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy biex isiru spezzjonijiet/żjarat/investigazzjonijiet għall-għarrieda fid-djar privati tal-ħaddiema tal-gvern waqt li dawn ikunu għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom, bħalma ġara nhar il-Ġimgħa 8 ta' Jannar fir-Rabat, Malta minn uffiċjali tal-korporazzjoni? Kemm saru spezzjonijiet/żjarat/investigazzjonijiet simili mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Min kienu dawn il-persuni u fuq liema bażi qed isiru dawn l-investigazzjonijiet fuq nies innoċenti bħall-familjarji ta' dawn il-ħaddiema? Ma' liema unions saru dawn l-arranġamenti u ma' min saru l-konsultazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma teżisti l-ebda policy biex isiru spezzjonijiet/żjarat/investigazzjonijiet għall-għarrieda fid-djar privati tal-ħaddiema tal-Gvern waqt li dawn ikunu għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Fil-kaz indikat, li ġara nhar il-Gimgħa 8 ta' Jannar fir-Rabat, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ irċeviet ittra anonima fejn ġie allegat li persuna - dan inzerta li jaħdem mal-Gvern - qed jagħmel xogħol bla permess. Ġie allegat ukoll li dan ix-xogħol qed isir matul il-ġurnata meta dan l-individwu suppost ikun fil-garaxx tal-Gvern. Il-Kororazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, bħal ma ġara dejjem, tinvestiga kull allegazzjoni li tirċievi. 27.1.99
Leg 9 PQ #3487 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Popeye Village

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Popeye Village għaddietx b'ċens, b'tender, b'kirja eċċ lill-kumpannija li qed topera llum? Kull meta jiġġedded il-perijodu taċ-ċens/tender/kirja eċċ lil din il-kumpannija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kumpanija 'Anchor Bay Services Ltd' baqgħet topera 'Popeye Village' wara ftehim li kienet waslet għalih mal-MIMCOL f'Jannar 1990. Hemm il-ħsieb li l-Gvern joħroġ sejħa għall-offerti għall-kiri ta' l-istess sit fil-futur immedjat. 27.01.99
Leg 9 PQ #3494 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mdina/Rabat — Bini storiku - Restawr

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' restawr fuq bini storiku fl-Imdina u r-Rabat, Malta? Jekk iva, liema huma dawk ix-xogħlijiet ta'restawr proġettati li jsiru fit-tliet snin li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet f'dan l-istadju m'għandux proġetti li se jwettaq fil-futur immedjat. Il-Mistoqsija għandha tiġi mressqa wkoll lid-Diviżjoni għax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent.